Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Veronika Giuliani

Print Friendly, PDF & Email

Fl-10 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Santa Veronika Giuliani, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1660 sa 1727.

Din il-qaddisa twieldet Mercatello, fil-provinċja ta’ Urbino, l-Italja, f’Diċembru 1660. Kienet l-iżgħar minn seba’ wlied, li tnejn minnhom mietu żgħar. Fil-Magħmudija semmewha Ursola. Missierha kien bniedem mimli bih innifsu u arroganti, waqt li ommha kienet mara ġentili u ta’ tjubija mhux komuni. Kienet hi li nisslet f’qalb uliedha – li erba’ minnhom daħlu sorijiet – imħabba kbira lejn il-virtù u d-drawwiet reliġjużi.

Minn kmieni Ursola, bdiet turi sinjali ta’ qdusija. Għadha ċkejkna u kienet ġa turi ħniena kbira lejn il-foqra billi terfa’ biċċa mill-porzjon tagħha għalihom u meta kienet tara xi tfal bi lbies imqattgħin, araha tagħtihom xi ħaġa minn ilbiesha. Sa minn ċkunitha kellha wkoll mħabba lejn is-Salib u l-Passjoni ta’ Ġesù li kompliet tikber maż-żmien.

Hi tistqarr li kienet tifraħ u tieħu pjaċir bil-ħajja aktar komda li l-familja tagħha kisbet meta missierha sar supretendent tal-finanzi ta’ Piacenza. Iżda dan ma bidlilhiex ħsiebha li ssir reliġjuża għad li missierha kemm-il darba pproponielha partijiet tajbin għaż-żwieġ. Bl-oppożizzjoni li sabet min-naħa ta’ missierha biex tidħol reliġjuża, Ursola mardet u ma fieqetx qabel ma missierha taha l-permess.

Hija daħlet mas-sorijiet klarissi kappuċċini f’Città di Castello fl-1677, qabel għalqet 17-il sena u, b’tifkira tal-passjoni, ħadet l-isem ta’ Veronika. Matul in-novizzjat tagħha kellha ħafna tiġrib spiritwali kif ukoll tentazzjonijiet biex tmur lura d-dar, imma hi kienet toqgħod għal kollox fuq il-kelma tas-superjura tagħha. Ipprofessat sena wara u ħasset xewqa kbira li tingħaqad ma’ Ġesù Msallab biex tbati għall-konverżjoni tal-midinbin.

Wara xi żmien rat lil Kristu mgħobbi bis-salib, u bdiet issofri uġigħ kbir f’qalbha. Ta’ 33 sena (1693), waqt viżjoni, rat kalċi kbir bħala simbolu tal-passjoni li kellha ssofri mill-ġdid. Hija għall-ewwel beżgħet taċċetta, iżda wara baxxiet rasha għar-rieda tas-sema u bdiet issofri tbatijiet spiritwali kbar ħafna. Hija bdiet iġġib f’ġisimha l-marki tal-passjoni, dawk li huma msejħin stigmati. Żmien wara hija rċeviet ukoll l-impressjoni tal-kuruna tax-xewk u d-dbabar kienu jidhru u permanenti.

Minkejja dawn is-sofferenzi spiritwali u fiżiċi kollha, fil-ħajja tagħha ta’ kuljum Swor Veronika ġabet ruħha bħala mara prattika. Għal 34 sena kienet majjistra tan-novizzi u lil dawn hija mexxiethom bi prudenza hekk kbira li, mhux biss ma kienet titkellem xejn magħhom fuq l-istati mistiċi tar-ruħ, iżda wkoll ma ħallithomx jaqraw kotba fuq dan is-suġġett.

Fl-1716, meta allura kellha 56 sena, ħatruha Madre Badessa (Superjura) u baqgħet hekk sakemm mietet ħdax-il sena wara. F’din il-kariga ta’ badessa hija wriet ruħha mudell ta’ perfezzjoni għal kulħadd. Ħabirket ħafna biex iġġib ’il quddiem lir-reliġjużi tagħha f’dik li hija osservanza tar-regola u l-qdusija. Deher ukoll kemm kienet bniedma prattika: mhux biss kabbret il-kunvent imma ħasbet ukoll li jkun aħjar fil-kumditajiet tal-ħajja, fost l-oħrajn daħħlet sistema tal-ilma għas-servizz tal-komunità.

Bix-xewqa tagħha li tkun tixbah f’kollox lil Ġesù, anki fis-sofferenzi morali tal-unur, Alla ppermetta li tkun miżmuma bħala ipokrita u skandlu tal-oħrajn, u anki li tkun magħluqa ġo ħabs għal 50 jum.

Fuq talba tal-konfessur tagħha, il-qaddisa kitbet il-famuż “Djarju tal-Passjoni” li fih niżżlet l-esperjenzi mistiċi li għaddiet minnhom. Dan id-djarju, li hu twil 22,000 paġna, jikxef l-imħabba kbira li hija kellha lejn il-persuna ta’ Ġesù u t-tbatijiet kbar li hija ġarrbet għall-imħabba tiegħu.

Santa Veronika Giuliani mietet fid-9 ta’ Lulju, 1727 fl-età ta’ 67 sena, li minnhom 50 sena għaddiethom bħala reliġjuża. Kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Girgor XVII fl-1839. Fl-arti hija rrappreżentata bil-kuruna tax-xewk fuq rasha u tħaddan is-salib.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: