106. Il-lingwaġġ tal-ġisem jidħol fl-istruttura integrali tas-sinjal sagramentali

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  19/01/1983.

1. It-testi tal-Profeti għandhom importanza kbira biex wieħed jifhem iż-żwieġ bħala allejanza ta’ persuni bħala xbiha tal-allejanza ta’ Jahwè ma’ I zrael) u, b’mod partikulari, biex jifhem l-allejanza sagramentali tar-raġel u tal-mara fid-dimensjoni tas-sinjal.

Il-“lingwaġġ tal-ġisem” jidħol – kif diġa kien ikkonsidrat qabel – fl-istruttura integrali tas-sinjal sagramentali, li s-suġġett ewlieni tiegħu huwa l-bniedem, maskju u femmina. Il-kliem tal-kunsens konjugali jikkostitwixxi dan is-sinjal, għaliex fih isib l-espressjoni is-sinifikat sponsali tal-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu. Tali sinifikat jiġi espress speċjalment mill-kliem: “Jien . . . nieħu lilek . . .  bħala marti . . . bħala żewġi”. L-iktar b’dan il-kliem tiġi kkonfermata l-“verità” essenzjali tal-lingwaġġ tal-ġisem u tiġi wkoll (almenu b’mod indirett) eskluża n-“non-verità” essenzjali, il-falsità tal-lingwaġġ tal-ġisem. Infatti, il-ġisem jgħid il-verità permezz tal-imħabba, il-fedeltà, l-onestà konjugali, hekk bħalma n-non-verità, jew aħjar il-falsità, tiġi espressa permezz ta’ dak kollu li huwa negazzjoni tal-imħabba, tal-fedeltà, tal-onestà konjugali. Jistà mela wieħed jgħid li, fil-waqt tal-espressjoni tal-kliem tal-kunsens konjugali, l-għarajjes ġodda ipoġġu lilhom infushom fuq il-linja tal-istess “espressjoni tal-ġisem”, li l-portavuċi tiegħu kienu l-Profeti antiki. Il-“lingwaġġ tal-ġisem”, espress bil-fomm tal-ministri taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja, jistabilixxi l-istess sinjal viżibbli tal-allejanza u tal-grazzja, li – waqt li jmur lura bl-oriġni tiegħu għall-misteru tal-ħolqien – jitma lilu nnifsu kontinwament bil-qawwa tar-“redenzjoni tal-ġisem”, offrutha minn Kristu lill-Knisja.

2. Skont it-testi profetiċi il-ġisem uman jitkellem “lingwaġġ . . . li tiegħu mhuwiex hu l-awtur. L-awtur huwa l-bniedem. Li bħala maskju u femmina, għarus u għarusa, jaqra mill-ġdid is-sinifikat ta’ dan il-“lingwaġġ”. Mela jarġà jaqra mill-ġdid dak is-sinifikat sponsali tal-ġisem kif miktub integralment fl-istruttura tal-maskulinità jew tal-femminilità tas-soġġett personali. Qari mill-ġdid korrett “fil-verità” huwa kondizzjoni ndispensabbli biex tipproklama l-verità, jew aħjar biex tistabilixxi s-sinjal viżibbli taż-żwieġ bħala sagrament. L-għarajjes, appuntu, jipproklamaw dan “il-lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid fil-verità, bħala kontenut u prinċipju tal-ħajja tagħhom ġdida fi Kristu u fil-Knisja. Dwar il-bażi tal-“profetiżmu tal-Gisem”, il-ministri tas-sagrament taż-żwieġ iwettqu att ta’ karattru profetiku. B’tali mod jikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-missjoni profetika tal-Knisja, riċevuta mingħand Kristu. “Profeta” huwa dak li jesprimi bi kliem uman il-verità ġejja minn Alla, dak li jesprimi tali verità f’sostituzzjoni ta’ Alla, f’ismu u, f’ċertu sens, bl-awtorità tiegħu.

3. Dan kollu jirreferi għall-għarajjes ġodda, li, bħala l-ministri tas-sagrament taż-żwieġ, jistabilixxu bil-kliem tal-kunsens konjugali s-sinjal viżibbli, waqt li jipproklamaw il-“lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid fil-verità, bħala kontenut u prinċipju tal-ħajja ġdida tagħhom fi Kristu u fil-Knisja. Din il-proklamazzjoni “profetika” għandha karattru kumpless. Il-kunsens konjugali huwa fl-istess ħin aħbar u kawża tal-fatt li, minn issa ‘l quddiem, it-tnejn se jkunu quddiem il-Knisja u s-soċjetà raġel u mara miżżewġin (tali aħbar nifhmuha bħala “indikazzjoni” fis-sens ordinarju tat-terminu). Madankollu, il-kunsens konjugali għandu b’mod speċjali l-karattru ta’ professjoni reċiproka tal-miżżewġin ġodda, magħmula quddiem Alla. Biżżejjed nieqfu b’attenzjoni fuq it-test, biex nikkonvinċu ruħna li dik il-proklamazzjoni profetika tal-lingwaġġ tal-ġisem, moqrija fil-verità, hija minnufih u b’mod dirett ndirizzata mill-“jien” għall-“int”: mir-raġel għall-mara u minn l-“hi” għall-“hu”. Post ċentrali fil-kunsens konjugali għandhom propju l-kliem li jindikaw is-soġġett personali, il-pronomi “jien” u “int”. Il-lingwaġġ tal-ġisem”, moqri mill-ġdid fil-verità tas-sinifikat sponsali tiegħu, jikkostitwixxi permezz tal-kliem tal-miżżewġin ġodda l-għaqda-komunjoni tal-persuni. Jekk il-kunsens konjugali għandu karattru profetiku, jekk huwa l-proklamazzjoni tal-verità ġejja minn Alla, u f’ċertu sens l-espressjoni ta’ din il-verità f’isem Alla, dan jattwa ruħu speċjalment fid-dimensjoni tal-komunjoni nterpersonali, u ndirettament biss quddiem l-oħrajn u “għall”-oħrajn.

4. Fuq l-isfond tal-kliem pronunzjali tal-ministri tas-sagrament taż-żwieġ, jinsab il-perenni “lingwaġġ tal-ġisem”, għal-liema Alla “ta bidu” waqt li ħalaq il-bniedem bħala maskju u femmina; lingwaġġ, li ġġedded minn Kristu. Dan il-perenni “lingwaġġ tal-ġisem” iġorr fih l-għana kollha u l-profondità tal-Misteru: qabel il-ħolqien, imbagħad tar-redenzjoni. Il-miżżewġin, waqt li jattwaw is-sinjal viżibbli tas-sagrament permezz tal-kliem tal-kunsens konjugali tagħhom, jesprimu fih “il-lingwaġġ tal-ġisem”. Bil-profondità kollha tal-misteru tal-ħolqien u tar-redenzjoni  (il-liturġija tas-sagrament taż-żwieġ toffri kuntest għani). Waqt li jerġgħu jaqraw b’tali mod “il-lingwaġġ tal-ġisem” il-miżzewġin mhux biss jiġbru fil-kliem tal-kunsens konjugali s-soġġettività sħiħa tal-professjoni, indispensabbli biex tattwa s-sinjal propju ta’ dan is-sagrament, imma jilħqu wkoll, f’ċertu sens, is-sorsi nfushom, li minnhom dak is-sinjal jikseb kull darba l-elokwenza poetika tiegħu u l-qawwa tiegħu sagramentali. Mhuwiex leċitu li ninsew li “l-lingwaġġ tal-ġisem”, qabel ma kien ippronunzjat mix-xuftejn tal-miżżewġin, ministri taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja, kien ippronunzjat mill-kelma tal-Alla l-ħaj, tibda mill-Ktieb tal-Ġenesi, permezz tal-Profeti tal-allejanza l-qadima, sal-Awtur tal-Ittra lill-Efesin.

5. Nadoperaw hawn għal iktar stadji l-espressjoni “lingwaġġ tal-ġisem”,  waqt li nerġgħu nduru għat-testi profetiċi. F’dawn it-testi, bħalma diġa għidna, il-ġisem uman jitkellem “lingwaġġ”, li tiegħu hu mhux l-awtur fis-sens propju tat-terminu. L-awtur huwa l-bniedem – maskju u femmina – li jergà jaqra l-veru sens  ta’ dak il-“lingwaġġ” waqt li jerġà jġib lura għad-dawl is-sinifikat sponsali tal-ġisem bħala miktub integralment fl-istruttura nfisha tal-maskulinità u femminilità tas-soġġett personali. Tali qari mill-ġdid “fil-verità” tal-lingwaġġ tal-ġisem diġa minnha nfiha tagħti karattru profetiku lill-kliem tal-kunsens konjugali, permezz ta’ liema r-raġel u l-mara jattwaw is-sinjal viżibbli taż-żwieġ bħala sagrament tal-Knisja. Dan il-kliem fih madankollu xi ħaġa iktar minn sempliċi qari mill-ġdid fil-verità ta’ dak il-lingwaġġ, li dwaru titkellem il-femminilità u l-maskulinità tal-miżżewġin novelli fir-rapport reċiproku tagħhom: “Jien nieħu lilek bħala marti – bħala żewġi”. Fil-kliem tal-kunsens konjugali huma miġbura: l-intenzjoni, id-deċiżjoni u l-għażla. Iż-żewġ miżżewġin jiddeċiedu li jaġixxu b’konformità mal-lingwaġġ tal-ġisem, moqri mill-ġdid fil-verità. Jekk il-bniedem, maskju u femmina, huwa l-awtur ta’ dak il-lingwaġġ, huwa b’mod speċjali inkwantu jrid jagħti, u effettivament jagħti lil imġibtu u lill-azzjonijiet tiegħu s-sinifikat konformi mal-elokwenza moqrija mill-ġdid fil-verità tal-maskulinità u tal-femminilità fir-rapport konjugali reċiproku.

6. F’dan il-qasam il-bniedem huwa l-awtur tal-azzjonijiet li għandhom minnhom infihom sinifikati definittivi. Huwa mela l-awtur tal-azzjonijiet u fl-istess ħin awtur tas-sinifikat tagħhom. Is-somma ta’ dawk is-sinifikati tikkostitwixxi, f’ċertu sens, it-totalità tal-“lingwaġġ tal-ġisem”, li biha l-miżżewġin jiddeċiedu li jitkellmu bejniethom bħala ministri tas-sagrament taż-żwieġ. Is-sinjal li huma jattwaw bil-kliem tal-kunsens konjugali mhuwiex biss sinjal immedjat u li jgħaddi, imma sinjal prospettiku li jirriproduċi effett dejjiemi, jiġifieri rabta konjugali, unika u indissolubbli (“il-jiem kollha ta’ ħajti, jiġifieri sal-mewt”). F’din il-prospettiva huma jridu jimlew dak is-sinjal tal-kontenut multiplu offrut mill-komunjoni konjugali u familjari tal-persuni, u wkoll ta’ dak il-kontenut li, oriġinat “mil-lingwaġġ tal-ġisem”, jiġi kontinwament moqri mill-ġdid fil-verità. B’tali mod il-“verità” essenzjali tas-sinjal tibqà organikament marbuta mal-ethos tal-kondotta konjugali. F’din il-verità tas-sinjal u, wara, fl-ethos tal-kondotta konjugali, jinserixxi ruħu prospettikament is-sinifikat prokrejattiv tal-ġisem, jiġifieri l-paternità u l-maternità, li dwarhom iddiskutejna qabel. Għad-domanda: “Disposti li tilqgħu b’mod responsabbli b’imħabba t-tfal li Alla jogħġbu jagħtikom u tedukawhom skont il-liġi ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu?”, ir-raġel u l-mara jwieġbu: “Iva”.

U għalissa nipposponu għal laqgħat oħra l-approfondamenti ulterjuri tat-tema.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.