Omelija waqt quddiesa mal-Padri Sinodali Olandiżi

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

25 ta’ Jannar 1980

Għeżież ħuti.

Illum naslu fi tmiem il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal -insara. It-tema ta’ din is-sena kienet: “Adveniat regnum tuum”, “Tiġi saltnatek”: talba mtennija spiss, imma li għandha tkun dejjem ġdida, jekk nirrejalizzaw s-sinifikat tagħha. Din fil-fatt tinvolvi, b’mod partikolari għal kull nisrani, għal kull wieħed minna bidla nterna, il-bidla tal-qalb li grazzi għaliha s-saltna ta’ Alla tinfirex fid-dinja waqt li titwettaq verament fina.

1.L-Olanda tagħmel parti minn dawk ir-reġġjuni li fihom il-problema tal-ekumeniżmu għandha importanza storika u kontemporanja kbira. Għal sekli, is-sitwazzjoni reliġjuża ta’ pajjiżkom kienet immarkata mill-ksur tal-għaqda, u dan ma seħħx mingħajr tbatija u tensjoni. Illum huwa sinifikattiv li l-Kardinal Johannes Willebrands jgħaqqad fil-persuna tiegħu d-dmirijiet ta’ Arċisqof ta’ Utrecht u ta’ president tas-segretarjat għall-għaqda tal-insara, u aħna lkoll nafu l-merti li kiseb waqt li kkonsagra l-forzi kollha tiegħu għal dawn iż-żewġ funzjonijiet ekkleżjali hekk important u delikati.

B’mod iktar immedjat, is-sinodu speċjali li jtina l-okkażjoni li nkunu magħqudin madwar dan l-altar jitratta wkoll it-tema tal-ekumeniżmu u huwa stess jiżvolġi fi klima ekumenika għaliex, jekk il-preokkupazzjoni tal-għaqda hija kostantament preżenti għall-membri kollha tiegħu, din l-assemblea  taf ukoll li hi sostnuta, mhux biss bit-talb tal-kattoliċi, imma wkoll minn dak ta’ nsara oħra, bħar-rgħajja protestanti tal-Olanda li taw l-assikurazzjoni tagħhom.

2. Il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda issib it-twettiq tagħha u l-quċċata tagħha fil-25 ta’ Jannar, il-jum li fih il-Knisja tfakkar, fil-liturġija tagħha, il-Konverżjoni ta’ San Pawl.

Dan il-fatt jippossiedi elokwenza speċjali. Inizjalment, iġgegħlna nirrejalizzaw esiġenza: l-għaqda ma tistax tkun għajr il-frott ta’ konverżjoni għal Kristu, li huwa r-ras tal-ġisem li huwa l-Knisja. Tali konverżjoni għandha tkun profonda u tilħaq il-grupp tal-membri fl-aspetti multipliċi ta’ ħajjithom, sabiex l-għaqda titwettaq tassew. San Pawl iltaqà mal-Mulej: ingħata lilu totalment. Dan jispjega l-post formidabbli li l-Appostlu jokkupa fil-Knisja. Min-naħa tagħna, aħna għandna nipprogredixxu fl-għaqda li tiddependi fl-aħhar minn l-aħħar minn Kristu, u allura mill-għaqda tagħna miegħu, ladarba huwa fih li aħna nikkostitwixxu l-Knisja. F’dan l-Ispirtu, hemm bżonn li nistaqsu lilna nfusna mingħajr ma naqtgħu kif l-espressjoni umana u d-diversi dimensjonijiet tal-isforzi tagħna ta’ ħajja nisranija u tal-mixja ekumenika tagħna juru it-tiftix tal-għaqda in kwantu konverżjoni lejn Kristu.

L-għaqda fi Kristu tikkorrispondi mal-pjan etern tal-Missier, mar-rivelazzjoni tal-misteru ta’ fidwa bħal ma kien imħabbar mill-Appostlu tan-nazzjonijiet: “Wasslu l-ħwejjeġ kollha taħt ras waħda, Kristu” (Ef 1,10); iva, quddiem il-Missier, huwa fi Kristu li l-familja umana kollha, minnu mifdija, issib l-għaqda tagħha. Aħna ma nistgħux infittxuha band’oħra.

3. It-tieni punt jitlob ukoll l-attenzjoni tagħna u l-meditazzjoni tagħna: din iċ-celebrazzjoni tal-25 ta’ Jannar iġġegħlna nirrejalizzaw b’mod għal kollox speċjali li l-konverżjoni, u allura l-għaqda, hija possibbli “għal Alla”, ukoll jekk tistà tidher impossibbli “għall-bnedmin”. Biex nilluminaw ruħna dwar dan is-suġġett, għandna l-eżempju ta’ Pawlu ta’ Tarsu, li sar San Pawl.

Għadu għall-mewt ta’ Kristu u tal-insara, hu li, kif jgħid hu stess, kien “iqis dmir li juża l-mezzi kollha biex jikkumbatti l-isem ta’ Ġesù ta’ Nażżaret” (At 26,9), iltaqà mal-Mulej. U sar “appostlu tal-ġnus”, l-imħabba ta’ Kristu saret ħajtu kollha (cf. Fil 1,21).

4. Bidla hekk profonda, hekk radikali, hija allura possibbli, għall-grazzja tal-Mulej. Biex naslu, talb insistenti, ma jaqtax, huwa meħtieġ. Hemm bżonn li jkun it-talb personali ta’ kull wieħed, bħal dak li għamilna matul din il-ġimgħa; hemm bżonn ukoll it-talb komuni, għaliex, meta aħna nitolbu hekk flimkien, ikollna diġa ċerta għaqda. U nafu wkoll li, fit-talb, nippermettu lill-Ispirtu Santu li jitlob huwa stess fina u għalina, ukoll meta, skont il-kliem ta’ San Pawl, aħna ma nkunux nafu dak li għandna nitolbu (cf. Rm 8,26).

F’din il-komunità sinodali li aħna niffurmaw, huwa tajjeb li nistgħu nitolbu għall-għaqda. Hija grazzja li dan il-waqt jaħbat mal-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda. U dan it-talb huwa l-ewwelnett ftuħ lill-Ispirtu Santu: aħna nitolbuh li jestendi x-xewqat ta’ qlubna u li jimla ‘l hemm minn dak li qlubna jixtiequ, ‘il hemm mill-mistoqsijiet li jistgħu joħorġu minn xuftejna, ukoll jekk forsi ma nsibux kliem li jistà jkun adegwat..

Iva, ejjew nitolbu biex inkunu dejjem iktar l-istrumenti tar-rieda feddejja ta’ Alla, tal-pjan tiegħu ta’ għaqda, tas-saltna tiegħu; Tiġi saltnatek!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb