6. Il-bniedem mis-solitudni oriġinarja għall-għarfien li jaġħmlu persuna

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 24/10/1979.

1. Fit-taħdita ta’ qabel bdejna nanalizzaw is-sinifikat tas-solitudni oriġinarja tal-bniedem. L-ispunt ingħatalna mit-test Jaħwista, u b’mod partikolari mill-kliem li ġej: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmlulu għajnuna tgħodd għalih” (Ġen 2:18).  

L-analiżi tas-siltiet rilevanti fit-tieni kapitlu tal-Ktieb tal-Ġenesi (ara: Ġen 2) diġà wasslitna għal konklużjonijiet sorprendenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-antropoloġija, jiġifieri x-xjenza fundamentali dwar il-bniedem, miġbura f’dan il-ktieb. Infatti, tista’ tgħid fi ftit sentenzi, it-test l-antik juri lill-bniedem bħala persuna bis-soġgettività li tikkaratterizzaha.

Alla-Jahwè jagħti lil dan l-ewwel bniedem, li għadu kemm kien maħluq, l-amar li jirrigwarda s-siġar kollha li jikbru fil-“ġnien tal-Għeden”, b’mod speċjali s-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin.  Dan ikompli jżid mal-karatteristiċi tal-bniedem, deskritt hawn fuq, il-mument tal-għażla u tal-awto-determinazzjoni, jiġifieri tal-rieda ħielsa.   B’dan il-mod l-immaġni tal-bniedem, bħala persuna mogħnija bis-suġġettività tagħha nnifisha, tidher quddiemna sħiħa fl-ewwel abbozz tagħha.

Il-kunċett tas-solitudni oriġinarja jinkludi fih kemm l-għarfien tiegħu nnifsu kif ukoll l-awto-determinazzjoni. Il-fatt li l-bniedem huwa “waħdu” jaħbi fih din l-istruttura ontoloġika u jindika għarfien veru.  Mingħajr dan ma nistgħux nifhmu b’mod korrett il-kliem li jiġi wara u li jikkostitwixxi l-preludju għall-ħolqien tal-ewwel mara: “Ħa nagħmlulu għajnuna”. Imma fuq kollox, mingħajr dak is-sinifikat hekk profond tas-solitudni oriġinarja tal-bniedem, mhux possibbli li nifhmu u ninterpretaw sewwa s-sitwazzjoni sħiħa tal-bniedem maħluq xbieha t’Alla, li hija s-sitwazzjoni tal-ewwel patt, jew aħjar tal-patt oriġinali, ma’ Alla.

Sieħeb tal-Assolut

2. Ir-rakkont tal-ewwel kapitlu jgħid li dan il-bniedem ġie maħluq “xbieha ta’ Alla”.  Fit-tieni rakkont hu jiġi ppreżentat bħala suġġett tal-patt, jiġifieri suġġett magħmul bħala persuna, magħmul fid-dimensjoni ta’ “sieħeb tal-Assolut”.   Hu jrid li konxjament jiddixxerni u jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-ħajja u l-mewt.   Il-kliem tal-ewwel kmandament ta’ Alla-Jahwè (Ġen 2:16-17) jitkellem b’mod dirett dwar is-sottomissjoni u d-dipendenza tal-bniedem ħlejqa lejn il-Ħallieq tiegħu. Dan il-kliem jirrivela b’mod indirett appuntu dan il-livell tal-umanità bħala suġġetta għall-patt u bħala “sieħba tal-Assolut”. Il-bniedem huwa “waħdu”: dan irid ifisser li hu, permezz tal-umanità tiegħu, permezz ta’ dak li hu, huwa fl-istess ħin imsawwar  f’relazzjoni unika, esklussiva u irrepetibbli ma’ Alla nnifsu. Min-naħa tagħha, id-definizzjoni antropoloġika li tinsab fit-test Jaħwista tersaq lejn dak li tgħid id-definizzjoni teoloġika tal-bniedem, li nsibu fl-ewwel rakkont tal-ħolqien: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.” (Ġen 1:26).

Konxju li jinsab “waħdu”

3. Il-bniedem, b’din l-għamla li għandu, jifforma parti mid-dinja viżibbli; huwa ġisem fost ħafna iġsma.  Waqt li nerġgħu naqbdu, u sa ċertu punt nerġgħu nibnu, is-sinifikat tas-solitudni oriġinarja, ejjew napplikawh għall-bniedem fit-totalità kollha tiegħu.  Il-ġisem, li permezz tiegħu il-bniedem jipparteċipa fid-dinja maħluqa li tidher, fl-istess ħin iġibu konxju li jinsab “waħdu”.  Inkella ma kienx ikun kapaċi li jasal għal dik il-konvinzjoni li wasal għaliha, (ara: Ġen 2:20), li kieku ġismu ma għenux jifhimha, u b’hekk il-kwistjoni ssir evidenti.  Il-għarfien tas-solitudni setà tfarrak għal kollox, preċiżament minħabba ġismu stess.  Il-bniedem (“‘adam”) seta’ wasal għall-konklużjoni fuq l-esperjenza ta’ ġismu stess, billi hu jixbah b’mod sostanzjali lill-esseri ħajjin l-oħra (animalia).  Għall-kuntrarju, bħal ma naqraw, huwa ma wasalx għal din il-konklużjoni.  Minflok wasal għall-perswazjoni li huwa kien “waħdu”. It-test Jaħwista ma jitkellimx b’mod dirett dwar il-ġisem.  Anke meta jgħid li “l-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art”, jitkellem dwar il-bniedem u mhux dwar il-ġisem.  Minkejja dan, ir-rakkont meħud fit-totalità tiegħu joffrilna bażi biżżejjed biex naraw lil dan il-bniedem, maħluq fid-dinja viżibbli, proprju bħala ġisem fost l-iġsma.

L-analiżi tat-test Jaħwista tippermettilna wkoll li ngħaqqdu s-solitudni oriġinarja tal-bniedem mal-għarfien tal-ġisem.  Permezz tal-ġisem tiegħu, il-bniedem jiddistingwi ruħu mill-bqija tal-“animalia” u jingħażel minnhom, u barra minn hekk, permezz tal-ġisem tiegħu il-bniedem huwa persuna. Wieħed jistà jgħid b’ċertezza li l-bniedem magħmul b’dan il-mod għandu fl-istess ħin l-għarfien u il-konsapevolezza ta’ x’tifsira għandu l-ġisem tiegħu. U dan minħabba l-esperjenza tas-solitudni oriġinarja.

It-tifsira tal-ġisem tiegħu

4. Dan kollu jistà jitqies bħala implikazzjoni tat-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem, u l-analiżi tat-test tippermettilna niżviluppawh aktar.

Meta fil-bidu tat-test Jaħwista, anke qabel ma jitkellem dwar il-ħolqien tal-bniedem mit-“trab tal-art”, naqraw li “l-bniedem  ma kienx hemm biex jaħdem l-art u jtellà l-ilma fis-swieqi u jsaqqi l-wiċċ kollu tal-art” (Ġen 2:5-6). Bir-raġun kollu aħna nassoċċjaw din is-silta ma’ dik tal-ewwel rakkont, li fiha hemm il-kmand divin: “Imlew l-art u aħkmuha u saltnu fuqha” (Ġen 1:28). It-tieni rakkont jalludi b’mod espliċitu għax-xogħol li l-bniedem jagħmel biex jikkultiva l-art.  L-ewwel mezz fundamentali biex il-bniedem jaħkem l-art jinsab fil-bniedem innifsu. Il-bniedem jista’ jiddomina l-art għaliex hu biss – u ebda ħlejqa ħajja oħra – hu kapaċi “jikkultivaha” u jibdilha skont il-bżonnijiet tiegħu (“u jtellà l-ilma fis-swieqi u jsaqqi l-wiċċ kollu tal-art”) Dan l-ewwel abbozz ta’ attività speċifikament umana donnu jagħmel parti mid-definizjoni tal-bniedem, hekk kif toħroġ mill-analiżi tat-test Jaħwista. Minħabba f’hekk, wieħed jistà jsostni li dan l-abbozz huwa intrinsiku għat-tifsira tas-solitudni oriġinarja u jappartjeni għal dik id-dimensjoni ta’ solitudni li permezz tagħha l-bniedem, sa mill-bidu,  jinsab fid-dinja viżibbli bħala ġisem fost l-iġsma u jiskopri t-tifsira tal-ġisem tiegħu stess.

Dwar dan l-argument  nitkellmu fil-meditazzjoni li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm

%d bloggers like this: