Omelija fl-għeluq tas-Sinodu tal-Isqfijiet Olandiżi

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

31 ta’ Jannar 1980

Meqjumin u għeżież ħuti.

1.F’dan il-waqt ilkoll għandna l-istess xewqa. Nixtiequ niżżu ħajr lil Alla, Missier, Iben u Spirtu Santu, għal dan il-“ministeru”, li fih ħadna sehem tul il-korsa ta’ dawn il-ġimgħatejen. Dawn il-jiem li matulhom ħdimna flimkien fil-kwadru tas-Sinodu speċjali tal-Isqfijiet tal-Olanda, infatti, ma nistgħux inħarsu lejhom jekk ma nħallux lilna nfusna nitmexxew mill-verità tal-kliem tal-Konċilju Vatikan II fl-ewwel kapitlu tal-kostituzzjoni “Lumen Gentium”: “Il-Knisja universali tidher bħala poplu miġbur fl-għaqda tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Lumen Gentium, 4).

Hekk il-gratitudni tagħna ddur għal din l-Għaqda fi tliet persuni, li fiha l-għaqda tal-Knisja, tal-Poplu ta’ Alla, issib l-oriġni tagħha. Nixtiequ niżżu ħajr għaliex stajna nistqarru din l-għaqda u, fl-istess ħin, naqduha f’kull jum u f’kull siegħa tax-xogħol komuni tagħna. Niżżu ħajr ukoll għaliex fit-tiftix tal-għaqda reċiproka tagħna, stajna naqdu l-għaqda tal-Knisja – tal-Poplu ta’ Alla – fil-livell tal-provinċja li tikkostitwixxi l-Knisja f’art twelidna u f’livell ferm iktar wiesà. Iva, meqjumin u għeżież ħuti, jien profondament konvint li x-xogħol tagħna serva wkoll lill-Knisja ta’ Kristu fl-universalità kollha tagħha.

Nixtieq niżżi ħajr b’mod ferm kordjali lil kulħadd u lil kull wieħed minnkom, għal dan ix-xogħol li żvolġejna flimkien, b’persistenza. L-ewwelnett, nixtieq ngħid liż-żewġ presidenti delegati, l-eminenza tiegħu l-Kardinal Giovanni Willebrands u l-eċċellenza tiegħu Monsinjur Godfried Danneels, kemm apprezzajt, fil-valur ġust tiegħu, il-mod li bih huma mexxew ix-xogħlijiet ta’ din l-Assemblea. Lill-Isqfijiet tal-Olanda, nesprimilhom il-gratitudni profonda tiegħi għad-disponibiltà ġeneruża tagħhom u u għall-imħabba kbira tagħhom lejn il-fidili tagħhom u lejn il-Knisja, u liż-żewġ superjuri reliġjużi nixtieq ngħid kemm jien rikonoxxenti lejhom għall-kontribut oriġinali li ġabu lis-Sinodu.

Niżżi ħajr b’qalbi kollha, lill-Eminentissmi Kardinali Prefetti tal-Kongregazzjonijiet, kollaboraturi mill-qrib tiegħi, għall-kontribut tagħhom għal dawn ix-xogħlijiet, li wkoll ġabu l-esperjenza akkwistata fil-kariga tagħhom. Lis-segretarju ġenerali l-eċċellenza tiegħu Monsinjur Albert Descamps, lis-segretarju speċjali, ir-reverendu Patri Joseph Lescrauwaet, lil kulħadd nesprimi l-gratitudni profonda tiegħi għall-kpompletezza li biha żvolġew is-servizz tagħhom. Ma rridtx inħalli barra d-dedikazzjoni tal-istaff tas-segretarjat tas-Sinodu, tas-servizz tal-istampa u tal-istaff kollu. Ippermettuli wkoll li nindirizza kelma ta’ ringrazzjament lir-rappreżentanti kollha tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali li, waqt li rrispettaw ir-riserva li kellha b’mod neċessarju ddawwar ir-riżoluzzjonijiet, għamlu dak kollu li setgħu biex iżommu l-kuntatt mal-Knisja kollha.

Matul dawn il-jiem kollha, stajt nibqà magħkom u nieħu sehem fil-parti l-knira tal-assembleji ta’ filgħodu u ta’ wara nofsinhar. Stajt inkun xhud tal-konvinzjoni, tal-attenzjoni u tal-oġġettività li bihom ittrattajtu kull problema. Tali attenzjoni u tali mpenn għal darb’oħra reġgħu wrew kemm għandkom għal qalbkom il-problemi li flimkien iffaċċjajna u kemm tixtiequ tiddedikaw il-forzi kollha tagħkom għas-soluzzjoni tagħhom. Niżżi ħajr lil Kristu u lilkom, meqjumin u għeżież ħuti. Din il-klima trankwilla, konkreta u sinċiera,  ta’ bdil ta’ ideat dwar kull waħda mit-temi studjati, wriet li l-Ispirtu  ta’ Sidna u Għalliem kien magħkom u li rċivejna wkoll l-għajnuna tal-Omm qaddisa, li lejha aħna dorna kuljum f’talbna, b’mod partikolari waqt ir-reċta tal-Angelus.

2. Il-problema studjata mis-Sinodu u li okkupat għal kollox il-ġimgħat ta’ dawn id-diskussjonijiet f’Ruma, hija espressa fit-titlu tal-ordni tiegħu tal-jum: “L-eżerċizzju tax-xogħol pastorali tal-Knisja fl-Olanda, fiċ-ċirkustanzi preżenti,  sabiex il-Knisja turi ruħha dejjem, qabel kollox bħala komunjoni”.

Biex niffaċċjaw din it-tema mportanti kellna nmorru lura kontinwament għall-esperjenzi multepliċi magħmula mill-Knisja li tinsab fl-Olanda, a bażi tat-tweġiba mogħtija, xi snin ilu, mill-episkopat tad-dinja kollha, miġbur għal erbà snin fil-Konċilju Vatikan II, għall-mistoqsija li huwa stess kien għamel: “Knisja, xi tgħid dwarha nfisha? – Ecclesia, quid dicis de te ipsa?”. Din it-tweġiba elaborata mill-Maġisteru konċiljari, saret attwalment għalikom, meqjumin u għeżież ħuti, il-punt sistematiku ta’ referenza u, fl-istess ħin, is-sies li jippermetti li ssolvu kull waħda mill-problemi li jippreżentaw ruħhom kuljum lill-esperjenza tagħkom ta’ rgħajja u għall-kuxjenza tagħkom ta’ Isqfijiet.

Matul id-diskussjonijiet u r-riflessjonijiet tagħna, ħaġa waħda kienet dejjem ċara: aħna ma nistgħux għajr nixtiequ – u infatti nixtiquha b’qalbna kollha – Knisja korrispondenti b’mod totali għall-intenzjonijiet ta’ Kristu Mulej, hekk kif kienu espressi u kkonfermati mill-Konċilju. Aħna, infatti, nemmnu, li l-Konċilju Vatikan II sar għal żmienna, it-tema u l-post privileġġjat  li grazzi lilu l-Ispirtu Santu, l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, “kellem”, lill-Knisja kollha (cf. Ap 2,7) u mexxiha lejn il-verità tal-eżistenza “fid-dinja kontemporanja”, tal eżistenza li tidhrilna “permezz tas-sinjali taż-żminijiet”. Waqt li kellem lill-Knisja kollha, l-Ispirtu ta’ Sidna u Feddej “kellem”, fl-istess ħin lil kull waħda mill-Knejjes li huma f’komunjoni ma’ din il-Knisja waħda u universali.

Għal din il-preokkupazzjoni fundamentali tagħna lkoll, li konna miġburin f’dan is-Sinodu, kienet ukoll dik li nagħmlu iva li l-eżistenza tal-Knisja li tinsab fl-Olanda, l-eżistenza konkreta tagħha, fis-setturi kollha tal-ħajja tagħha, tkun tistà tippossiedi u turi b’mod sħiħ is-sinjali distintivi ta’ din l-identità li l-Konċilju Vatikan II esprima mill-ġdid fi qbil mat-tradizzjoni kollha.

3. Minħabba dan ukoll, is-Sinodu, fl-isforz ta’ kuljum tiegħu, permezz tal-analiżi tas-setturi differenti tal-ħajja tal-Knisja f’art twelidkom, fittxet, qabel xejn, li takkwista kuxjenza iktar ċara ta’ dak kollu li jikkostitwixxi, biex ngħidu hekk,, il-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja fl-aspetti differenti tagħha.

Suċċessivament, fittxet li tidstabilixxi d-direzzjonijiet li għandha ssegwi għall-ġejjieni. Infatti, l-identità tal-Knisja turi ruħha b’mod preċiż permezz ta’ din il-forma konkreta tal-eżistenza tagħha; turi ruħha permezz tal-mod ta’ ħajja ta’ kuljum u permezz tal-mod li bih twettaq l-opra tagħha fid-diversi setturi ta’ ħajja u ta’ attività.

Fl-analiżi tagħna, immexxija skont dawn il-premessi, iffaċċjajna, meqjumin u għeżież ħuti, l-aspetti kollha essenzjali, important mill-punt di vista tal-identità tal-Knisja li tinsab fl-Olanda, għall-preżent u għall-ġejjieni. Mhemmx dubju, infatti, li fl-attività attwali tal-Knisja, qiegħda telabora ruħha, fl-istess ħin, il-forma futura ta’ ħajjitha u tal-apostolat tagħha.

Huwa hekk li aħna ħadna bħala punt tat-tluq tad-deliberazzjonijiet tagħna, ir-realtà u l-esiġenzi fundamentali tal-komunjoni tal-Knisja, komunjoni, fl-istess ħin, lokali u universali, irreferita għall-ispiritwali bħal għall-istituzzjonali, konxji li l-komunità ta’ fidi, ta’ tama u ta’ karità tgħaqqad lil dawk kollha li jemmnu ma’ Kristu u mal-Missier u tgħaqqadhom ma’ xulxin. Fix-xewqa u fir-rieda unanimi li juru din il-komunjoni, mill-ġdid iddikjarajna il-qbil tagħna dwar il-kontenut tal-fidi kattolika skont it-tagħlim tal-maġisteru tal-Knisja u slitna l-konklużjonijiet li ninħtiegu għal dak li jirrigwarda l-funzjoni tal-Isqof bħala surmast tal-fidi u bħala ragħaj, il-funzjoni ta’ kull Isqof fid-dioċesi tiegħu u tal-Isqfijiet flimkien fi ħdan il-konfderenza episkopali.

Is-Sinodu b’dan il-mod adatta xi riżoluzzjonijiet għal dak li jirrigwarda s-saċerdozju ministerjali, il-ħajja tar-reliġjużi rġiel u r-reliġjużi nisa, is-sehem tal-lajċi fil-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja. Studja kif jippromwovi l-ħajja sagramentali u, speċjalment, iċ-ċelebrazzjoni u l-venerazzjoni tal-Ewkaristija, sors tal-ħajja u tat-tkabbir u s-sagrament ta’ Rikonċiljsazzjoni. Is-Sinodu mbagħad insista fuq il-valur tal-liturġija ċċelebrata skont ir-regoli tal-Knisja, dwar l-importanza tal-kontenut duttrinali u tal-metodi pastorali fil-katekeżi u, fl-aħħarnett, fuq il-promozzjoni ta’ ekumeniżmu fidil għad-direzzjonijiet tal-Konċilju.

4. Dan l-appell ferm qasir għat-tematika u għall-konklużjonijiet tas-Sinodu huwa biżżejjed biex dak li jkun jinnita l-għana tad-dibattiti tiegħu u l-wisgħa tal-eżami ddedikat għax-xogħol pastorali tal-Knisja li tinsab fl-Olanda. Lil ħadd ma ħarbet l-importanza tat-temi kollha ffaċċjati għall-iżvilupp futur tal-impenji pastorali tal-Poplu kollu ta’ Alla. Ippermettuli, bdanakollu, li hawn nenfasizza, punt partikolari li rrivela ruħu f’nofs il-problemi l-oħra kollha mqanqla u li se jkollu mpatt qawwi mhux ħażin fil-ġejjieni tal-Knisja. Qiegħed nirreferi għas-saċerdozju awtentiku ministerjali tas-saċerdoti, kemm fin-natura tiegħu kif ukoll fir-relezzjonijiet tiegħu mal-Isqof u fir-rapport tiegħu għall-impenn tal-lajċi fil-missjoni tal-Knisja.

Il-bini tal-komunità ekkleżjali u l-eżerċizzju tal-missjoni tagħha huma afdati lill-komunità kollha imma, kif jingħad fil-kostituzzjoni dommatika “Lumen Gentium” (cf. Lumen Gentium, 30-38) din ir-responsabiltà teżerċità ruħha skont il-kariżma u l-post ta’ kull wieħed fil-ġisem ta’ Kristu. Il-vokazzjonijiet kollha, is-servizzi kollha, il-kariżmi kollha, huma ordnati biex juru, fil-varjetà tagħhom, l-għana tal-Knisja u biex jaqdu l-għaqda tagħha. Il-Knisja għandha tkun tistà tesprimi l-milja ta’ ħajjitha perrmezz tal-għana tal-vokazzjonijiet u tal-kariżmi, kemm fis-saċerdozju ministerjali kif ukoll fl-apostolat tal-lajċi u mill-ġdid fil-konsagrazzjoni reliġjuża skont l-ispirtu u l-iskop speċifiku ta’ kull istitut.

Imma kull wieħed minn dawn il-ministeri u minn dawn is-servizzi jippossiedi speċifità propja u kollha jikkumplimentaw lil xulxin, mingħajr ma jitħawdu wieħed mal-ieħor

Għal din ir-raġuni insistejtu, għeżież ħuti. Dwar l-importanza u l-bżonn tas-sehem tal-lajċi fil-missjoni pastorali tal-Knisja; faħħartu wkoll il-kollaborazzjoni attiva li fid-dijoċesijiet kollha Olandiżi l-lajċi jagħtukom u li huma msejħin biex jintensifikaw b’mod iktar maġġuri. Għaliex, mingħajr ix-xogħol tal-lajċi, il-Knisja diffiċilment tistà tkun preżenti biex taġixxi fid-dinja tallum (cf. Apostolicam Actuositatem, 1). Imma hemm bżonn, kif intom enfasizzajtu, li nissalvagwardjaw, fl-attribuzzjoni tad-dmirijiet u fid-delimitazzjoni tar-responsabiltajiet, id-distinzjoni bejn il-kontribut tal-lajċi u l-inkarigi afdati lis-saċerdoti u lid-djakni. Dan juri l-importanza kollha tal-konklużjonijiet li għalihom wasal dan is-Sinodu fil-qasam tal-kollaborazzjoni tal-lajċi u għall-impenji pastorali kif ukoll f’dak tal-formazzjoni tas-saċerdoti futuri.

L-Isqfijiet tal-Olanda, huma unanimi fil-professjoni tad-distinzjoni essenzjali bejn is-saċerdozju sagramentali u s-saċerdozju komuni tal-fidili l-istess bħal fil-karattru permanenti tas-saċerdozju sagramentali, esprimew ukoll il-vot tagħhom u r-rieda tagħhom li jkunu mgħejjuna minn kleru ċelibatorju u li jagħmlu l-possibbli biex jippromwovu il-vokazzjonijiet għas-saċerdozju. Huma juru l-istess preokkupazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-vokazzjoni reliġjuża, li permezz tagħha irġiel u nisa jwieġbu għas-sejħa ta’ Alla fil-ħajja kkonsagrata. Intom iddeċidejtu li tassikuraw l-formazzjoni tal-kandidati għas-saċerdozju f’diversi seminarji, kemm seminarji li jassikuraw b’mod integrali l-formazzjoni, kif ukoll fi stituzzjonijiet oħra li jippossiedu l-karatteristiċi kollha ta’ seminarju, alavolja parti mit-tagħlim jiġi mogħti minn skejjel superjuri ta’ tejoloġija magħrufa mis-Santa Sede.

Bl-istess mod iddeċidejtu li tenfasizzaw l-opportunità ta’ impenn fil-ħajja tad-djakonat, magħruf id-dmir speċifiku u l-importanza ta’ dan il-ministeru permanenti kif ġie restawrat mill-Konċilju Vatikan II. Intom imbagħad iddikjarajtu mill-ġdid l-importanza tal-kontribut propju tal-lajkat fil-Knisja u stabbilejtu li tagħmlu appell għall-kollaborazzjoni tal-lajċi fl-impenji pastorali li jistġħu jiġu afdati lilhom skont l-indikazzjonijiet tas-Santa Sede.

Dawn id-deċiżjonijiet huma partikolarment ta’ awgurju tajjeb għall-ġejjieni tal-Knisja li tinsab fl-Olanda. Il-Papa huwa konvint li kulħadd se jwieġeb għal din l-istedina, waqt li b’tali mod jagħtu lil din il-Knisja id-dimensjoni sħiħa ta’ komunità nisranija, li hija espressa wkoll mill-opra missjunarja, hekk marbuta mat-tradizzjoni kollha tagħha.

5.Fix-xogħol kollu li żvolġejna fis-Sinodu – u f’dak li jistenniekom wara l-konklużjoni tas-Sinodu – dak li kien, dak li hu u dak li se jkun id-difiża u l-qawwa tagħna, u r-referenza kostanti tal-fidi tagħna, tat-tama tagħna u tal-imħabba tagħna lejn Kristu, l-Imgħallem u l-Mulej, lil Kristu, Redentur tal-bniedem, lil Kristu li sar, fil-misteru tiegħu paskwali, l-għarus tal-Knisja tiegħu  .

Huwa lejh li fittixna li nżommu l-fedeltà tagħna waqt il-laqgħat tagħna f’Ruma, waqt ir-riflessjonijiet tagħna ta’ kuljum u waqt il-bdil tal-ideat. Il-verità tiegħu u l-imħabba tiegħu kienu s-sors tad-dawl għall-konsiderazzjonijiet tagħna, għar-riżoluzzjonijiet tagħna u d-deċiżjonijiet tagħna. U waqt li għamilna dan kollu, aħna ħadna dejjem iktar b’mod ċar kuxjenza li ninħtieġu, għas-servizz tagħna lill-Knisja, kuraġġ kbir u, fl-istess ħin, prudenza kbira. Dan il-kuraġġ u din il-prudenza għandhom jiġu mill-fiduċja assoluta tagħna f’dik l-imħabba li huwa jirregala f’kull post lill-Knisja tiegħu, f’dik il-fedeltà li huwa jirregala, bħala tweġiba, lil dawk kollha li jfittxu li jikkunservawlu b’mod kostanti l-fedeltà tagħhom, Din il-konvinzjoni tobbligana li nħarsu lejn il-futur bit-tama evanġelika: “Kunu fiduċjużi, jien irbaħt id-dinja” (Ġw 16,33). Hekk aħna nkunu kapaċi nwettqu l-missjoni tagħna ta’ Isqfijiet u ta’ rgħajja lejn il-Knisja li tinsab fl-art Olandiża, u fl-istess ħin lejn il-Knisja universali, aħna nkunu kapaċi naqdu lill-Poplu ta’ Alla hekk kif jesiġi minna l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu.

U huwa fuqu wkoll li nibnu r-rieda tagħna u, fl-istess ħin, it-tama tagħna tal-għaqda reċiproka tal-“komunjoni” bejnietkom stess, Isqfijiet u rgħajja tal-Knisja li tinsab fl-Olanda, “komunjoni” imdispensabbli biex twettqu dan il-ministeru pastorali. Is-Sinodu kien għalikom, għeżież ħuti, żmien ta’ unjoni serena u ta’ bdil profond ta’ ħsibijietkom; kien żmien ta’ djalogu veru tal-fidwa. Dan id-djalogu, kif għallem Pawlu VI, huwa, u għandu jibqà bdil ta’ ħsibijiet li fihom juru ruħhom ir-rispett u l-imħabba, bdil, fl-istess ħin, li jkun ordnat mal-verità, mal-ġid tal-Vanġelu u mal-għaqda tal-Knisja.

Fil-waqt li fih dan iż-żmien ferrieħ wasal fi tmiemu, ma baqagħlna xejn għajr li nitolbu lill-Ispirtu tal-verità u lil Sid il-mergħat, li l-istess stil ta’ djalogu u l-istess klima b’saħħitha ta’ għaqda tibqà teżisti dejjem fostkom għall-ġid tal-Knisja kollha, u b’mod partikolari għall-ġid tad-dijoċesijiet li tagħhom l-Ispirtu Santu ħatarkom Isqfijiet.

6. Issa li l-Isqfijiet Olandiżi lesti biex jerġgħu lura fid-dijoċesijiet rispettivi tagħhom, jiena ndur bil-ħsieb u l-imħabba tiegħi lejn il-Knisja kollha li tinsab fl-Olanda u lejn kulħadd u kull wieħed u waħda ta’ dawk li jikkostitwixxuha. Kunu afu, għeżież ħuti rġiel u nisa, li s-Sinodu huwa rikonoxxenti għal dak kollu li intom għamiltu biex tikkontribwixxu għas-suċċess tar-riżoluzzjonijiet tiegħu. F’isem is-Sinodu jiena niżżikom ħajr b’mod partikolari għat-talb tagħkom li akkumpanjana f’dan il-perijodu ta’ grazzja. Irċivejt diwi multiplu ta’ inizjattivi li jagħti xhieda tat-tweġiba żelanti għall-appell li jien indirizzajtilkom lejlet is-Sinodu: li tkun taf li l-Knisja tal-Olanda kienet magħquda magħhom bit-talb fil-parroċċi u fl-iskejjel, fid-djar reliġjużi, fil-gruppi taż-żgħażagħ u fid-djar tal-irtiri, kien, għall-parteċipanti f’dan is-Sinodu sors ta’ konfort veru u ta’ ispirazzjoni.

Niżżi ħajr, b;mod speċjali, lill-aħwa rġiel u nisa tal-Knejjes u tal-komunitajiet insara, li ngħaqdu mal-kattoliċi biex jitolbu fuq ix-xogħlijiet tagħna d-dawl tal-Ispirtu. Huwa b’emozzjoni u rikonoxxenza li hawn irrid infakkar li grupp ta’ rgħajja protestanti bagħat telegram, fil-bidu tas-Sinodu, biex jassikurana mit-talb tagħhom. L-għaqda spiritwali murija b’dan il-mod hija rahan tal-barka ta’ Alla għal għaqda krexxenti fost dawk kollha li jipprofessaw l-istess fidi u l-istess tama f’Ġesù Kristu. Jalla l-istennija tagħna, ix-xewqa tagħna u l-impenn tagħna jikkorrispondu mar-rieda tal-Mulej. Hekk aħna nkunu nistgħu nippromwovu ekumeniżmu mingħajr mistħija għaliex awtentiku, ekumeniżmu dinamiku li jkun tkabbir fil-fidi, ekumeniżmu, f’kelma waħda, li jkun għal kollox fidil lill-Ispirtu Santu.

Issa li se tibda l-quddiesa fl-iskjerament tad-deċiżjonijiet ta’ dan is-Sinodu, jiena nafda għal darb’oħra għat-talb tagħkom, għeżież ħuti tal-Olanda, il-mixja li trid titwettaq. Għaliex fil-ġejjieni, il-ħajja u l-pastorali tal-Knisja li tinsab fl-Olanda, jiddependu iktar mid-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiret, mit-talb. . Inġabru madwar l-isqfijiet tagħkom fit-talb u fl-azzjoni. Iktar minn qatt qabel huma jorbtu fuqkom. L-għaqda fit-talb, l-għarfien li “kull don perfett jiġi mill-għoli u jinżel minn Missier id-dawl” (Ġk  1,17) jgħinukom biex toperaw it-tiġdid u l-konverżjoni li kull wieħed u waħda minna għandna kontinwament nipprattikaw.

It-talb jgħin biex nemmnu, biex nittamaw u biex inħobbu, ukoll jekk id-dgħufija umana tqegħdna f’sitwazzjoni ta’ tensjoni jew tipprovoka konfużjonijiet. It-talb żelanti tal-komunità nisranija kollha, fl-Olanda bħal f’kull post ieħor, iġġegħlna nittamaw li kulħadd, saċerdoti u lajċi, reliġjużi rġiel u reliġjużi nisa, naċċettaw, bi spirtu ta’ fidi u b’konvinzjoni sinċiera, il-konklużjonijiet tas-Sinodu. Hekk hu li riesaq ir-randan li jħejjijina għaċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Ġesù. Aħna m’aħniex se nonqsu li nħeġġu bil-ħerqa t-talb tagħkom u s-sagrifiċċji tagħkom sabiex iż-“żerriegħa” tas-Sinodu taqà f’art tajba u tagħti frott bl-abbundanza (cf. Mk 4,8).

B’fiduċja kollha speċjali irrid indur lejn iż-żgħażagħ tal-Knisja li tinsab fl-Olanda. Bi tħejjija għas-Sinodu, grupp ta’ żgħażagħ tal-kapitali tagħkom inġabru biex jitolbu madwar xemgħa, simbolu tad-dawl li huwa Kristu, u wara, wassluli din ix-xemgħa bħala sinjal tal-impenn tagħhom u tal-għaqda tagħhom mas-Sinodu. Għeżież żgħażagħ, jalla d-dawl ta’ Kristu idawwal il-mixja nisranija tagħkom u l-aspirazzjonijiet tagħkom li, bla ebda dubju, isibu posthom fil-Knisja. Kunu konvinti li l-ġenerożità tagħkom u s-sens tagħkom tal-awtentiċità se jgħinu lill-komunità kollha biex tagħmel l-għażliet li jimponu ruħhom u biex jassumu l-konsegwenzi li l-fidi f’Ġesù Kristu u l-affiljazzjoni fil-Knisja jitolbu.

Meqjumin u għeżież ħuti, fil-waqt li se ninfirdu, nistedinkom biex tqegħdu l-frott ta’ dan is-Sinodu u l-ġejjieni tal-Knisja li tinsab fl-Olanda f’idejn Marija, Omm il-Mulej u Omm il-Knisja. L-aħħar kapitolu tal-kostituzzjoni dommatika “Lumen Gentium” qiegħed fid-dawl il-konsegwenzi spiritwali li jirriżultaw, għall-Knisja u għal kull nisrani, tas-sitwazzjoni tagħna fir-rigward tal-Iben ta’ Alla inkarnat u fir-rigward ta’ Ommu Mqaddsa. Huwa għaliex “twieled minn mara” (Gal 4,4) li Sidna Ġesù Kristu jagħmel minna “ulied addottivi” veri” (cf. Lumen Gentium, 52). Huwa għaliex hija laqgħet il-Verb ta’ Alla f’qalbha u f’ġisimha li l-Verġni għandha rwol uniku fil-misteru tal-Verb inkarnat u f’dak il-ġisem mistiku. Hija ssib ruħha b’mod intimu magħquda mal-Knisja, li tagħha hija mudell fl-ordni tal-fidi, tal-imħabba u tal-għaqda perfetta ma’ Kristu. Hekk, bi tweġiba għad-devozzjoni tagħna u għat-talb tagħna, Marija, li tgħaqqad mill-ġdid u tirrifletti,  f’ċertu sens, fiha nfisha l-aspirazzjonijiet l-iktar għolja tal-fidi, issejjaħ lill-fidili għal Binha u għas-sagrifiċċju tiegħu bħal ma għall-imħabba tal-Missier.

Huwa minħabba f’hekk, jgħallem il-Konċilju, li fl-eżerċizzju tal-apostolat tagħha “l-Knisja ġustament tħares lejn dik li ġġenerat lil Kristu, ikkonċeput mill-Ispirtu Santu u mwieled mill-Verġni appuntu biex jitwieled u jikber, permezz tal-Knisja, fil-qalb tal-fidili” (cf. Ivi, 65).

Mal-Verġni l-Knisja, elfejn sena ilu, bdiet il-mixja tagħha fiċ-ċenaklu ta’ Pentekoste tul l-istorja ta’ din id-dinja. Wara l-Knisja terrqet kull stadju ta’ din il-mixja magħha li hija s-sinjal imdawwal tat-tama u tal-konsolazzjoni tal-Poplu ta’ Alla (cf. Ivi, 68). Ukoll l-istadju li aħna se nibdew illum bit-tluq minn dan is-Sinodu hemm bżonn li nterrquh magħha. Fl-art Olandiża hemm tant postijiet fejn Omm Alla hija meqjuma b’żelu speċjali mill-fidili. Ikun biżżejjed niftakru, fost il-bosta santwarji li jixhdu din il-kumpassjoni marjana, l-isem tas-santwarju “Ster der Zee” ġo Maastricht, dak ta’ “Zoete Lieve Vrouw den Bosch” u dak ta’ “Onze Lieve Vrouw ter Nodd” ġo Heiloo, santwarji hekk għeżież għal qlubkom u għal tiegħi. Jalla dawn il-postijiet isiru dejjem iktar postijiet ta’ laqgħa fejn Marija tmexxi l-Poplu ta’ Alla lejn fidi u tama mġeddin fil-komunjoni tal-imħabba!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb