Il-parroċċa ta’ San Lawrenz l-Birgu tagħlaq 200 sena Kolleġġjata

Print Friendly, PDF & Email

Skond l-istudjużi, ħafna jżommu li l-knisja ta’ San Lawrenz il- Birgu hija waħda mill-eqdem parroċċi li għandna f’ Malta.

Din il-knisja kellha ħafna benefatturi li għenuha fil-ġrajja mżewqa tagħha. Nsibu fost oħrajn il-Granmastri tal-Ordni ta’ San Ġwann li kienu għażluha bħalha Knisja Konventwali tal-Ordni tagħhom qabel ma’ marru l-Belt fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, kif ukoll il-Prepostu Lanzon li jista’ jitqies bħala wieħed mill-ewwel benefatturi. Kienu bosta l-Kardinali, l-Inkwiżituri, delegati Apostoliċi, kif ukoll Isqfijiet Maltin li tawha l-għajnuna tagħhom.

Il-Prepostu Lanzon għadda ħajtu jara kif jagħmel biex ikabbar il-ġieħ ta’ din il-knisja li tant kienet għal qalbu. Dun Lawrenz Lanzon twieled ġewwa l-Birgu fl-1776. Dak iż-żmien Malta kienet għaddejja minn ħafna taqlib minħabba t-tmiem tal-ħakma tal-Kavallieri u l-miġja tal-Franċiżi fostna. Kien għadu kemm iqaddes meta l-Prepostu Lanzon ra l-aħħar Inkwiżitur f’Malta Mons. Giulio Carpegna jgħin u jmexxi l-quddiem lill-Kulleġġ tal-Benefiċjati fil-knisja ta’ San Lawrenz fl-1796. Meta d-delegati Apostoliċi kienu telqu minn Malta mal-wasla ta’ Napuljun, il-Prepostu Lanzon fehem malajr li l-Kulleġġ tal-Benefiċjati seta jkollu ġejjieni ikraħ. Għalhekk huwa ħass il-ħtieġa li dan il-Kulleġġ jinbidel f’Kapitlu formali ta’ Kanoniċi u b’hekk il-Knisja Matriċi ta’ San Lawrenz issir Kolleġġjata.

Il-Kapitlu Vittorjożan fis-6 ta’ Marzu 2016, fil-knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu

Il-Kulleġġ tal-Benefiċjati kien fehem sewwa kemm kienet ta’ valur il-ħidma ta’ Dun Lawrenz Lanzon, u għalhekk tawh kull setgħa biex ikun jista jara kif titwaqqaf il-Kolleġġjata l-ġdida. Dam ftit żmien sakemm Dun Lawrenz seta’ jirranġa kollox. Kien fl-aħħar tas-sena 1819 meta l- Prepostu Lanzon għamel it-talba formali lis-Santa Sede. Lanqas kienet ħaġa faċli biex jifforma l-ftehim li kellu jsir dwar il-Kolleġġjata, minħabba dak li kellu x’jaqsam mal-fondi finanazjarji, dmirijiet u drittijiet bejn il-kappillan Dun Salv Fenech u l-Benefiċjati l-oħra meta jsir Kapitlu ġdid. Fuq kollox Dun Lanzon kellu jitħaddet mal-Isqof ta’ Malta Mons. Ferdinandu Mattei u jurih kollox biex il-ħsieb li kellu seta’ jirnexxi. Tajjeb li wieħed igħid li l-Isqof Mattei mill-ewwel approva l-ħsieb għaqli tal-Prepostu Lanzon u ħadem kemm felaħ biex il-knisja ta’ San Lawrenz issir Kolleġġjata. L-Isqof Mattei kien kiteb ittra fis-16 ta’ Settembru 1819 lill-Kardinal Prodatarju fejn wrieh li din il-knisja kienet mżejna b’ħafna affarijiet sbieħ kif ukoll kellha kleru li kien eżemplari ħafna.

Għalhekk fil-15 ta’ Ġunju 1820 il-Qdusija tiegħu l-Papa Piju VII għolla l-Knisja ta’ San Lawrenz għad- dinjità ta’ Kolleġġjata. Il-Kanonċi l-ġodda biex iroddu ħajr lill-Prepostu Lanzon għall-ħidma tiegħu qiegħdu ritratt tiegħu fis-sagristija tal-Knisja magħmul mill-pittur Ġwann Battista Bonomo u kitbu skrizzjoni ta’ tifħir bil-Latin dwar dan is-saċerdot.

Nistgħu ngħidu li l-fondi finanzjarji għat-twaqqif tal-Kanonikati f’din il-Kolleġġjata l-ġdida kien miġbur mil-legati u donazzjonijiet magħmula jew mħollija snin qabel minn diversi benefatturi. Wara s-sena 1821, naraw li n-numru ta’ Kanonċi ġie mnaqqas minħabba li ma kienx hemm fondi biżżejjed biex jinżammu b’mod xieraq il-Prebendi, iżda nsibu ukoll it-twaqqif ta’ Kanonikati ġodda li twaqqfu min benefatturi oħra li kienu jħobbu ferm din il-Kolleġġjata. Fost dawn insibu, mniżżel fl-Atti tan-nutar Ġużeppi Metropoli, li s-Sur Gejt Chetcuti, kien waqqaf il-Prebenda Chetcuti fil-21 ta’ Diċembru 1825. Insibu ukoll li kienet twaqqfet il-Prebenda Marmarà fid-9 ta’ Marzu 1841. Iktar tard, fl-1863 ġiet mwaqqfa Prebenda mill-Kaptan Rossi.

Naraw li l-ewwel persuna li ħa l-pussess ta’ dan il-Kannonikat kien Dun Feliċ Marmarà, meta kien għadu seminarista fit-12 ta’ Marzu 1841. Dun Lawrenz Ciantar laħaq warajh fit-8 ta’ Awwissu 1863. Hu ukoll kien għadu seminarista meta ħa l-pussess ta’dan il-kanonikat. Sebgħin sena wara, il-Mons. Cassar li dak iż-żmien kien id-Dekan tal-Kapitlu waqqaf kanonikat ieħor fl-1934. Il-Kanonku Paul Galea ha l-pussess ta’ dan il-Kanonikat fis-6 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena. Snin wara nsibu li l-Kav. Domenico Azzopardi fit-30 ta’ Jannar 1965, kien għamel għotja lill-Kapitlu biex tgħin u ssaħħaħ għaxar kanonikati. Illum fil-Kapitlu Lawrenzjan suppost li jkun hemm erbatax-il kanoniku.

Il-Knisja Matriċi ta’ Vittoriosa, minn mindu twaqqfet l-Kolleġġjata fl-1820 rat fi ħdanha diversi prelati. Uħud minn dawn li ġew iżuruha f’okkazjonijiet speċjali, għoġobhom ikunu membri onorarji tal-Kapitlu Vittorjożan. Tajjeb li nsemmu wħud minn dawn: Il-Kardinal William Godfrey, li kien Arċisqof ta’ Westminster fl-lngilterra ,  Mons. Mikiel Gonzi, meta kien Isqof ta’ Għawdex,  Mons. Spiridione Polomeni, li kien Isqof Titulari ta’ Ruspa,  Mons. Giovanni Maria Camilleri O.S.A. li kien Isqof ta’ Għawdex, L-Isqof Mons. Peter Canisius van Lierde O.S.A. li kien Sagristan tal-Qdusija Tiegħu l-Papa u Vigarju Generali tal-Vatikan, Mons C.D. Fay C.B.E. Kappillan Kattoliku tar-Royal Navy, u ftit snin ilu l-E. T. l-Kardinal Prospero Grech O.S.A. 

Il-Kapitlu tal-lum fiħ diversi kanonċi żgħażagħ li qiegħdin jgħinu f’din il-Kolleġġjata. Illum il-15 ta’ Ġunju 2020, jaħbat il-200 sena minn mindu din il-knisja saret Kolleġġjata.

Nifirħulha!

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm