Qari tal-Quddies tat-Tielet Ħadd tar-Randan. Sena “B”


Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ħadd tar-Randan

QARI I
Il-Liġi ngħatat permezz ta’ Mosè.
Eż 20, 1-17

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Alla tkellem u qal dan kollu lill-poplu: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar. Ma jkollokx allat oħra għajri. La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: la tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni lil dawk li jobogħduni; imma nagħder sal-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmadamenti tiegħi.

La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig.

Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu. Sitt ijiem taħdem u tagħmel kull ma għandek tagħmel; imma s-seba’ jum hu jum il-mistrieħ f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek. Dan il-jum ma tagħmel ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek. Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel is-smewwiet u l-art; il-baħar u kull ma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba’ jum u qaddsu.

Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.

La toqtolx.

La tagħmilx adulterju.

La tisraqx.

La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.

La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta’ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu għajrek”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

QARI I
Il-Liġi ngħatat permezz ta’ Mosè.
Eż 20, 1-3.7-8.12-17

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Alla tkellem u qal dan kollu lill-poplu: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar. Ma jkollokx allat oħra għajri. La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig. Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu.

Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.

La toqtolx.

La tagħmilx adulterju.

La tisraqx.

La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.

La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta’ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kull ma għandu għajrek”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 18 (19), 8.9.10.11

R/. (Ġw 6, 68ċ): Mulej, int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem

Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmadament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għal kollox. R/.

Huma egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. R/.

QARI II
Aħna nxandru ’l Kristu msallab.
1 Kor 1, 22-25

Qari mill-Ewwel ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 3, 16

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

EVANĠELJU
Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.
Ġw 2, 13-25

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kien jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura: “Il-ħeġġa għal darek fnietni”.

Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ntellgħu”. Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?”.

Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dak li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù. Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu