70. Il-qawmien mill-imwiet skont San Pawl

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  27/01/1982.

1. Matul l-udjenzi  preċedenti irriflettejna dwar il-kliem ta’ Kristu rigward “id-dinja l-oħra”, li toħroġ flimkien mal-qawmien mill-imwiet tal-iġsma.

Dak il-kliem kellu interess singularment intens fit-tagħlim ta’ San Pawl. Bejn  it-tweġiba mogħtiha lis-Saduċej, imwassla mill-Vanġeli sinottiċi (cf. Mt 22, 30; Mk 12, 25; Lq 20, 35-36) u l-apostolat ta’ Pawlu seħħ qabel kollox il-fatt tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu nnifsu u serje ta’ laqgħat mal-Irxuxtat, fosthom hemm bżonn li ninkludu, bħala l-aħħar ħolqa, il-ġrajja li seħħet qrib Damasku. Sawlu jew Pawlu ta’ Tarsu li, ikkonvertit, isir l-“appostlu tal-ġentili”, kellu wkoll l-esperjenza paskwali propja, analoga għal dik tal-Appostli l-oħra. Fil-bażi tal-fidi tiegħu fil-qawmien mill-imwiet, li huwa jesprimi b’mod speċjali fl-ewwel ittra lill-Korintin (cf. 1 Kor 15), hemm bla dubju dik il-laqgħa mal-Irxuxtat”, li ssir il-bidu u s-sies tal-apostolat tiegħu.

2. Huwa diffiċli hawn niġbru fil-qosor u nikkummentaw b’mod adegwat l-argumentazzjoni stupenda u wiesgħa tal-15-il kapitolu tal-ewwel ittra lill-Korintin fil-partikolari tagħha kollha. Huwa sinifikattiv li, waqt li Kristu bil-kliem rappurtat mill-Vanġeli sinottiċi kien wieġeb lis-Saduċej, li kienu “jiċħdu li hemm qawmien mill-imwiet” (Lq 20, 27), Pawlu min-naħa tiegħu, iwieġeb jew jippolemizza (konfermement mat-temperament tiegħu) ma dawk li jikkuntestawh (il-Korintin aktarx li kienu nkwetati minn kurrenti ta’ ħsieb applikati mid-duwaliżmu platiniku u min-nejopitagoriżmu ta’ sfumatura reliġjuża, ġħall-istojċiżmu u għall-epikuriżmu: il-filosofiji kollha Griegi, mill-bqija, kienu jinnegaw il-qawmien mill-imwiet tal-ġisem. Pawlu kien diġa sperimenta f’Ateni r-rejazzjoni tal-Griegi għad-duttrina tal-qawmien mill-imwiet, waqt id-diskors tiegħu fl-Areopagu  – cfr. Att. 17, 32). Kristu fit-tweġiba tiegħu (pre-personali) ma għamilx referenza għall-qawmien mill-mewt propju, imma irrifera għar-realtà fondamentali tal-allejanza veterotestamentarja, għar-realtà tal-Alla l-ħaj, li hija l-bażi tal-konvinzjoni dwar il-possibiltà tal-qawmien mill-imwiet: l-Alla l-ħaj “mhuwiex Alla tal-mejtin imma tal-ħajjin” (Mk 12, 27). Pawlu fl-argumentazzjoni post-paskwali tiegħu dwar il-qawmien mill-imwiet futur jirreferi speċjalment għar-realtà u l-verità tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Anzi, jiddefendi tali verità saħansitra bħala sies tal-fidi fl-integrità tagħha. “… Li kieku Kristu ma rxuxtax, allura l-predikazzjoni tagħna ma tiswa xejn u ma tiswa xejn ukoll il-fidwa tagħna …. Issa għall-kuntrarju, Kristu qam mill-imwiet” (1 Kor 15, 14. 20).

3. Hawn insibu ruħna fuq l-istess linja tar-rivelazzjoni: il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu hija l-aħħar u l-iktar kelma sħiħa tal-awtorivelazzjoni tal-Alla l-ħaj bħala “Alla mhux tal-mejtin imma tal-ħajjin” (Mk 12, 27). Hija hija l-aħħar u l-isħeħ konferma tal-verità dwar Alla li sa mill-bidu jesprimi ruħu permezz ta’ din ir-rivelazzjoni. Barra minn dan, il-qawmien mill-imwiet huwa t-tweġiba tal-Alla tal-ħajja għall-inevitabiltà storika tal-mewt, li għaliha l-bniedem kien sottopost mill-waqt tal-ksur tal-ewwel allejanza, u li, flimkien mad-dnub, daħlet fl-istorja tiegħu. Tali tweġiba dwar ir-rebħa miksuba fuq il-mewt, hija deskritta fl-ewwel ittra lill-Korintin (cf. 1 Kor 15) bl-intuwizzjoni singulari, waqt li ppreżenta l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu bħala l-bidu ta’ dak it-twettiq eskatoloġiku, li fih għalih u fih kollox jerġà lura għand il-Missier, kollox ikun sottomess lilu, jiġifieri jerġà jkun rikonsenjat b’mod definittiv, għaliex “Alla huwa kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28). U allura – f’din ir-rebħa definittiva fuq id-dnub, fuq dak li kien oppona il-krejatura għall-Ħallieq – tiġi wkoll mirbuħa l-mewt: “L-aħħar għadu li jiġi miġjub fix-xejn tkun il-mewt” (1 Kor 15, 26).

4. F’tali kuntest jiddaħħlu l-kliem li jistgħu jitqiesu sintesi tal-antropoloġija pawlina li tikkonċerna l-qawmien mill-imwiet. U huwa fuq dan il-kliem li jkun aħjar li nieqfu hawn iktar fit-tul. Infatti, naqraw fl-ewwel ittra lill-Korintin 15, 42-46, dwar il-qawmien mill-imwiet tal-mejtin: “Jinżerà korruttibbli u jerġà jqum inkorruttibbli; jinżerà vili u jqum glorjuż, jinżerà dgħajjef u jqum mimli qawwa, jinżerà ġisem annimalesk, iqum ġisem spiritwali. Jekk hemm ġisem annimalesk, hemm ukoll ġisem spiritwali, għaliex hemm miktub li l-ewwel bniedem, Adam isir esseri ħaj, imma l-aħħar Adam isir spirtu sid il-ħajja. Ma kienx hemm l-ewwel il-ġisem spiritwali, imma dak annimalesk, u mbagħad l-ispiritwali”.

5. Bejn din l-antropoloġija pawlina tal-qawmien mill-imwiet u dik li toħroġ mit-test tal-Vanġeli sinottiċi (Mt 22, 30; Mk 12, 25; Lq 20, 35-36), teżisti koerenza essenzjali, biss li t-test tal-ewwel ittra lill-Korintin huwa maġġorment żviluppat. Pawlu japprofondixxi dak li kien ħabbar Kristu, waqt li jippenetra, fl-istess ħin, fl-aspetti varji ta’ dik il-verità li fil-kliem miktub mis-sinottiċi kienet ġiet espressa b’mod konċiż u sostanzjali. U barra minn dan sinifikattiv għat-test pawlin li l-prospettiva eskatoloġika tal-bniedem, ibbażata fuq il-fidi “fil-qawmien mill-imwiet tal-mejtin”, hija magħquda mar-referenza għall-“bidu” kif ukoll bil-kuxjenza profonda tas-sitwazzjoni “storika” tal-bniedem. Il-bniedem, għal-liema Pawlu jdur fl-ewwel ittra lill-Korintin u li jopponi (bħas-Saduċej) għall-possibiltà tal-qawmien mill-imwiet, għandu wkoll l-esperjenza (“storika”) tiegħu tal-ġisem, u minn din l-esperjenza tirriżulta biċ-ċarezza kollha li l-ġisem huwa “korruttibli”, “dgħajjef”, “annimalesk”, “vili”.

6. Tali bniedem, destinatarju tal-kitba tiegħu – kemm fil-komunità ta’ Korintu kif ukoll, ikolli ngħid, fiż-żminijiet kollha – Pawlu jikkonfrontah bi Kristu rxoxt, “l-aħħar Adam”. Meta jagħmel hekk, jistiednu, f’ċertu sens, biex isegwi l-passi tal-esperjenza propja post-paskwali. Fl-istess ħin ifakkru “fl-ewwel Adam”, jew aħjar jipperswadih biex idur lejn “il-bidu”, għal dik l-ewwel verità dwar il-bniedem u d-dinja, li tinsab fil-bażi tar-rivelazzjoni tal-misteru tal-Alla l-ħaj. Hekk, mela, Pawlu jirriproduċi fis-sintesi tiegħu  dak kollu li Kristu kien ħabbar, meta kien għamel referenza, fi tliet mumenti differenti, għall-“bidu” fid-djalogu mal-Fariżej (cf. Mt 19, 3-8; Mk 10, 2-9); għall-“qalb” umana, bħala post ta’ taqtigħa mal-konkupixxenzi fl-intern tal-bniedem, matul id-Diskors tal-Muntanja (cf. Mt 5, 27); u għall-qawqmien mill-imwiet bħala realtà tad-“dinja l-oħra” fid-djalogu mas-Saduċej (cf. Mt 22, 30; Mk 12, 25; Lq 20, 35-36).

7. Mal-istil tas-sintesi ta’ Pawlu jappartjeni mela l-fatt li hija tgħaddas l-għeruq tagħha tal-misteru rivelat tal-ħolqien u tal-fidwa, li minnhom hija tiżviluppa u li għad-dawl tagħha biss tispjega ruħha. Il-ħolqien tal-bniedem, skont ir-rakkont bibbliku, huwa ħeġġa tal-materja  li permezz tal-ispirtu, grazzi għal-liema “l-ewwel bniedem Adam….sar esseri ħaj” (1 Kor 15, 45). It-test pawlin itenni hawn il-kliem tal-Ġenesi 2, 7, jiġifieri tat-tieni rakkont tal-ħolqien tal-bniedem (l’hekk imsejjaħ: rakkont jahwista). Huwa magħruf mill-istess sors li din l-“animazzjoni tal-ġisem” oriġinarja għandha dlonk korruzzjoni minħabba d-dnub. Għalkemm f’dan il-punt tal-ewwel ittra lill-Korintin l-Awtur ma jitkellimx b’mod dirett dwar id-dnub tan-nisel, madankollu s-serje ta’ definizzjonijiet li jattribwixxi lill-ġisem tal-bniedem storiku, waqt li jikteb li huwa “korruttibli. . . dgħajjef . . . annimalesk . . . vili . . .”, jindika b’mod suffiċjenti dak li skont ir-rivelazzjoni, huwa konsegwenza tad-dnub, dak li l-istess Pawlu f’post ieħor isejjaħ “skjavitu tal-korruzzjoni”  (Rm 8, 21). Għal din “l-iskjavitu tal-korruzzjoni” huwa sottomess b’mod indirett il-ħolqien kollu minħabba d-dnub tal-bniedem, li kien imqiegħed mill-Ħallieq f’nofs id-dinja viżibbli sabiex “jiddomina” (cf. Gen 1, 28). Hekk id-dnub tal-bniedem għandu dimensjoni mhux biss interna, imma wkoll “kożmika”. U skont tali dimensjoni, il-ġisem – li Pawlu (skont l-esperjenza tiegħu) jikkaratterizza bħala “korruttibbli . . . dgħajjef . . . annimalesk . . . vili . . .”- jesprimi fih innifsu l-istat tal-ħolqien wara d-dnub. Dan il-ħolqien, infatti, “jingħi u jbati sallum fl-uġigħ tal-ħlas” (Rm 8, 22). Madankollu bħal ma l-uġigħ tal-ħlas huwa magħqud max-xewqa tat-twelid, mat-tama ta’ bniedem ġdid, hekk ukoll il-ħolqien kollu jistenna “bla sabar ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla . . . u jgħożż it-tama li jkun hu wkoll meħlus mill-iskjavitù tal-korruzzjoni, sabiex jidħol fil-libertà tal-glorja ta’ wlied Alla” (Rm 8, 19-21).

8. Permezz ta’ tali kuntest “kożmiku” ta’ affermazzjoni kontenuta fl-ittra lir-Rumani – f’ċertu sens, permezz tal-“ġisem tal-krejaturi kollha” – infittxu li nifhmu sal-qiegħ l-interpretazzjoni pawlina tal-qawmien mill-imwiet. Jekk din l-immaġni tal-bniedem storiku, hekk profondament rejalistika u adegwata għall-esperjenza universali tal-bnedmin , taħbi fiha nfisha, skont Pawlu, mhux biss “l-iskjavitù tal-korruzzjoni”, imma wkoll it-tama, simili għal dik li takkumpanja “l-uġigħ tal-ħlas”, dan iseħħ għaliex l-Appostlu jiġbor f’din l-immaġni wkoll il-preżenza tal-misteru tal-fidwa. L-għarfien ta’ dak il-misteru appuntu jinħeles, għaliex il-fidwa topera fir-ruħ tal-bniedem permezz tad-doni tal-Ispirtu: “. . . Aħna wkoll, li nippossiedu l-frott tal-Ispirtu ningħu internament waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna” (Rm 8, 23). Il-fidwa hija t-triq tal-qawmien mill-imwiet. Il-qawmien mill-imwiet jikkostitwixxi t-twettiq tal-fidwa tal-ġisem. Nerġgħu naqbdu l-analiżi tat-test pawlin fl-ewwel ittra lill-Korintin fir-riflessjonijiet ulterjuri tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  /1981.