Qari tal-Quddies tar-Raba’ Ħadd matul is-Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

Ir-Raba’ Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Jiena nqajmilhom profeta u nqiegħed kliemi fuq fommu.
Dewt 18, 15-20

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu. Dan kollu skont ma tlabt inti stess lill-Mulej, Alla tiegħek, fil-Ħoreb f’jum il-laqgħa, meta għedt: żJalla ma nismax aktar leħen il-Mulej, Alla tiegħi, u ma narax aktar dan in-nar iħeġġeġ, ħalli ma mmutx’.U l-Mulej qalli: ‘Sewwa għamlu li tkellmu. Jiena nqajmilhom profeta bħalek, minn fost ħuthom; inqiegħed kliemi fuq fommu, u jħabbrilhom kull ma nordnalu. Min ma jagħtix widen għal kliemi li huwa jħabbar f’ismi, jiena nitolbu kont talli jkun naqas. U jekk xi profeta jfettillu jgħid f’ismi ħwejjeġ li ma nkunx qabbadtu jgħid, jew inkella jħabbar f’isem allat oħra, dan il-profeta jkun ħaqqu l-mewt’”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

R/. (8): Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej.

La twebbsux qalbkom
Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

QARI II
Ikunu ħsibijietna fil-ħwejjeġ tal-Mulej.
1 Kor 7, 32-35

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, iva, jiena rridkom bla ħsibijiet. Ir-raġel mhux miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, kif jogħġob lill-Mulej. Min hu miżżewweġ, ħsiebu fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif jogħġob lil martu, u hu mifrud fih innifsu!

Hekk ukoll il-mara mhix miżżewġa u x-xebba ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Mulej, jiġifieri, biex ikunu qaddisa f’ġisimhom u f’ruħhom. Iżda l-mara miżżewġa ħsiebha fil-ħwejjeġ tad-dinja, jiġifieri, kif togħġob lil żewġha.

Dan qiegħed ngħidhulkom għall-ġid tagħkom, mhux biex inxekkilkom, iżda għall-ġid tagħkom u biex tgħixu marbutin mal-Mulej bla tixrid ta’ moħħ.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mat 4, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam
ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt
idda dawl għalihom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.
Mk 1, 21-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba.

Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: Il-Qaddis ta’ Alla!”.

Imma Ġesù kkmandah: “Iskot! Oħroġ minnu!” Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih?” U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu