Tan-nanna ħelu manna


Is-Sibt, 25 ta’ Lulju 2020: Omelija f’Quddiesa tal-Festa ta’ Sant’Anna mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi, iż-Żebbiegħ.

SOW-Joachim-Anne

Tan-nanna ħelu manna

Min qara l-kitbiet jew id-diskorsi ta’ Papa Franġisku jaf kemm jitkellem b’għożża u b’imħabba fuq in-nanna tiegħu. Żgur li ħalliet impatt kbir fuq ħajtu. Fil-fatt meta nisma’ l-qawl Malti “Tan-nanna ħelu manna” fih niftakar, għax Papa Franġisku jsemmi lin-nanna b’għożża kbira. Hu jgħid: “Kienet fuq kollox in-nanna tiegħi li mmarkat il-mixja tal-fidi tiegħi…l-ewwel tħabbira Nisranija rċevejtha proprju min-nanna” (Diskors, Velja ta’ Għid il-Ħamsin, 18 ta’ Mejju 2013). U għalhekk jitkellem b’imħabba fuq in-nanna tiegħu imma wkoll fuq in-nanniet b’mod ġenerali, u juri stima kbira u rispett lejhom.

Nanna speċjali

Aħna llum qed niċċelebraw il-festa ta’ nanna speċjali – in-nanna ta’ Ġesù. Meta nħarsu lejn Sant’Anna, u flimkien magħha żewġha San Ġwakkin, nindunaw kemm kellhom grazzja kbira fil-ħajja tagħhom. Jekk naraw l-Evanġelju tal-lum (ara Mt 13:44-45), lanqas kellhom għalfejn, kif jgħid Ġesù hawnhekk, ibigħu kulma kellhom biex isibu dak it-teżor, għax it-teżor Alla tahulhom b’don meta kellhom lil binthom Marija. U lanqas kellhom għalfejn ifittxu l-ġawhar għax l-iktar ġawhra sabiha tahielhom Alla permezz ta’ Marija meta kellha lil binha Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna. Għalhekk Sant’Anna u San Ġwakkin kienu għonja mhux għax kellhom ħafna affarijiet imma għonja fil-grazzja ta’ Alla.

Nixtieq li naraw x’jgħallmuna għall-ħajja tagħna Sant’Anna flimkien ma’ żewġha San Ġwakkin. Insemmi tliet affarijiet.

Xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu

L-ewwel nett, Alla jaħdem fil-ħajja ta’ min hu umli, u fil-ħajja ordinarja ta’ dawn in-nies jagħmel ħwejjeġ kbar. Sant’Anna u San Ġwakkin huma eżempju ta’ dan. Huma stess ma kinux jafu mill-bidu bil-grazzja kbira li kellhom u s-sejħa speċjali li kellhom, imma din ġiet lilhom fil-ħajja ordinarja tagħhom. Dak li Marija ssemmi fil-Magnificat, li Alla għamel ħwejjeġ kbar ma’ dawk li huma ċkejknin, u li “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Luqa 1:48) jgħodd mhux biss għal Marija nnifisha, imma jgħodd ukoll għal ommha u missierha. Hemmhekk li Alla jaħdem.

Dan hu messaġġ importanti għalina. Ifakkarna li lilna Alla jsejħilna bħala nanniet, ommijiet, missirijiet, fix-xogħol tagħna – hemmhekk Alla jrid li naqdu r-responsabbiltà tagħna b’fedeltà sħiħa lejh, b’imħabba kbira, u hemm Alla jagħmel ħwejjeġ kbar anke fil-ħajja tagħna. Qalb id-diffikultajiet tal-ħajja u l-problemi tal-ħajja, hemmhekk niltaqgħu ma’ Alla li jgħinna, li hu viċin tagħna u li jagħmel ħwejjeġ kbar.

Alla jaħdem id f’id magħna għall-ġid tagħna

It-tieni ħaġa li tolqotni, li jgħallmuna Sant’Anna u San Ġwakkin, hi li dak li jgħodd fil-ħajja mhuwiex l-għana li jista’ jkollna, u jkollna dejjem aktar, imma dak li jimla l-qalb hu Alla permezz tal-preżenza u l-ħajja tiegħu. Hu jimlielna ħajjitna bl-imħabba tiegħu. Hemmhekk tassew ikollna dak li jista’ jimla l-qalb tagħna, bħalma għedna fis-Salm illum: “Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda…inħobb il-kmandamenti tiegħek aktar bid-deheb, mid-deheb l-aktar fin” (Salm 118). Mhuwiex dak li nistgħu nakkumulaw, jew li jkollna, li b’xi mod se jserrħilna moħħna u jimlielna qalbna, imma hu Alla bil-preżenza tiegħu, bl-imħabba tiegħu u bil-kelma tiegħu.

Meta nimxu kif irid Alla, hemmhekk tassew insibu li qalbna timtela bil-paċi tiegħu. Għalhekk San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani jgħid: “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28). Din kienet l-esperjenza ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, u din hi l-esperjenza tagħna meta aħna nilqgħu l-imħabba ta’ Alla f’qalbna. Alla jaħdem id f’id magħna għall-ġid tagħna.

Napprezzaw l-għeruq tagħna

It-tielet ħaġa li nara f’Sant’Anna u San Ġwakkin hi kemm hu importanti li aħna qatt ma nitilfu l-għeruq jew ninqatgħu mill-għeruq tagħna, minn dak li fil-fatt bniena matul is-snin. Hawn intom għandkom eżempju ta’ dan meta tħarsu lejn din il-knisja. Jien dħalt fiha llum l-ewwel darba imma niftakar tant snin ilu, meta kien hemm l-ewwel ħsieb tagħha, imbagħad bil-mod il-mod bis-sehem ta’ ħafna li taw il-kontribut tagħhom inbniet il-knisja. Kemm hu importanti li meta naraw il-knisja mmorru lura għall-istorja tagħha biex niftakru fl-għeruq tagħha! Din hi eżempju għall-ħajja tagħna. Aħna f’ħajjitna importanti li mmorru lura għall-għeruq tagħna u qatt ma ninqatgħu minn dawn l-għeruq tagħna. In-nanniet ifakkruna f’dan. Irridu nitgħallmu minn dawk li ġew qabilna.

Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu liż-żgħażagħ, ifakkarna f’dan: “Meta ngħinu liż-żgħażagħ jiskopru l-għana ħaj tal-imgħoddi, jagħmlu memorja tiegħu u jinqdew bih tajjeb għall-għażliet u l-possibiltajiet tagħhom, dan ikun veru għemil ta’ mħabba lejhom fid-dawl tal-iżvilupp tagħhom u tal-għażliet li huma msejħin jagħmlu.” (Kristu Jgħix, 187). Inkunu qed ngħinuhom biex ma jimxux bl-addoċċ fil-ħajja, imma jibqgħu marbutin mal-għeruq tagħhom filwaqt li jiżviluppaw skont il-kapaċitajiet tagħhom. Sant’Anna u San Ġwakkin, li kienu fl-għeruq tal-ħajja ta’ Marija u Ġesù, ifakkruna kemm hu importanti li aħna napprezzaw l-għeruq tagħna u l-għana ta’ dak li ġie qabilna, u dan jgħinna fl-għażliet tagħna llum.

Nirringrazzjaw lil Alla llum. Nitolbu ħafna għal kull wieħed u waħda minna u għall-familji tagħna. Nitolbu għal din il-komunità, għall-parroċċa tal-Imġarr – hawn il-Kappillan, ir-Rettur ta’ din il-knisja Fr Jimmy, monsinjuri u saċerdoti, nitolbu li aħna lkoll flimkien naqdu r-responsabbiltajiet tagħna skont is-sejħa li Alla jagħtina, inħallu lilu jaħdem id f’id magħna għall-ġid tagħna, u li dejjem nibqgħu napprezzaw l-imgħoddi sabiħ tagħna biex minnu niksbu d-dawl ukoll għall-għażliet li rridu nagħmlu llum. Nitolbu dak l-għerf li talab Salamun fl-ewwel qari llum: biex nagħrfu nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin (ara 1 Slaten 3:9). Nitolbu l-għerf ta’ Alla li jkompli jgħinna fl-għażliet tagħna f’din il-parroċċa u f’din il-komunità.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.