Ftit tagħrif dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet


Fil-15 ta’ Settembru 1965, ftit qabel l-għeluq tal-Konċilju Vatikan it-Tieni, l-Papa Pawlu VI li ġie kanonizzat mill-Papa Franġisku fl-14 ta’ Ottubru 2018 ħareġ ittra Apostolika msejħa “Apostolica Sollicitudo” biex jwaqqaf Sinodu (Assemblea) tal-Isqfijiet għall-Knisja kollha.

Is-Sinodi diġà kienu jeżistu fid-djoċesijiet jew fil-provinċji, sabiex l-isqfijiet ikunu jistgħu jikkonsultaw ruħhom mal-kleru, r-reliġjużi, u l-lajċi tagħhom dwar kwistjonijiet li kienu qed iħabbtu wiċċhom magħhom fil-knejjes tagħhom.

Kien il-Papa San Pawlu VI li ħejja assemblea fejn l-isqfijiet magħżula minn diversi partijiet tad-dinja setgħu jinġabru mal-Qdusija Tiegħu l-Papa, u jagħtu nformazzjoni u pariri, kif ukoll jieħdu deċiżjonijiet miegħu. Il-Papa San Pawlu VI qal: “It-tħassib appostoliku li jwassalna biex inħarsu bir-reqqa s-sinjali taż-żminijiet u biex nagħmlu kull ħila biex nadattaw il-mezzi u l-metodi tal-appostolat qaddis għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u għal-ħtieġa ta’ żmienna, ġegħeluna nistabilixxu rabtiet eqreb mal-Isqfijiet sabiex nssaħħu l-għaqda tagħna magħhom ‘lil dawk li l-Ispirtu s-Santu poġġa … biex imexxi l-knisja ta’ Alla (Atti 20:28). Aħna wasalna għal dan mhux biss bil-qima, l-istima u s-sens ta’ gratitudni li aħna ġustament inħossu lejn l-aħwa venerabbli kollha tagħna fl-episkopat, iżda wkoll mir-responsabilità qawwija ħafna li tobbligana mmexxu l-poplu ta’ Alla għall-mergħat ta’ dejjem.”

Il-Qdusija Tiegħu, is-suċċessur ta’ San Pietru, għaraf li d-dinja kienet inbidlet u saret “iżgħar u aktar ikkumplikata”. Huwa induna l-ħtieġa li joħroġ iktar ġid mill-esperjenza u l-għerf tal-Isqfijiet. Għalhekk, billi kompla ħeġġeġ l-ispirtu tal-kolleġġjalità tal-Konċilju Vatikan II, is-sinodu kellu jservi bħala korp konsultattiv dwar kwistjonijiet ta’ fidi u morali, biex jippreserva u jsaħħaħ id-dixxiplina, biex jiffoka fuq il-missjoni tal-knisja fid-dinja moderna u biex jippromwovi unità u armonija fil-knisja.

Is-Sinodu tal-Isqfijiet huwa kunsill permanenti f’Ruma li għandu segretarjat ġenerali permanenti mmexxi minn segretarju ġenerali. Is-segretarju ġenerali huwa maħtur mill-Papa, u assistit minn kunsill magħmul minn isqfijiet, uħud eletti u oħrajn maħturin mill-Papa innifsu (Liġi Kanonika, 348). Meta jiltaqa s-Sinodu tal-Isqfijiet, rappreżentanti magħżula minn madwar id-dinja jinġabru, mal-isqfijiet maħtura mill-Papa. Il-laqgħa tinkludi għaxar reliġjużi magħżula mill-Unjoni tas-Superjuri Maġġuri biex jirrappreżentaw l-istituti reliġjużi klerikali, u l-kardinali inkarigati mid-dipartimenti tal-Kurja Rumana.

Il-Papa għandu awtorità diretta u immedjata fuq is-sinodu. Huwa jsejjaħ is-sinodu, jirratifika l-elezzjoni tal-membri u jinnomina kull membru ieħor. Il-Qdusija Tiegħu, jistabbilixxi l-aġenda u s-suġġetti għad-diskussjoni, jippresiedi s-sinodu, u “jikkonkludi, jittrasferixxi, jissospendi u jxolji” s-sinodu (Liġi Kanonika 344).

Ħafna drabi meta tkun qed ssir it-tħejjija għas-sinodu, s-segretarjat ġenerali jħejji deskrizzjoni msejħa lineamenta, li jitqassam għall-kummenti. Wara li jirċievu r-reazzjonijiet, dokument ta’ ħidma msejjaħ instrumentum laboris, li jservi bħala l-bażi tad-diskussjonijiet tas-sinodu, jiġi mħejji u mogħti lill- Isqfijiet. Matul is-sinodu, proposti (propositiones) huma ppreżentati u diskussi, u dawk li jiġu approvati huma sottomessi lill-Papa, li hu min-naħa tiegħu juża biex jikteb eżortazzjoni apostolika post-sinodali.

Il-biċċa l-kbira tas-sinodi jservu bħala laqgħat “ġenerali ordinarji”. Madankollu xi wħud huma meqjusa bħala “straordinarji”, minħabba ċ-ċirkostanzi urġenti speċjali li jimmotivaw il-konvokazzjoni tagħhom, fejn jinġabru inqas membri. Hemm ukoll, “laqgħat speċjali”, fejn l-isqfijiet f’żona ġeografika speċifika jiltaqgħu, kif kienet l-assemblea speċjali li saret fl-Afrika fl-2009 u fil-Lvant Nofsani fl-2010.

Sal-lum saru b’kollox 28 sinodu. L-ewwel wieħed kien sar fl-1967 fejn l-Isqfijiet idduskutew dwar kif, “Nippreservaw u Nsaħħu l-Fidi Nisranija.”

Diversi kostituzzjonijiet apostoliċi importanti kienu l-frott ta’ dawn s-sinodi li ħa nsemmu:

“Ir-Rwol tal-Familja Nisranija fid-Dinja Moderna”, 1981; “Rikonċiljazzjoni u Penitenza”, 1984; “Il-Ħajja konsagrata u l- Missjoni tagħha fil- knisja u fid -dinja,” 1988; u “Nagħtikhom rgħajja,” 1992; kollha ta’ San Ġwann Pawlu II, u s-Sagrament tal-Karità tal-Papa Benedittu XVI, fl- 2007.

Wieħed mill-aktar frott importanti tas-Sinodi tal-Isqfijiet kien l-aġġornament tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Fl-1985, is-sinodu, li ltaqa biex jiddiskuti s-sitwazzjoni tal-knisja fl-20 anniversarju mil-għeluq tal- Konċilju Vatikan II, irrikkmanda katekiżmu ġdid ta’ duttrina Nisranija rigward “fidi u morali”. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, wara dan, waqqaf kummissjoni speċjali ta’ kardinali u isqfijiet fl-1986, u ħareġ l-katekiżmu ġdid fil-11 ta’ Ottubru 1992 bil-Kostituzzjoni Apostolika, “Fidei Depositum”, li kienet taħbat mat-30 anniversarju tal-Konċilju  Vatikan II ta’ Settembru 1965.

Nitolbu għal Mons. Isqof Mario Grech, biex issa li għandu kariga ġdida fil-Vatikan (bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet), jaqdiha bir-reqqa kollha.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm