Lura għan-normalità

Print Friendly, PDF & Email

Fl-aħħar waslet il-kelma mistennija minn kulħadd! Konna qiegħdin nistennewha fuq ix-xwiek! Għax, u issa ħa ngħiduha kif inhi, tassew li konna xbajna sal-ponta ta’ mneħirna! U, iva, iddardarna wkoll! Għax kemm tiflaħ taħdem xogħol fid-dar jew fil-kunvent! Kemm se tara t-TV! U kemm se toqgħod fuq il-mobile biex tiċċekkja naqra’ il-Facebook! U kemm se torqod! U kemm! Kemm! U … kemm!…

Imbagħad ma rridux ninsew lanqas il-fattur ekonomiku! Biex ħa nieklu? U x’se nixorbu? U għandna biżżejjed x’nilbsu? Minn fejn se ndaħħlu l-flus? Għandna bżonnhom hux! U kif ħa naqtgħu d-dejn li għamilna qabel faqqgħet din il-misħuta Covid-19? Ħeqq! Tieħu! Tieħu! U terġa’ tieħu! U x’ħa jifdalli f’idi? Tgħid jibqa’ xi ħaġa? Issa dan mhux għal xi kapriċċ tafux! Imma għall-ħwejjeġ ta’ kuljum! Kieku tgħid li niekol jien biss fiha u ma fihiex! Xi ħaġa żgur li nirranġa! Għall-grazzja t’Alla mhux ħa mmut bil-ġuħ! Imma kif ħa nimla’ ħluq marti, żewġi, is-sieħeb u s-sieħba tiegħi, uliedi, u, iva, il-membri tal-komunità tiegħi? Mhux kollha irridu nieklu x’kull waħda tnejn?

Il-virus bagħtna lura! Stat u Knisja. Il-business ħa daqqa ta’ ħarta! U ħadha bil-maqlub! U miegħu ħadu daqqa ta’ ħarta wkoll il-parroċċi, il-kunventi, u tant ħwejjeġ oħra. U dan is-sagrifiċċju kollu sar biex inħarsu saħħitna! Xi prezz kellna nħallsu għal saħħitna ħbieb!

Imma ejja issa nwessgħu ftit il-viżjoni tagħna. Fi żmien ta’ pandemija bdejna nintebħu kemm għandna bżonn il-Mulej! Tafu li qatt ma smajt quddies daqskemm smajt f’dawn id-disgħin ġurnata li fihom kont magħluq u magħluqa ġewwa? Is-soltu, għall-quddiesa qatt ma mmur! Ħallieha li, mill-gallarija tiegħi, nista’ immiss il-faċċata tal-Knisja! Għax quddiemha noqgħod! Ejja issa nibqa’ nitlob u mhux kollox abandonship!

Il-virus se jibqa’ idur magħna. Tant hu hekk li l-awtoritajiet tas-saħħa xebgħu iwissuna biex noqgħodu b’seba’ mitt għajn minnu! Biss, ħbieb, għandna virus ieħor li se jibqa’ idur magħna tafux! Id-dnub! U dan jittrasforma ruħu mhux ħames darbiet, bħalma qed jgħidu li jbiddel lilu nnifsu dan il-misħut virus, imma f’ma nafx kemm il-forma! Bħal għira, mibegħda, tqassis, qtil ta’ fama, klikek, bullying, diżonestà, laxkezza, riġidità u x’ma nafx aktar!

Issa li sejrin għan-normalità mhux aħjar insaħħuha bil-mumenti tat-talb li konna nitolbu? Bil-laqgħat tagħna ma’ xulxin fil-familja u l-komunità? Billi nċemplu lil min hu waħdu u nżuruh ftit? Billi napprezzaw kollox u lil kulħadd?

Lura għan-normalità! U, għax ma nafux kemm se tibqa’ normali n-normalità, ngħixu l-issa bil-ferħ għax dak għandna f’idejna!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading