Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-III ġimgħa tar-Randan


Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ġimgħa tar-Randan
Il-Ħamis

QARI I
Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla tiegħu.
Ġer 7, 23-28

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej: “Dan hu l-kmand li tajt lill-poplu tiegħi u għedtilhom: “Isimgħu minn kliemi, u jiena nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi, u imxu fit-triq kollha li qiegħed nordnalkom, għall-ġid tagħkom”.

Iżda huma ma semgħux, ma tawx widen; imxew skont il-fehmiet tagħhom, skont l-ebusija tal-qalb ħażina tagħhom; marru lura flok ’il quddiem. Minn mindu missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sal-lum, bgħattilhom il-qaddejja kollha tiegħi, il-profeti; kuljum ħabrikt li nibgħathomlkom. B’danakollu qatt ma semgħu minni, qatt ma taw widen, anzi webbsu rashom, għamlu agħar minn missirijiethom.

U int tgħidilhom dan kollu, imma ma jisimgħux minnek; issejħilhom, iżda ma jweġbukx. Inti tgħidilhom: Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla tiegħu, li ma jilqax il-korrezzjoni. Is-sewwa għab u tbiegħed minn fommhom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

R/. (8): Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej:
la twebbsux qalbkom

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,
ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!
Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,
ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. R/.

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!
“La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,
bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġoel 2, 12-13

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,
għax jien twajjeb u ħanin.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi.
Lq 11, 14-23

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”. Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.

Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra. Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla. Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu