7. Fl-istess definizzjoni tal-bniedem, l-alternattiva bejn mewt u immortalità

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 31/10/1979.

1. Illum sewwa li nerġgħu lura għal darba oħra għat-tifsira tas-solitudni oriġinarja tal-bniedem li toħroġ, fuq kollox, mill-analiżi tal-hekk imsejjaħ test Jaħwista tal-Ġenesi 2.  

Kif diġà rajna fir-riflessjonijiet ta’ qabel, it-test bibliku jippermettilna li nenfasizzaw mhux biss l-għarfien tal-ġisem uman (il-bniedem ġie maħluq fid-dinja viżibbli bħala “ġisem fost l-iġsma”), imma wkoll dak tat-tifsira tiegħu.

Minħabba l-fatt li t-test bibliku hu qasir ħafna, irridu ngħidu li mhux possibbli li namplifikaw iżżejjed din l-implikazzjoni. Però, li huwa żgur li hawn qegħdin immissu l-problema ċentrali tal-antropoloġija. L-għarfien tal-ġisem donnu li qiegħed jidentifika ruħu f’dan il-każ mal-iskoperta tal-komplessità tal-istruttura tiegħu stess.  A bażi tal-antropoloġija filosofika, din l-iskoperta tikkonsisti, fil-qosor, fir-relazzjoni bejn ir-ruħ u l-ġisem. Ir-rakkont Jaħwista bil-lingwaġġ tiegħu (jiġifieri bit-terminoloġija proprja tiegħu) jesprimi dan billi jgħid: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħ fi mnifsejh nifs il-ħajja u l-bniedem sar ruħ ħajja” (Ġen 2:7). U proprju dan il-bniedem, “ruħ ħajja”, jiddistingwi ruħu kontinwament mill-ħlejjaq l-oħra kollha tad-dinja viżibbli. Il-premessa li l-bniedem jiddistingwi ruħu b’dan il-mod hija preċiżament il-fatt li hu biss huwa kapaċi li “jaħdem l-art” (ara: Ġen 2:5) u li “jaħkimha” (ara: Ġen 1:28). Nistgħu ngħidu li l-għarfien tas-“superjorità” inkluża fid-definizzjoni ta’ umanità, twieldet sa mill-bidu fuq il-prassi jew l-imġiba tipika umana.  Dan l-għarfien iġib miegħu perċezzjoni partikulari ta’ xi jfissier il-ġisem tal-bniedem, u din it-tifsira toħroġ appuntu mill-fatt li hu l-bniedem li “jaħdem l-art” u “li jaħkimha”. Dan kollu jkun impossibbli mingħajr intuwizzjoni tipika umana tat-tifsira tal-ġisem proprju tal-bniedem.

Jesprimi l-persuna

2. Allura jidher li jeħtieġ li, qabel xejn, nitkellmu dwar dan l-aspett aktar milli dwar il-problema tal-kumplessità antropoloġika fis-sens metafiżiku. Id-deskrizzjoni oriġinali tal-għarfien uman, kif mogħtija mit-test Jaħwista, tinkludi wkoll fir-rakkont kollu kemm hu lill-istess ġisem.  Fih tinsab l-ewwel xhieda tal-iskoperta li l-bniedem għamel dwar il-ġisem tiegħu u anke, kif diġà għedna, tal-perċezzjoni  ta’ xi jfisser dan l-istess ġismu.  Dan kollu huwa rrivelat mhux skont xi analiżi metafiżika primordjali, imma minħabba suġġettività konkreta tal-bniedem li hi ċara biżżejjed. 

Il-bniedem huwa suġġett mhux biss minħabba l-għarfien tiegħu nnifsu u minħabba l-awto-determinazzjoni tiegħu, imma wkoll minħabba l-istess ġisem tiegħu. L-istruttura ta’ dan il-ġisem hija tali li tippermettilu li jkun l-awtur ta’ attività li hi deċiżament umana. F’din l-attività l-ġisem jesprimi l-persuna. Għalhekk, fil-materjalità kollha tiegħu (“sawwar il-bniedem mit-trab tal-art”), il-ġisem huwa kważi penetrabbli u trasparenti, b’mod li jidher ċar min il-bniedem huwa tassew (u min għandu jkun) bis-saħħa tal-istruttura tal-kuxjenza u tal-awto-determinazzjoni tiegħu. Fuq dan tistrieħ il-perċezzjoni fundamentali tal-ġisem tagħna, li aħna niskopru waqt li nkunu qed nanalizzaw is-solitudni oriġinarja tal-bniedem.

L-esperjenza tal-eżistenza

3. U hawn, b’dan l-għarfien fundamentali tat-tifsira tal-ġisem tiegħu, il-bniedem bħala suġġett tal-patt antik mal-Ħallieq, isib ruħu quddiem il-misteru tas-siġra tal-għarfien. “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistà tiekol, imma mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin la tikolx minnha, għaliex dakinhar li tiekol minnha żgur li tmut” (Ġen 2:16-17). It-tifsira oriġinali tas-solitudni tal-bniedem hija bbażata fuq l-esperjenza tal-eżistenza miksuba mingħand il-Ħallieq. Din l-eżistenza umana hija kkaratterizzata appuntu mis-suġġettività, li tinkludi wkoll is-sinifikat tal-ġisem.  

Imma seta’ l-bniedem, li fil-kuxjenza oriġinarja tiegħu kien jaf b’mod esklussiv l-esperjenza tal-eżistenza u allura tal-ħajja, jifhem xi tfisser il-kelma “tmut”? Seta’ kien kapaċi li jasal li jifhem is-sens ta’ din il-kelma permezz tal-istruttura kumplessa tal-ħajja, mogħtija lilu meta “il-Mulej Alla… nefaħ fi mnifsejh nifs il-ħajja…”? Irridu nammettu li din il-kelma “tmut”, li kienet kelma għal kollox ġdida, tfaċċat fuq ix-xefaq tal-għarfien tal-bniedem mingħajr ma hu qatt kien esperimenta r-rejaltà tagħha.  Fl-istess ħin, din il-kelma dehret quddiemu bħala antitesi radikali ta’ dak kollu li l-bniedem kien ġie mogħni bih.

Il-bniedem kien qiegħed jisma’ għall-ewwel darba l-kelma “tmut”, bla ma qatt kien sar familjari magħha fl-esperjenza tiegħu sa dak il-waqt.  Mill-banda l-oħra, ma setax ma jassoċjax is-sinifikat tal-mewt ma’ dik id-dimensjoni ta’ ħajja li kien gawda sa dak il-waqt. Il-kliem ta’ Alla-Jahwè indirizzat lill-bniedem jikkonferma dipendenza fl-eżistenza, b’mod li l-bniedem ikun esseri limitat u, min-natura tiegħu stess, suġġett għan-non-eżistenza.

Dawn il-kelmiet jippreżentaw il-problema tal-mewt b’mod ikkondizjonat: “dakinhar li tiekol … int tmut”. Issa li kien sema’ dawn il-kelmiet, il-bniedem ried li jsib il-verità tagħhom fl-istruttura interna tas-solitudni tiegħu.  Fi ftit kliem, kien jiddependi minnu, mid-deċiżjoni u mill-għażla ħielsa tiegħu, jekk, permezz tas-solitudni, hu kienx se jidħol ukoll fiċ-ċirku tal-antitesi rivelata lilu mill-Ħallieq, flimkien mas-siġra ta’ għarfien it-tajjeb u l-ħażin, u hekk jesperjenza hu nnifsu l-kelmiet ‘tmut’ u ‘mewt’.  Waqt li kien qiegħed jisma’ kliem Alla-Jahwè, il-bniedem messu fehem li s-siġra tal-għarfien kellha l-għeruq mhux biss fil-“ġnien tal-Għeden”, imma wkoll fl-umanità tiegħu.  Barra minn hekk, messu fehem li dik is-siġra misterjuża kienet taħbi ġofiha dimensjoni ta’ solitudni, sa dak il-waqt mhix magħrufa, li biha l-Ħallieq kien żejnu f’nofs id-dinja tal-esseri ħajjin, li lilhom hu, il-bniedem – quddiem l-istess Ħallieq – kien “tahom isimhom”, biex jasal li jifhem li ħadd minnhom ma kien bħalu.

Maħluq mit-trab

4. It-tifsira fundamentali tal-ġisem tal-bniedem diġà ġiet stabbilita permezz tad-distinzjoni tiegħu mill-bqija tal-kreaturi l-oħra. B’hekk kien evidenti li l-“inviżibbli” jiddetermina lill-bniedem iktar mill-“viżibbli”.  Allura quddiemu ppreżentat ruħha l-alternattiva l-oħra marbuta b’mod strett u dirett minn Alla-Jahwè mas-siġra ta’ għarfien it-tajjeb u l-ħażin.  L-alternattiva bejn il-mewt u l-immortalità, li toħroġ minn Ġenesi 2:17, tmur lil hinn mit-tifsira essenzjali tal-ġisem tal-bniedem, minħabba li tiġbor fiha t-tifsira eskatoloġika mhux biss tal-ġisem, imma wkoll tal-umanità nnifisha, distinta mill-esseri ħajjin kollha, mill-“iġsma”.  Din l-alternattiva però tirrigwarda b’mod għal kollox partikulari il-ġisem maħluq mit-“trab tal-art”.

Biex ma ntawlux iktar din l-analiżi, ngħidu biss li ninnutaw sa mill-bidu nett li l-alternattiva bejn il-mewt u l-immortalità tidħol fid-definizzjoni tal-bniedem u li tippartjeni “sa mill-bidu” għas-sinifikat tas-solitudni tiegħu quddiem Alla nnifsu. Dan is-sinifikat oriġinali ta’ solitudni, amplifikat mill-alternattiva bejn il-mewt u l-immortalità, għandu wkoll tifsira fundamentali għat-teoloġija sħiħa tal-ġisem.

B’din l-osservazzjoni nikkonkludu għal issa ir-riflessjonijiet tagħna dwar is-sinifikat tas-solitudni oriġinarja tal-bniedem. Din osservazzjoni, li toħroġ b’mod ċar u penetranti mit-testi tal-Ktieb tal-Ġenesi, iġġagħalna nirriflettu kemm fuq it-testi kif ukoll fuq il-bniedem.  Forsi hu mhux wisq konxju mill-verità li tikkonċernah, u li diġà tinsab fl-ewwel kapitli tal-Bibbja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm

%d bloggers like this: