Is-Soċjetà tal-MUSEUM, permezz ta’ Publikazzjoni Preca, għadha kif ippubblikat ktieb għat-tfal bl-isem ta’ ‘ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’, miktub minn Joe Galea.
Il-ktieb hu rigal ieħor lit-tfal f’età meta jkunu qed jidraw jaqraw bil-Malti. It-tfal iħobbu ħafna l-istejjer u jieħdu gost jaqrawhom jew jisimgħu lil min jaqralhom, anki l-istess storja, għal darba, darbtejn u aktar.
‘ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’
Dan il-ktieb jikkumplimenta ktieb ieħor tal-istess awtur, bl-isem ta’ ‘QABEL NORQOD’, u fih xi stejjer minn ‘QABEL NORQOD’ imma li huma rrakkuntati b’mod differenti. ‘QABEL NORQOD’ fih storja u talba filwaqt li ‘ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’ fih storja u tagħlima għall-ħajja. Kull tema hi stedina għat-tfal biex f’ħajjithom dejjem jagħżlu dak li hu tajjeb. Għalhekk dan il-ktieb m’għandux biss valur rikreattiv imma wkoll edukattiv.
It-tpenġijiet attraenti tal-ktieb huma xogħol ta’ Roberta Bajada u d-disinn grafiku tħalla f’idejn Warren Busuttil. L-istejjer huma rrakkuntati b’Malti ħafif hekk li t-tfal jistgħu jaqrawhom bla tbatija u jifhmuhom sew.
Żgur li, bħal ‘QABEL NORQOD’, il-ktieb ‘ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’ se jkun ta’ ġid fil-ħajja tat-tfal li se jieħdu minnu tagħlim addattat għalihom, mibni fuq stejjer li huma tant iħobbu. Kif ħafna tfal iggustaw l-istejjer ta’ ‘QABEL NORQOD’, li daħal sew fil-familji Maltin u fil-klassijiet tal-katekiżmu, nittamaw li ‘ĦALLI NGĦIDLEK STORJA’ jkollu l-istess xorti.
Kull wieħed minn dawn iż-żewġ kotba għandu jkun tassew adattat bħala rigal fl-okkażjoni tal-Ewwel Tqarbina.
Aktar tagħrif mil-Librerija Preca, Blata l-Bajda. Telefon 21222626.