Is-sorijiet Benedittini fil-Birgu

Print Friendly, PDF & Email

Billi jien mill-Birgu, meta kont żgħir u sakemm dħalt patri Karmelitan, kont abbati fil-knisja tal-monsateru ta’ Santa Skolastika, li jinsab il-Birgu stess. Għalhekk xtaqt ħafna li nikteb dwar dan il-monasteru peress li l-vokazzjoni tiegħi nafha lilhom.

Dawn is-sorijiet li jinsabu fil-Monasteru ta’ Santa Skolastika jgħixu taħt ir-regola ta’ San Benedettu, fit-talb b’mod partikolari permess tal-liturġija tas-Sigħat, il-Lectio Divina u talb ieħor li huma jagħmlu fis-skiet u fil-ħidma tagħom ta’ kuljum. Huma jagħmlu t-tlett voti solenni tas-safa’, tal-faqar u tal-ubbidjenza kif ukoll il-vot tal-istabbilità, jigifieri li ma jiċċaqilqux mill-post fejn ikunu daħlu bħala sorijiet skond kif titlob ir-regola ta’ San Benedittu. Nafu mill-istorja li fl-1496 grupp ta’  tfajliet daħlu f’dan il-Monasteru l-ġdid. Bis-saħħa ta’ Donna Maria De Bordino li telqet mill-Monasteru ta’ San Pietru, ddedikat lilha nfisha għat-tagħlim spiritwali ta’ dawn is-sitt tfajliet u permezz tagħha kien hemm vokazzjonijiet ġodda.

Il-Monasteru tal-Birgu sar fuq inizjattiva tal-Isqof Jaymo de Valguarnera madwar l-istess zmien meta l-Lhud ġew mkeċċija mill-artijiet tal-Imperatur Spanjol. Dan il-Monasteru infetaħ billi beda jinħass il ħtiega ta’ ħajja kkonsagrata aħjar kif naraw li beda jsir f’ħafna postijiet fid-dinja fl-istess żmien.

Il-monasteru fil-Birgu

Il-Monasteru l-ġdid kien jinsab fin-naħa ta’ fejn kien qabel okkupat mill-Komunità Lhudija, il-Birgu, li kien mikxuf wisq min-naħa tas-swar u għalhekk minħabba l-biża ta’ xi attakk, il-Komunita’’ Benedittina tal-post reġgħet ġiet imwaħħda ma’ dik tal-Imdina. Kien l-Isqof Gargallo fil-1578 li reġa’ fired iż-żewġ monasteri. Fl-24 ta’ April 1604 il-Komunità Benedittina waslet fil-Birgu sabiex tokkupa l-Palazz Maġisterjali l-qadim.

L-ewwel monasteru li kellhom is-sorijiet ta’ Sant Ursola fl-1595 kien fil-Belt. Għalkemm il-post li kienu jgħixu fih ma kienx fih ħafna kumdità huma għexu f’din is-sitwazzjoni għal 40 sena meta fl-aħħar talbu lill-Gran Mastru Lascaris għall-monasteru aħjar.

Il-Gran Mastru Lascaris laqa’ s-suġġeriment ta’ dawn is-sorijiet li jiġu trasferiti għall-infermerija tal-Ordni li kienet ila magħluqa sa mill-1574. Is-sorijiet daħlu fil-monasteru l-ġdid fit-30 ta’ Ottubru 1652 mingħajr ħafna pompi.

Maż-żmien komplew isiru xi xogħlijiet ta’ rranġar fil-Bini. Nistgħu naraw kif matul it-tieni żjara tiegħu li kien għamel, l-Isqof Balaguer fl-1657, nnota li kien sar kor ġdid u li kien qiegħed isir refettorju ġdid.

Il-knisja tal-monasteru

Kien jinħass maż-żmien il-bżonn li tinbena knisja ikbar u aktar xierqa. Il-knisja tal-Monasteru nbniet mill-ġdid fl-1680 fuq disinn ta’ Gafà fuq stil barokk, u l-ispejjeż ħallsithom is-sinjura nobbli Donna Aloisietta Dorel Pecos. Dan għamlitu ad-unur is-Sacra Familia għax inħelset mill-pesta li kienet qed tifni l’Malta fl-1675. Hi għamlet għotja ta’ lbiesi sagri u oġġetti sagri oħrajn, li wieħed għadu jista’ jammira sal-lum.

L-istorja tgħidilna li l-knisja l-ġdida ġiet imbierka mill-Vigarju Ġenerali Famucelli fl-14 ta’ Lulju 1680. Fis-1694 inbena kampnar ġdid u s-sagristija nbniet F’Novembru 1739. Waqt li fl-1748 Michelangelo Romano kabbar il-presbiterju u ħa ħsieb xi tiswija li kien hemm bżonn fil-post. Il-Knisja ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Labini fid-29 ta’ Settembru 1787. F’din il-knisja it-titular ġie mpitter minn Mattija Preti. Barra s-Sacra Familia hemm rappreżentati wkoll San Benedittu u Santa Skolastika.

Fl-istess zmien li l-knisja kienet qiegħda tinbena, kien qed isir ukoll xogħol ta’ mmodernizzar fil-Monasteru stess. Mill-15 ta’ Marzu 1679 sal-aħħar ta’ Mejju ta’ dik is-sena, sar bini ta’ loġġa ġdida li twassal għad-dormitorju, erba’ kmarar ġodda għall-użu tal-komunità madwar il-parlatorju, kif ukoll taraġ ġdid li kien iwassal sal-bejt tal-knisja l-ġdida.

Min Marzu 1717 sa’ April 1719 saru xogħlijiet fil-monasteru li kienu aktar estensivi. Huma ħaffru bil-permess tal-Gran Mastru ġiebja, li permezz tagħha ma kienx se jippreġudika b’xi mod l-arkitettura militari tas-swar.

Kemm matul l-okkupazzjoni tal-Franċizi kif ukoll matul it-Tieni Gwerra Dinjija, s-sorijiet kellhom jingħaqdu għal drabi oħra mal-komunità Beneddittina fl-Imdina, sabiex isibu kenn f’dak iż-żmien ta’ tiġrib.

F’dawn il-ftit versi li għidna tal-istorja żgur li ma’għidniex kollox, għax il-monasteru fih storja kbira. Illum nistgħu ngħidu li dan il-monasteru fih kull kumdità, u persważ li kull min ikollu ċ-ċans iżuru, żgur li se jibqa’ mistagħġeb b’dak li jara.

Nħeġġiġkom ħuti, biex titolbu bla waqfien għal din il-komunità Beneddittina li tgħix fil-klawsura, ħalli l-Mulej jibgħatilhom aktar vokazzjonijiet, li jkunu ta’ ġid għall-erwieħ u għall-qdusija tal-knisja.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm