Illum il-Knisja tfakkar lil San Injazju ta’ Loyola

Print Friendly, PDF & Email

Fil-31 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil San Injazju ta’ Loyola, Saċerdot li għex bejn is-snin 1491 sa 1556.

San Injazju twieled fil-kastell ta’ Loyola f’Azpeitia, Spanja, fl-1491, minn familja nobbli. Kien l-iżgħar fost tużżana tfal, u tawh l-isem ta’ Inigo li hu stess bidel f’Injazju f’madwar l-1540.

Beda jaħdem bħala paġġ fil-qorti tar-Re Ferdinandu V, u mbagħad daħal suldat u sar Kaptan fl-armata tal-Viċire ta’ Navarra.

Fl-1521, fil-battalja ta’ Pamplona kontra l-Franċiżi, balla ta’ kanun qasmitlu l-qasba ta’ siequ l-leminija u fetħitlu beraħ il-pexxul ta’ siequ l-oħra. Midrub kif kien, bagħtuh lura fil-kastell tal-familja tiegħu ta’ Loyola biex ifiq.

Meta kien qed jirkupra ġew żewġ kotba f’idejh: “Il-Ħajja ta’ Ġesù” u “Il-Ħajja tal-Qaddisin.” Tant laqtuh li ddeċieda li jagħti ħajtu lil Ġesù, u jaħdem “għall-ikbar glorja t’Alla,” kliem li kellu jsir il-motto tas-Soċjetà.

Meta fieq għamel pellegrinaġġ lis-Santwarju tal-Madonna f’Montserrat. Is-sentejn ta’ wara għaddiehom f’Manresa. Kien f’dawn is-sentejn ta’ talb u ġabra li hu beda jikteb il-ktieb famuż tiegħu “L-Eżerċizzi Spiritwali.”

Fl-1523 telaq minn Manresa u mar jagħmel pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa. Meta reġa’ lura Spanja fl-1524, ra li mingħajr edukazzjoni soda ma setax iwettaq il-missjoni tiegħu, u telaq lejn Barċellona biex jibda jistudja l-Latin.

Fl-1528, mar l-Università ta’ Pariġi. Hawnhekk iltaqa’ u sar ħabib kbir ma’ sitt studenti li wieħed minnhom kien San Franġisk Saverju (ara San Franġisk Saverju), u ieħor San Pietru Faber.

Fl-1534, San Injazju u sħabu għamlu l-vot tal-kastità u tal-povertà fil-kappella ta’ Montmartre, u wegħdu li jmorru jipprietkaw il-Vanġelu fil-Palestina u joffru s-servizzi tagħhom dirett lill-Papa Pawlu III. Hekk twaqqfet is-Soċjetà ta’ Ġesù, jew il-Ġiżwiti kif huma magħrufin illum.

Fl-1537, San Injazju u l-kumpanni tiegħu li issa kienu saru disgħa, marru Venezja u ġew ordnati saċerdoti. Billi ma setgħux imorru l-Art Imqaddsa, marru Ruma u offrew lilhom infushom lill-Papa Pawlu III. Hekk l-Ordni ġie uffiċjalment imwaqqaf fl-1540.

Fl-1541, San Injazju ġie magħżul biex ikun l-ewwel Superjur Ġenerali, u għadda l-kumplament ta’ ħajtu f’Ruma, imexxi s-Soċjetà ta’ Ġesù. Miet f’Ruma, fil-31 ta’ Lulju ,1556. Kien ikkanonizzat fl-1622.

Aktar dettalji
Meta Injazju beda jaqra l-Ħajja ta’ Kristu u volum b’ħajjiet ta’ qaddisin, infetħet dinja ġdida quddiemu u ra l-vojt tal-ambizzjoni tad-dinja. Dehra mill-Madonna bil-Bambin għamlitlu kuraġġ kbir. Injazju għamel vot tal-kastità, mar fil-knisja tal-Madonna ta’ Montserrat, għamel qrara ġenerali u wara lejl talb ta l-armatura tiegħu ta’ kavallier lil wieħed tallab. Huwa għadda 11-il xahar f’Manresa jgħin fi sptar, jagħmel penitenza, isofri minn skrupli, iħoss konsolazzjonijiet, jitlob u jikteb l-Eżerċizzi Spiritwali.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply