Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ Santa Marija Maddalena

Print Friendly, PDF & Email

Fit-22 ta’ Lulju l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ Santa Marija Maddalena, li għexet fl-1 Seklu.

L-Evanġelisti jsibu lil Santa Maddalena bħala “Marija ta’ Magdala”, jiġifieri kienet tgħammar fir-raħal ta’ Magdala, bil-Lhudi Migdal, fil-Galilija.

Kull ma nafu dwarha nafuh mill-Vanġelu li jpinġilna l-karattru tagħha b’mod li jolqotna ħafna – mara li tant ħabbet lil Ġesù.

San Mark (16:9) u San Luqa (8:2) jgħidulna li Ġesù keċċa seba’ xjaten minnha. Il-kotra tal-istudjużi jżommu li mhix l-istess mara li kienet midinba fil-belt u nxteħtet f’riġlejn Ġesù biex tidlikhomlu bil-balzmu u tixxuttahomlu b’xagħarha; u lanqas ma kienet dik Marija oħt Lazzru.

Meta Ġesù kien qed imut fuq is-salib, fil-Ġimgħa l-Kbira, hi kienet hemm taħt is-salib, flimkien mal-Madonna u ma’ xi dixxipli, u għenet fid-difna tal-ġisem mejjet ta’ Ġesù.

F’Ħadd il-Għid filgħodu kmieni reġgħet marret ħdejn il-qabar u nħasdet bil-kbir meta sabitu miftuħ u ma ratx il-ġisem ta’ Ġesù ġo fih. Hi bdiet tibki. X’ħin ħarset fil-qabar, rat żewġ anġli libsin l-abjad bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kien imqiegħed il-ġisem ta’ Ġesù. Qalulha: “Mara, x’int tibki?” Qaltilhom: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafx fejn qegħduh.” Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda m’għarfitux. Ġesù qalilha: “Mara, għaliex qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?” Hi ħasbitu l-ġardinar u qaltlu: “Ja Sidi, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, biex nieħdu.” Ġesù sejħilha: “Marjam!” Hekk kif Ġesù lissen isimha, għarfitu mill-ewwel, daret u qaltlu bil-Lhudi b’ħafna mħabba: “Rabbuni!” jiġifieri ‘Mgħallem.’ Ġesù qalilha: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier, imma mur għid lil ħuti li jien sa nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” (ara Ġwanni 20:11-18)

B’dan il-kliem Ġesù ried bħal speċi jgħidilha: “Minn issa ’l quddiem mintix ser tarani bl-għajnejn tal-ġisem, mintix ser tmissni bl-idejn tal-ġisem, u lanqas minti ser tismagħni bil-widnejn tal-ġisem, imma ser tarani, ser tmissni u ser tismagħni bil-Fidi. Ma ser inkun qatt ’il bogħod minnek. Ser inkun kontinwament u għal dejjem f’qalbek.”

Il-Qaddisa marret tiġri tgħid lid-dixxipli u lil kulħadd: “Rajt il-Mulej!”

Probabilment mietet f’Efesu. Id-devozzjoni lejn Marija Maddalena xterdet għall-ħabta tas-seklu XII. F’Malta għandna knejjes tagħha fil-Belt Valletta, fil-Madliena u f’Ħad-Dingli.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading