Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-III ġimgħa tar-Randan


Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ġimgħa tar-Randan
L-Erbgħa

QARI I
Ħarsu l-liġijiet u agħmluhom.
Dewt 4, 1.5-9

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom. Araw, jien għallimtkom liġijiet u ordnijiet kif ikkmandani l-Mulej, Alla tiegħi, biex tagħmluhom sewwa fil-pajjiż li fih se tidħlu biex ikun tagħkom. Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn il-ġnus li, kif jisimgħu b’dawn il-liġijiet kollha, jgħidu: “M’hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir”. Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu? Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?

Biss iftaħ għajnejk, u oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-ħwejjeġ li rajt b’għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek tul il-jiem kollha ta’ ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 147, 12-13.15-16.19-20

R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej

Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;
faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,
u jbierek ġewwa fik ’l uliedek. R/.

Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.
Jibgħat is-silġ bħas-suf;
ixerred bħar-rmied il-ġlata. R/.

Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 6, 63ċ.68ċ

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja;
inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Min iħares u jgħallem il-kmandamenti, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 5, 17-19

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu