Qari tal-Quddies tat-Tielet Ħadd matul is-Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
L-indiema tan-nies ta’ Ninwè.
Ġona 3, 1-5.10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona

Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu: “Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien”. U Ġona qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej.

Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha. Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!”.

In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu l-ixkejjer, mill-kbir saż-żgħir.

U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 24 (25), 4bċ-5ab.6-7bċ.8-9

R/. (4a): Triqatek, Mulej, għarrafni

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. R/.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.

QARI II
Is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi.
1 Kor 7, 29-31

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Dan ngħidilkom, ħuti: iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk li għandhom mara, bħallikieku ma għandhomx; dawk li jibku, bħallikieku ma jibkux; dawk li jifirħu, bħallikieku ma jifirħux; dawk li jixtru, bħallikieku ma għandhom xejn; dawk li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex; għax is-sura ta’ din id-dinja għad tgħaddi!

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 1, 15

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Indmu u emmnu fl-Evanġelju.
Mk 1, 14-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu