Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-II ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
It-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija.
Lhud 6, 10-20

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, Alla mhux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin. Imma jiena nixtieq li kull wieħed minnkom juri l-istess ħerqa, biex it-tama tagħkom tilħaq il-milja tagħha sal-aħħar. Ma nixtiqukomx li taqgħu fl-għażż, imma li tgħixu fuq l-eżempju ta’ dawk li bil-fidi u s-sabar jiksbu l-wegħdiet.

Meta Alla għamel il-wegħda lil Abraham, billi ma kienx hemm aqwa minnu biex jaħlef bih, ħalef bih innifsu u qal: “Inwiegħed tassew li nimliek b’kull barka u nkattarlek nislek bil-bosta”. Hekk Abraham kiseb il-wegħda, wara li stenna bis-sabar. Il-bnedmin jaħilfu b’min hu aqwa minnhom, u l-ġurament li jsaħħaħ kliemhom jaqtgħalhom kull kwistjoni.

U hekk Alla, meta lill-werrieta tal-wegħda ried jurihom b’mod aktar qawwi li r-rieda tiegħu ma titbiddilx, rabat lilu nnifsu b’ġurament, biex bis-saħħa ta’ żewġ atti li ma jitreġġgħux lura, u li jagħtu xhieda li Alla ma jigdibx, aħna, li sibna l-kenn, ikollna qalbna qawwija sewwa li niksbu t-tama li hemm lesta għalina. Din it-tama hija għalina bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija; biha aħna nidħlu ’l ġewwa mill-velu, fejn qabilna daħal Ġesù għalina meta sar għal dejjem il-qassis il-kbir skont l-ordni ta’ Melkisedek.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 110 (111), 1-2.4-5.9 u 10ċ

R/. (5b): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

Irrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,
fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej;
ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom. R/.

Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu;
twajjeb u ħanin il-Mulej.
Hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu,
jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu. R/.

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu,
waqqaf għal dejjem il-patt tiegħu.
Qaddis u tal-biża’ hu ismu.
Għal dejjem jibqa’ t-tifħir tiegħu! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Efes 1, 17-18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt.
Mk 2, 23-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, f’jum is-Sibt Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, huma u mexjin, bdew jaqtgħu s-sbul. U l-Fariżej staqsewh: “Ara! Għaliex qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”. U hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu, kif daħal fid-dar ta’ Alla, fi żmien il-qassis il-kbir Abjatar, u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li ħadd ma kien jista’ jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lil min kien miegħu!”. U qalilhom: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt. Għalhekk Bin il-bniedem tas-Sibt ukoll huwa sid”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu