5. Il-bniedem fit-tiftix tad-definizzjoni tiegħu nnifsu

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 10/10/1979.

1. Fl-aħħar riflessjoni taċ-ċiklu preżenti wasalna għal konklużjoni introduttiva, meħudha  mill-kliem tal-Ktieb tal-Ġenesi dwar il-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara.

Kien għal dan il-kliem, jew aħjar għall-“bidu”, li l-Mulej Ġesù rrifera fid-djalogu tiegħu dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ (cf. Mt 19,3-9; Mk 10,1-12). Iżda l-konklużjoni li għaliha wasalna ma tinponix tmiem għas-serje tal-analiżi tagħna. Infatti rridu nerġgħu naqraw ir-rakkont tal-ewwel u t-tieni kapitlu tal-Ktieb tal-Ġenesi f’kuntest iktar wiesà li jippermettilna nistabbilixxu serje ta’ tifsiriet ta’ dak it-test antik, li għalih Kristu rrifera.  Illum, għalhekk, se nirriflettu dwar it-tifsira tas-solitudni oriġinarja tal-bniedem.

Is-solitudni tal-“bniedem” bħala tali

2. L-ispunt għal din ir-riflessjoni jingħatalna b’mod dirett mill-kliem li ġej tal-Ktieb tal-Ġenesi: “Mhux sewwa li l-bniedem (maskil) jibqa’ waħdu. Ħa nagħmlulu għajnuna tgħodd għalih” (Ġen2,18). Huwa Alla-Jaħwè li jgħid dawn il-kelmiet.  Huma jagħmlu parti mit-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem u allura ġejjin mit-tradizzjoni Jaħwista.  Kif diġà fakkarna qabel, huwa sinifikattiv li, fejn jidħol it-test Jaħwista, ir-rakkont tal-ħolqien tal-bniedem (maskil) huwa silta għaliha (ara: Ġen 2,7), li tiġi qabel ir-rakkont tal-ħolqien tal-ewwel mara (ara: Ġen 2,21-22). Barra minn hekk, huwa sinifikattiv il-fatt li l-ewwel bniedem (“’adam”), maħluq mit- “trab tal-art”, jiġi definit bħala “raġel” (“‘iš”) biss wara l-ħolqien tal-ewwel mara. Għalhekk, mela, meta Alla-Jahwè jippronunzja l-kliem dwar is-solitudni, dan ikun  jirreferi għas-solitudni tal-“bniedem” bħala tali, u mhux biss għal dik tar-raġel. (It-test Ebrajk isejjaħ b’mod kostanti lill-ewwel bniedem bħala “ha-’adam”, waqt li t-terminu “‘iš” [“maskil”] jiġi introdott biss meta jfiġġ il-konfront mal-“‘iššâ” [“femminil”]. Mela l-bniedem kien solitarju bla ebda riferenza għas-sess. Madankollu, fit-traduzzjoni tat-test għal diversi lingwi Ewropej huwa diffiċli li wieħed jesprimi dan il-kunċett tal-Ġenesi, għaliex “bniedem” u “raġel” jiġu definiti, normalment, b’kelma waħda: “homo”, “uomo”, “homme”, “hombre”, “man”.).

Però huwa diffiċli li titbiegħed ħafna biex tiġbed il-konklużjonijiet bbażati sempliċement fuq dan il-fatt.   Madankollu, il-kuntest sħiħ ta’ dik is-solitudni li dwarha jitkellem il-Ġenesi 2:18, jistà jikkonvinċina li hawn qed jitkellem dwar is-solitudni tal-“bniedem” (raġel u mara) u mhux sempliċement dwar is-solitudni tal-bniedem-raġel, ikkawżata min-nuqqas tal-mara.

Donnu li, mela, a bażi tal-kuntest sħiħ, din is-solitudini għandha żewġ tifsiriet: waħda li ġejja mill-istess natura tal-bniedem, jiġifieri mill-umanità tiegħu (u dan huwa evidenti fir-rakkont tal-Ġenesi 2) u l-oħra li ġejja mir-relazzjoni bejn ir-raġel u l-mara, (u dan huwa evidenti, sa ċertu mod, a bażi tal-ewwel tifsira).  Analiżi aktar profonda tad-deskrizzjoni tidher li tikkonferma dan.

3. Il-problema tas-solitudni timmanifesta ruħha biss fil-kuntest tat-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem.  L-ewwel rakkont din il-problema jinjoraha.  Hemm il-bniedem huwa maħluq f’att wieħed bħala “raġel u mara” (“U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu …. raġel u mara ħalaqhom”) (Ġen 1:27).  Kif diġà semmejna, it-tieni rakkont jitkellem l-ewwel dwar il-ħolqien tar-raġel, u huwa biss wara li jitkellem dwar il-ħolqien tal-mara mill- “kustilja” tar-raġel.  Dan ir-rakkont jikkonċentra l-attenzjoni tagħna fuq il-fatt li “l-bniedem huwa waħdu” u dan jidher bħala problema antropoloġika fundamentali li, sa ċertu sens, tiġi qabel dik li ġejja mill-fatt li dan il-bniedem huwa raġel u mara.

Din il-problema tiġi qabel mhux tant fis-sens kronoloġiku, daqskemm fis-sens eżistenzjali: tiġi qabel “min-natura tagħha”.  Hekk ukoll tirrivela ruħha l-problema tas-solitudni tal-bniedem mill-aspett tat-teoloġija tal-ġisem, jekk jirnexxilna nagħmlu analiżi profonda tat-tieni rakkont tal-ħolqien fil-Ġenesi 2.

Eżami speċifiku

4. L-affermazzjoni ta’ Alla-Jahwè: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu.”, ma tidhirx biss fil-kuntest immedjat tad-deċiżjoni biex tinħoloq il-mara (“Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih”), imma wkoll fil-kuntest iktar wiesà ta’ motivi u ta’ ċirkustanzi, li jispjegaw b’mod aktar profond it-tifsira tas-solitudni oriġinali tal-bniedem.  It-test Jaħwista jorbot il-ħolqien tal-bniedem, l-ewwel u qabel kollox, mal-bżonn li “tinħadem l-art” (Ġen 2,5), u dan ikun jikkorrispondi, fl-ewwel rakkont, mal-vokazzjoni tal-ħakma u d-dominazzjoni tal-art (ara: Ġen 1,28).  Imbagħad, it-tieni rakkont tal-ħolqien jitkellem dwar it-tqegħid tal-bniedem fil-“ġnien tal-Għeden”, u b’dan il-mod jintroduċina għall-istat tal-hena oriġinali.  Sa dan il-waqt il-bniedem huwa oġġett tal-azzjoni ħallieqa ta’ Alla-Jaħwè li, fl-istess ħin, bħala leġiżlatur jistabbilixxi l-kondizzjonijiet tal-ewwel patt mal-bniedem.

Is-soġġettività tal-bniedem hija diġà emfasizzata permezz ta’ dan. Din issib espressjoni ulterjuri meta l-Mulej Alla “sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u ġiebhom quddiem il-bniedem (raġel), biex jara xi jsemmihom” (Ġen 2,19).  Hekk, mela, l-ewwel tifsira tas-solitudni oriġinali tal-bniedem hija definita a bażi ta’ “test” speċifiku jew ta’ eżami li l-bniedem jkollu joqgħod għalih quddiem Alla (u, b’ċertu mod, anke quddiemu stess).  Permezz ta’ dan it-“test”, il-bniedem jasal li jagħraf is-superjorità tiegħu nnifsu, jiġifieri li hu ma jistax jitqies ugwali għall-ebda speċi oħra ta’ ħlejjaq li jgħixu fid-dinja. 

Infatti, kif jgħid it-test, “ u skont ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha.” (Ġen 2,19). “U l-bniedem ta isem lil kull bhima u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ, imam” – itemm l-awtur – “għall-bniedem (raġel) ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih” (Ġen 2,19-20).

Il-ħolqien tal-mara

5. Din il-parti kollha tat-test hija, bla dubju ta’ xejn, tħejjija għar-rakkont tal-ħolqien tal-mara. Madankollu, hija għandha wkoll is-sinifikat profond tagħha, indipendentement minn dan il-ħolqien.  Sa mill-ewwel mument tal-eżistenza tiegħu, il-bniedem maħluq isib ruħu quddiem Alla bħallikieku f’tiftixa tal-entita tiegħu nnifsu. Tistà tgħid li hu qiegħed ifittex id-definizzjoni tiegħu nnifsu.  Bniedem tal-lum jasal biex jgħid li qiegħed ifittex l-“identità” proprja tiegħu.  Il-fatt li l-bniedem “jinsab waħdu” f’nofs id-dinja viżibbli u, b’mod partikulari, fost esseri ħajjin, għandha sinifikat negattiv f’din it-tiftixa, għaliex tesprimi dak li hu “mhuwiex”.

Minkejja dan, il-fatt li mhux kapaċi jidentifika ruħu essenzjalment mad-dinja tal-ħlejjaq l-oħra ħajjin (animalia) għandha, fl-istess ħin, aspett pożittiv għal din it-tiftixa primarja.  Anke jekk din l-osservazzjoni għadha mhix definizzjoni sħiħa, madankollu xorta waħda tikkostitwixxi wieħed mill-elementi tagħha. Jekk naċċettaw it-tradizzjoni Aristoteljana fil-loġika u fl-antropoloġija, ikun hemm bżonn li niddefinixxu dan l-element bħala “ġeneru prossimu” (“genus proximum“).

6. It-test Jaħwista, madankollu, jippermettilna li niskopru wkoll elementi oħra f’dik is-silta tal-għaġeb, li fiha il-bniedem isib ruħu waħdu quddiem Alla biex jesprimi primarjament, permezz tal-ewwel awtodefinizzjoni, l-għarfien tiegħu nnifsu, bħala manifestazzjoni oriġinali u fundamentali tal-umanità. L-għarfien tiegħu nnifsu jiżviluppa bl-istess rata bħall-għarfien tad-dinja, tal-ħlejjaq viżibbli kollha, tal-esseri ħajjin kollha li lilhom il-bniedem kien ta isem sabiex jafferma d-differenza li teżisti bejnu u bejhom.  B’dan il-mod, l-għarfien juri lill-bniedem bħala dak li għandu l-fakultà konjittiva fir-rigward tad-dinja viżibbli.  B’dan l-għarfien li, b’xi mod lilu joħorġu ’il barra mill-esseri tiegħu nnifsu, fl-istess ħin il-bniedem jirrivela lilu nnifsu fil-karatteristiċi tal-esseri tiegħu. Huwa ma jinsabx essenzjalment u suġġettivament waħdu.   Is-solitudni tfisser ukoll is-suġġettività tal-bniedem, li tinħoloq permezz tal-għarfien tiegħu nnifsu.  Il-bniedem huwa waħdu għaliex huwa “differenti” mid-dinja viżibbli, mid-dinja tal-esseri ħajjin.  Meta nanalizzaw it-test tal-Ktieb tal-Ġenesi, aħna nkunu, b’xi mod, xhieda ta’ kif il-bniedem “jiddistingwi ruħu” quddiem Alla-Jahwè mid-dinja kollha tal-esseri ħajjin (“animalia”) permezz tal-ewwel att tiegħu ta’ għarfien tiegħu nnifsu, u ta’ kif hu jirrivela ruħu lilu nnifsu.  Fl-istess ħin hu jasserixxi ruħu bħala “persuna” fid-dinja viżibbli.  Dak il-proċess, imħażżeż b’mod hekk inċisiv fil-Ġenesi 2:19-20, hu tiftixa tal-bniedem għad-definizzjoni tiegħu nnifsu.  Biex norbtu mat-tradizzjoni Aristoteljana, dan iwassal biex jindika il-proximate genus.  Kapitlu 2 tal-Ġenesi jesprimi dan permezz tal-kelmiet: “U l-bniedem ta l-isem …”. Jikkorrispondi ma’ dan hemm id- differenzja speċifika li, skont id-definizzjoni ta’ Aristotile, hija “noûs, zoón noetikón“.  Dan il-proċess iwassal ukoll għall-ewwel deskrizzjoni tal-esseri uman bħala persuna umana bis-suġġetività speċifika li tikkaratterizzah.

Ninterrompu hawn l-analiżi tas-sinifikat tas-solitutdni oriġinarja tal-bniedem, Nerġgħu naqbduha mill-ġdid fi żmien ġimgħa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm

%d bloggers like this: