L-Erbgħa, 8 ta’ Lulju 2020: Omelija tal-Papa Franġisku fis-Seba’ Anniversarju taż-żjara li huwa kien għamel f’Lampedusa.
Is-Salm Responsorjali tal-lum jistedinna nfittxu wiċċ il-Mulej bla heda: ‘Fittxu wiċċ il-Mulej il-ħin kollu. Fittxu l-Mulej u l-qawwa tiegħu, fittxu wiċċu l-ħin kollu’ (Salm 104). Tfittxija bħal din timponi atteġġjament fundamentali fil-ħajja ta’ min jemmen, li fehem li l-għan aħħari tal-eżistenza tiegħu hija l-laqgħa ma’ Alla.
It-tfittxija tal-wiċċ ta’ Alla hi garanzija li l-vjaġġ tagħna fid-dinja, li hi eżodu lejn l-Art Imwiegħda, il-Patrija Ċelesti, jasal għall-milja fi tmiemu. Il-wiċċ ta’ Alla hu l-għan tagħna, il-kewkba ta’ filgħodu li permezz tagħha ma nitilfux it-triq.
Il-poplu ta’ Iżrael, li l-Profeta Hosegħa jiddeskrivilna fl-ewwel qari (cfr. 10, 1-3, 7-8, 12), dak iż-żmien kien poplu mitluf, li kien warrab minn quddiem għajnejh l-Art Imwiegħda u kien jiġġerra fid-deżert tal-inġustizzja. Il-ġid u l-għana abbundanti kienu biegħdu qalb l-Iżraeliti mill-Mulej u kienu mlewha bil-qerq u l-inġustizzja.
Dan hu dnub li aħna wkoll, l-Insara tal-lum, m’aħniex meħlusin minnu. ‘Il-kultura tal-kumdità twassalna biex naħsbu fina nfusna, twassalna li nkunu insensibbli għall-karba tal-oħrajn, tagħmilna ngħixu fi bżieżaq tas-sapun, li huma sbieħ, imma ma huma xejn, huma biss illużjoni artificjali, tal-proviżorju, li twassal għall-indifferenza lejn l-oħrajn, anzi twassal għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza’ (Omelija f’Lampedusa, 8 ta’ Lulju, 2013).
Illum, l-appell ta’ Hosegħa hu stedina mġedda għall-konverżjoni, sabiex indawru wiċċna lejn il-Mulej biex nilmħu wiċċu. Il-Profeta jgħid: ‘Iżirgħu għalikom il-ġustizzja, u taħsdu l-frott tat-tjieba. Agħżqu l-art mistrieħa, għax wasal żmien li tfittxu l-Mulej. Sakemm jiġi u jibgħat ix-xita tas-sewwa fuqkom.’ (10, 12).
It-tfittxija tal-wiċċ ta’ Alla hi mqanqla mix-xenqa tal-laqgħa mal-Mulej, laqgħa personali, laqgħa mal-imħabba bla qies tiegħu, mal-qawwa tiegħu li ssalva. It-tnax-il Appostlu, li jitkellem dwarhom l-Evanġelju tal-lum (cfr. Mt. 10, 1-7), kellhom il-grazzja li jiltaqgħu miegħu fiżikament f’Ġesù Kristu, Bin Alla inkarnat. Hu sejħilhom b’isimhom, wieħed, wieħed – smajnieha – u ħares dritt f’għajnejhom: kellhom wiċċu stampat fihom, semgħu leħnu, raw l-għeġubijiet tiegħu. Il-laqgħa personali mal-Mulej, żmien ta’ grazzja u salvazzjoni, iġġib magħha missjoni: ‘Tul it-triq’ – ħeġġiġhom Ġesù – ‘ippritkaw u għidu li s-saltna t’Alla waslet’ (v. 7). Il-laqgħa u l-missjoni m’għandhomx jinfirdu minn xulxin.
Dil-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu hi possibbli għalina wkoll, aħna d-dixxipli tat-tielet millenju. Aħna u nfittxu wiċċ il-Mulej, nistgħu niltaqgħu miegħu fil-wiċċ tal-foqra, tal-morda, tal-abbandunati u tal-istranġieri li Alla jqiegħed fi triqtna. U dil-laqgħa ssir għalina wkoll żmien ta’ grazzja u salvazzjoni għax tgħabbina bl-istess missjoni afdata lill-Appostli.
Illum taħbat is-seba’ sena, is-seba’ anniversarju taż-żjara tiegħi f’Lampedusa. Fid-dawl tal-Kelma t’Alla, nixtieq intenni dak li għidt lill-parteċipanti tal-laqgħa Liberi dalla Paura (Ħielsa mill-Biża’), fi Frar tas-sena l-oħra: ‘Il-laqgħa mal-ieħor hija wkoll laqgħa ma’ Kristu. Qalilna Hu stess. Ikun Hu li jħabbat fuq biebna, imġewwaħ, bil-għatx, frustier, għeri, marid, ħabsi, u jitlobna niltaqgħu miegħu u ngħinuh, jitlobna li jinżel l-art. U jekk baqgħalna xi dubju, hawn hi kelmtu ċara: ‘Fis-sewwa, ngħidilkom, dak kollu li għamiltu ma’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin, tkunu għamiltuh miegħi’ (Mt. 25, 40).
‘Dak kollu li tkunu għamiltu…’: fit-tajjeb u fil-ħażin! Din it-twissija llum hi ta’ attwalità taħraq. Irridu nużawha bħala punt fundamentali tal-eżami tal-kuxjenza li nagħmlu, dak li nagħmlu kuljum. Qed naħseb fil-Libja, il-kampijiet ta’ detenzjoni, l-abbużi u l-vjolenzi li l-migranti jisfaw vittmi tagħhom, il-vjaġġi tat-tama, is-salvataġġi u r-rifjut. ‘Dak kollu li tagħmlu… tkunu għamiltuh miegħi.’
Niftakar dakinhar, seba’ snin ilu, proprju fin-nofsinhar tal-Ewropa, f’dik il-gżira… xi wħud irrakkuntawli l-istorja tagħhom, kemm batew biex waslu hemmhekk. Kien hemm l-interpreti. Xi ħadd kien qed jirrakkonta ħwejjeġ terribbli bil-lingwa tiegħu u l-interpretu deher jittraduċi sewwa; imma dan kien qed jgħid ħafna u t-traduzzjoni kienet qed tkun qasira. ‘Imma,’ għadda minn moħħi, ‘jidher li l-espressjoni b’dil-lingwa teħtieġ tidwir ta’ kliem sewwa.’ Meta wasalt lura d-dar, waqt ir-riċeviment waranofsinhar, kien hemm sinjura – Alla jaħfrilha – bint l-Etijopi, li kienet tifhem il-lingwa u kienet rat il-laqgħa fuq it-televixin. U qaltli: ‘Isma’, dak li qallek it-traduttur mill-Etjopja mank hu kwart mit-torturi, mit-tbatijiet li għexu dawk in-nies.’ Kienu tawni verżjoni ‘distillata’. Dan qed jiġri llum ukoll fil-Libja: qed iwasslulna verżjoni ‘distillata’. Veru li l-gwerra hi kerha, imma intom ma tistgħux timmaġinaw l-infern ta’ ħajja li hemm, f’dawk il-kampijiet ta’ detenzjoni. U dawn in-nies waslu hemmhekk biss bit-tama li jaqsmu l-baħar.
Il-Verġni Marija, Faraġ tal-migranti, tgħinna niskopru l-wiċċ ta’ Ġesù Binha f’ħutna mġagħlin jaħarbu minn arthom minħabba tant inġustizzji li d-dinja tagħna għadha mifluġa bihom.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.