Ġwanni Pawlu II. Omelija fis-Santwarju tal-Verġni ta’ Fatima


IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II FIL-PORTUGAL

L-Omelija fis-Santwarju tal-Verġni ta’ Fatima.  13 ta’ Mejju 1982

NIFHMU L-MESSAĠĠ TA’ FATIMA FID-DAWL TAL-IMĦABBA TA’ OMMNA MARIJA

 

It-Testment ta’ Ġesù

“Minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19,27). B’dan il-kliem jagħlaq l-Evanġelju tal-Quddiesa tal-lum f’Fatima. Isem id-dixxiplu huwa Ġwanni. Kien proprju Ġwanni, bin Zebedew, appostlu u evanġelista, li sama’ kliem Ġesu’ mill-għoli tas-salib: “Hawn hi ommok”. Imma qabel Kristu kien qal lil Ommu: “Mara, hawn hu ibnek”.

Kien dan testment tassew tal-għaġeb. Kristu, huwa u jħalli d-dinja, ta lil ommu bniedem, Ġwanni biex ikun għaliha bħala iben. Fdah f’idejha. B’hekk Marija saret omm il-bniedem.

Minn dak il-ħin Ġwanni ħadha miegħu; beda jieħu ħsieb dik li kienet Omm l-Imgħallem tiegħu: għax hu dmir l-ulied u dritt tagħhom li jieħdu ħsieb ommhom. Imma fuq kollox Ġwanni sar iben l-Omm ta’ Alla, għax hekk ried Ġesu’. U fi Ġwanni kull bniedem sar iben Marija.

 

Is-Santwarju ta’ Marija

“Hadha għandu.” Dan il-kliem jista’ jfisser ukoll li ħadha f’daru. Dehra speċjali ta’ Marija bħala omm għallbnedmin huma l-postijiet fejn hi tiltaqa’ mal-bnedmin: id-djar fejn tgħammar, djar li fihom wieħed iħoss li Marija tinsab hemm b’mod speċjali.

Dawn id-djar, dawn il-postijiet huma ħafna, u ta’ ħafna suriet: min-niċeċ fid-djar u fit-triqat li fihom tiddi x-xbieha ta’ Omm Alla, sal-kappelli u l-knejjes mibnija f’ġiehha. Iżda hemm postijiet li fihom il-bnedmin iħossu li l-preżenza tal-Madonna hi tassew ħajja. Xi drabi dawn il-postijiet ixerrdu ma’ kullimkien id-dija tagħhom u jiġbdu lejhom nies mill-bogħod. Id-dija tista’ tasal sa tarf djoċesi waħda, jew f’nazzjon waħda, imma xi kultant tasal għand ħafna nazzjonijiet u wkoll f’aktar minn kontinent wieħed. Dawn huma s-santwarji tal-Madonna.

F’dawn il-positijiet iseħħ b’mod tal-għaġeb it-testment ta’ Kristu msallab: il-bniedem iħoss li huwa mogħti lil Marija u fdat lilha. Imur għandha biex jibqa magħha bħala Ommu; jiftaħ qalbu magħha u jkellimha fuq kollox jeħodha għandu, jiġifieri jadaħħalha fil-problemi kollha tiegħu xi kull tant iebsin ħafna. Problemi tiegħu u ta’ l-oħrajn. Problemi tal-familji, tas-soċjeta, tan-nazzjonijiet, tal-bnedmin kollha.

Mhux hekk is-santwarju ta’ Lourdes? Mhux hekk is-santwarju ta’ Jasna Gora fil-Polonja pajjiżi, li din is-sena jagħlaq sitt mitt sena?

Hemm ukoll, u f’ħafna santwarji oħra tal-Madonna mxerrdin mad-dinja kollha, jidwi dan il-kliem tal-liturġija tallum: “Int il-ġieh tal-poplu tagħna!” (Gud. 15,9); u l-kliem l-ieħor ukoll: “Quddiemil-moħqrija ta’ ġensna..int ħriġt tgħinna fit-tiġrib tagħna u mxejt dritt quddiem Alla”(Ġud 13,20).

Dan il-kliem jidwi f’Fatima mhux biss bħala eku ta’ dak li għadda minnu l-poplu tal-Portugal, imma wkoll ta’ dak li għaddew minnu tant nazzjonijiet u popli oħra li jgħammru f’din l-art; dan il-kliem huwa eku ta’ dak li għaddew minnu l-bnedmin kollha tallum, il-familja kollha tal-bnedmin.

Ġejt hawn illum għaliex proprju sena ilu, bħallum, f’Ruma, f’Piazza San Pietru, sar attentat kontra l-ħajja tal-Papa, proprju fl-anniversarju tal-ewwel dehra f’Fatima li seħħet fit-13 ta’ Mejju 1917.

Dawn iż-żewġ dati ltaqgħu flimkien b’mod li deherli għandi nara fihom sejħa speċjali biex niġi hawn. U llum, ara, jiena hawn. Ġejt inrodd ħajr lill-providenza ta’ Alla f’dan l-imkien li milli jidher l-Omm ta’ Alla għoġobha tagħżel b’mod speċjali. “Hi tjieba tal-Mulej li ma nqredniex” (Lam. 3,20) nerġa’ ntenni mal-profeta.

Ġejt hawn l-aktar biex hawn inxandar is-sebħ tal-Mulej: “Imbierek is-Sid il-Mulej li ħalaq is-sema u l-art” (Ġud. 13,18) intenni bil-kliem tal-liturġija tal-lum.

U lejn Dak li ħalaq is-sema u l-art ngħolli wkoll dak l-innu ta’ gloria li hi stess l-Omm bla tebgħa tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem: “Imbierka int, binti, mill-Mulej Alla l-għoli, fuq in-nisa kollha tal-art, għax illum huwa kabbarlek ismek hekk li l-bniedmin qatt ma jieqfu jfaħħruk u jfakkru dejjem il-qawwa li l-Mulej wera fik” (Ġu. 13, 18-20).

 

Il-Maternita’ Spiritwali ta’ Marija

Din l-għajna ta’ tifħir li l-Knisja ferħana tlissen hawn u f’tant  postijiet oħra fid-dinja, għandha l-pedament tagħha fl-għażla tal-għaġeb ta’ bint Adam biex tkun Omm Alla.

Naduraw għalhekk ‘l Alla: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. U mbierku u nqimu lil Marija, xbieha tal-Knisja, bħala għamara tat-Trinita’ Qaddisa.

Mill-mument li fih Kristu fuq is-salib qal lil Ġwanni: “Hawn hi ommok”, mill-mument li fih “id-dixxiplu ħadha għandu”, il-misteru tal-maternita spiritwali ta’ Marija seħħ fl-istorja b’mod tassew tal-għaġeb. Tkun omm ifisser ħerqa għall-ħajja ta’ ibnek. Issa, jekk Maria hi omm il-bnedmin kollha, il-ħerqa għall-ħajja tal-bniedem tħaddan il-bnedmin kollha. Il-ħerqa tal-omm tħaddan il-bniedem kollu kemm hu. Il-maternita’ ta’ Marija bdiet bil-ħerqa tagħha ta’ omm għal Kristu. Fi Kristu ħdejn is-salib hi aċċettat lil Ġwanni u aċċettat kull bniedem u l-bniedem kollu kemm hu.  Marija tħaddan lil kulħadd b’herqa speċjali, fl-Ispirtu s-Santu. Għax hu l-Ispirtu s-Santu, kif nistqarru fil-Kredu, li “jagħti l-ħajja”. Hu l-Ispirtu s-Santu li jagħti l-milja tal-ħajja miftuħa għall-eternita’.

Il-maternità spirtiwali ta’ Marija hi għalhekk tisħib fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, tal-“Mulej li jagħti l-ħajja”. U hi fl-istess ħin ukoll il-qadi umli ta’ dik li qalet għaliha stess: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej” (Lq. 1,35).

 

Il-Messaġġ ta’ Fatima

Fid-dawl tal-misteru tal-maternita’ spiritwali ta’ Marija, ejjew nippruvaw nifhmu l-messaġġ tal-għaġeb li beda jixxandar fid-dinja minn Fatima mit-13 ta’ Mejju 1917 u dam sejjer għal ħames xhur sat-13 ta’ Ottubru tal-istess sena.

Il-Knisja dejjem għallmet u għadha sallum ixxandar ir-rivelazzjoni ta’ Alla ntemmet fi Kristu, li tagħha hu l-milja: “ma għandniex nistennew rivelazzjoni oħra pubblika qabel il-miġja tal-Mulej fil-glorja” (Dei verbum 4). Il-Knisja tqis ir-rivelazzjonijiet privati u tagħti ġudizzju fuqhom skond kemm ikunu jaqblu mar-Rivelazzjoni  pubblika waħdanija.

Jekk il-Knisja laqgħet il-messaġġ ta’ Fatima, laqgħetu l-aktar għax iħaddan verita’ u sejħa li fil-qofol tagħhom huma s-sejħa u l-verita’ tal-Evanġelju nnifsu.

“Indumu u emmnu l-Bxara t-tajba” (Mk 1,15) : dawn huma l-ewwel kelmiet li qal il-Messija lill-bnedmin kollha. Il-messaġġ ta’ Fatima, fil-qofol tiegħu, hu sejħa għall- konverżjoni u għall-indiema, bħall-Evanġelju. Din is-sejħa saret fil-bidu tas-seklu għoxrin, u għalhekk saret b’mod speċjali għal dan is-seklu. Is-Sinjura tal-messaġġ għarfet sewwa “s-sinjal taż-żminijiet”, is-sinjal ta’ żmenijietna.

Is-sejħa għall-indiema hi sejħa ta’ omm imma fl-istess ħin sejħa qawwija u deċiża. L-imħabba li “tifraħ bil-verita” (I Kor 13,6) taf tkun ċara u deċiża. Is-sejħa għall-indiema hi msieħba, kif dejjem jiġri, mis-sejħa għat-talb. U skont tradizzjoni ta’ mijiet ta’ snin is-Sinjura tal-messaġġ ta’ Fatima ssemmi r-Rużarju li bir-raġun kollu nistgħu nqisuh bħala “t-talba ta’ Marija”, it-talba li biha Marija tħoss ruħha marbuta b’mod speċjali magħna. B’din it-talba jitħaddnu l-problemi tal-Knisja, tal-Kattedra ta’ San Pietru, tad-dinja kollha; huma mfakkra wkoll il-midinbin, biex jikkonvertu u jsalvaw, l-erwieħ ukoll tal-Purgatorju.

Il-kliem tal-messaġġ intqalu lil tfal ta’ bejn is-7 u l-10 snin. It-tfal, bħal Bernardetta ta’ Lourdes, hu ma b’mod speċjali privileġġjati f’dawn id-dehriet ta’ Omm Alla. Għalhekk ukoll il-kliem tal-messaġġ huwa sempliċi, biex jista’ jiftiehem mit-tfal. It-tfal ta’ Fatima kienu dawk li tkellmu mas-Sinjura tal-messaġġ u dawk li tawha l-għajnuna. Waħda minnhom għadha ħajja.

Meta Kristu fuq is-salib qal: “Mara hawn hu ibnek” (Ġw 19,26), b’mod ġdid fetaħ il-qalb ta’ Ommu, il-qalb bla tebgħa, u wrieha d-dimensjoni ġdida tal-imħabba; urieha sa fejn kellha tasal l-imħabba, li għaliha kienet imsejħa mill Ispirtu s-Santu bil-qawwa tas-sagrifiċċju tas-Salib.

Fil-kliem ta’ Fatima jidhirli li nsibu proprju din id-dimensjoni tal-imħabba tal-omm, li tħaddan it-triq  kollha tal-bniedem lejn Alla: it-triq li tgħadda mid-dinja, u dik li  tgħaddi mill-purgatorju ‘l hemm mill-art. Il-ħerqa ta’ omm is-Salvatur hi l-ħerqa għall-opra tas-salvazzjoni, għall-ħidma ta’ Binha Ġesu’. Hi ħerqa għas-salvazzjoni, għas-salvazzjoni tal-bniedem kollha. Issa li għaddew 65 sena minn dak it-13 ta’ Mejju 1917, ma jistax ikun li ma tagħrafx li din l-imħabba tal-omm li ssalva tħaddan b’mod speċjali ż-żmien tagħna.

Fid-dawl ta’ din l-imħabba tal-omm aħna nifhmu l-messaġġ ta’ Fatima. Dak li l-aktar ifixkel il-mixi tal-bniedem lejn Alla hu d-dnub, hi l-perseveranza fid-dnub, u fl-aħħarnett iċ-ċaħda ta’ Alla: il-fehma li twarrab lil Alla mid-dinja, milll-ħsieb tal-bniedem, u tifred minn Alla l-ħidma kollha tal-bniedem, ħalli l-bniedem jasal biex ma jkunx irid lil Alla.

Fl-aħħar mill-aħħar is-salvazzjoni ta’ dejjem għalll-bniedem hija biss f’Alla. Meta l-bniedem jasal biex ma jkunx irid lil Alla, jekk dan iseħħ, iwassal biex Alla ma jkunx irid il-bniedem (ara Mt 7,23;10,33): u dan ikun it-telfien ta’ dejjem.

Tista’ l-Omm, li bil-qawwa kollha ta’ mħabbitha, imsaħħa mill-Ispirtu s-Santu, trid is-salvazzjoni ta’ kull bniedem, tiskot quddiem dak li qiegħed iheżżeż il-pedament ta’ din is-salvazzjoni? Żgur li le.

Hu mħabba f’hekk li l-messaġġ ta’ Fatima li hu messaġġ kollu mħabba ta’ omm, hu fl-istess ħin hekk sod u qawwi. Anzi jidher iebes. Qisu kliem San Gwann Battista ħdejn ix-xtut tal-Ġordan: jistieden għall-indiema; iwissi; isejjaħ għat-talb; jirrikkmanda r-Rużarju.

Hu messaġġ għal kull bniedem. L-imħabba ta’ Omm is-Salvatur tasal kull fejn tasal l-opra tas-salvazzjoni. Fi ħsiebha għandha l-bnedmin kollha ta’ żmienna, flimkien mas-soċjeta, u n-nazzjonijiet  u l-popli kollha. Is-soċjetajiet kollha mheddin mit-telfien tal-fidi, mit-tiġrif tal-ħajja morali. Għax meta tiġi fix-xejn l-imġieba tajba, tiġġarraf is-soċjeta’.

 

It-Tifsira tal-Konsagrazzjoni lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija

Kristu fuq is-salib qal: “Mara hawn hu ibnek”. B’dan il-kliem fetaħ f’sura ġdida  l-qalb ta’ Ommu. Ftit wara l-lanza ta’ suldat ruman nifdet sider l-imsallab. Il-Qalb minfuda saret sinjal tal-fidwa li seħħet permezz tal-mewt tal-Ħaruf ta’ Alla.

Il-qalb bla tebgħa ta’ Marija miftuħa bil-kliem: “Mara hawn hu ibnek”, tiltaqa’ spiritwalment mal-Qalb ta’ Binha minfuda minn lanza. Il-Qalb ta’ Marija nfetħet għall-istess imħabba għall-bniedem u għad-dinja li biha Kristu ħabb il-bniedem u d-dinja, huwa u joffri lilu nnifsu għalihom fuq is-salib sal-mument meta l-lanza tas-suldat nifditlu qalbu.

Meta nikkonsagraw id-dinja lil Marija nkunu nfissru li aħna, permezz tal-interċessjoni ta’ Marija, qegħdin nersqu lejn l-għajn tal-Ħajja li tfawwar minn fuq il-Golgota. Din l-għajn bla heda tfawwar il-fidwa u l-grazzja. Fiha bla heda sseħħ it-tpattija għad-dnubiet tad-dinja. Bla heda hi għajn ta’ ħajja ġdida u qadima.

Tikkonsagra d-dinja lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija jfisser terġa lura ħdejn is-salib tal-Iben. Anzi tfisser tikkonsagra d-dinja lill-Qalb minfuda tas-Salvatur u treġġagħha lura għall-istess għajn tas-salvazzjoni. Għaliex is-salvazzjoni hija dejjem aqwa mid-dnub tal-bniedem u mid – “dnub tad-dinja”. Il qawwa tas-salvazzjoni tiżboq għal kollox il-qawwa tal-ħażen kollu li hemm fil-bniedem u fid-dinja.

Il-qalb tal-Omm dan tafu wisq aktar minn kull ħadd ieħor fil-ħolqien kollu li jidher u ma jidhirx.

 

Marija ssejħilna

Issejjaħ mhux biss għall-konversjoni, imma ssejjaħ biex nitolbu l-għajnuna minn għandna, minn għand ommna, ħa nerġgħu lura lejn l-għajn tas-salvazzjoni.

Tikkonsagra ruħek lil Marija jfisser li qed titlobha l-għajnuna biex toffri lilek innifsek u lill-bnedmin kollha lil Dak li hu Qaddis, Qaddis bla qjies. Ifisser tirrikorri għand il-qalb tagħha ta’ Omm, miftuħa ħdejn is-salib għall-imħabba ta’ kull bniedem u tad-dinja kollha biex titlobha l-għajnuna ħalli toffri d-dinja, il-bniedem, il-bniedem kollha, in-nazzjonijiet kollha lil Dak li hu Qaddis bla  qjies.  Il-Qdusija ta’ Alla dehret fis-salvazzjoni tal-bniedem, tad-dinja, tal-bnedmin kollha, tan-nazzjonijiet kollha, salvazzjoni li seħħet permezz tas-sagrifiċċju tas-salib.  “Minħabba fihom nikkonsagra lili nnifsi” (Ġw 17,19) qal Ġesu.

Bil-qawwa tas-salvazzjoni d-dinja u l-bniedem ġew ikkonsagrati lil Dak li hu Qaddis bla qjies: ġew mogħtija lill-istess Imħabba, lill-Imħabba kollha ħniena.

Omm Kristu ssejħilna u tistedinna ningħaqdu mal-Knisja ta’ Alla l-ħaj f’din il konsagrazzjoni  tad-dinja, li biha d-dinja, il-bnedmin kollha, in-nazzjonijiet kollha, kull bniedem, noffruhom lill-Missier Etern bil-qawwa tas-salvazzjoni ta’ Kristu. Noffruhom fil-Qalb tal-Feddej, mimfuda fuq is-salib.

Omm il-Feddej qiegħda ssejħilna, qiegħda tistedinna, se tgħinna biex ningħaqdu f’din il-konsagrazzjoni, biex nafdaw id-dinja f’idejn Alla. U hekk imbagħad inkunu, kemm jista’ jkun, qrib il Qalb minfuda ta’ Kristu fuq is-salib.

 

Bl-Egħruq fl-Evanġelju

L-appell tas-Sinjura ta’ Fatima għandu egħruq hekk fil-fond fl-Evanġelju u fit-Tradizzjoni nisranija li l-Knisja tħoss ruħha marbuta ma’ dan il-messaġġ.

Il-Knisja wieġbet permezz tal-qaddej ta’ Alla, il-Papa Piju XII li ġie ordnat saċerdot proprju fit-13 ta’ Mejju 1917; hu ried jikkonsagra lid-dinja, u b’mod speċjali lir-Russja, lill-Qalb bla tebgħa ta’ Marija. B’din il-konsagrazzjoni ma weġibx forsi għas-sejħa evanġelika tal-messaġġ ta’ Fatima?

Il-Konċilju Vatikan II fil-konstituzzjoni dommatika Lumen gentium u fil-kostituzzjoni  pastorali fuq il-Knisja fid-dinja tallum (Gaudium et spes) wera fit-tul għaliex il-Knisja hi marbuta mad-dinja tal-lum. Fl-istess ħin it-tagħlim tal-Konċilju dwar il-preżenza speċjali ta’ Marija fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, wasal għall-milja tiegħu meta l-Papa Pawlu VI sejjaħ lil Marija Omm il-Knisja u hekk wera x’kienet ir-rabta kbira tagħha mal-Knisja u x’ħerqa kellha bħala Omm għad-dinja, għall-bnedmin kollha, għal kull bniedem, u għan-nazzjonijiet kollha.

B’dan il-mod fehemna dejjem aktar fil-fond xi tfisser il-konsagrazzjoni li l-Knisja hi msejħa biex tagħmel hija u titlob l-għajnuna tal-Qalb ta’ Omm Kristu u ta’ Ommna.

 

Il-Papa quddiem Marija  

Kif qiegħed jidher illum, quddiem Omm l-Iben ta’ Alla, fis-santwarju tagħha ta’ Fatima, Ġwann Pawlu II, is-suċċessur ta S.Pietru, dak li qiegħed ikompli l-opra ta’ Piju, ta’ Ġwanni u ta’ Pawlu u li hu l-werriet tal-Konċilju Vatikan II ?

Qiegħed  jidher, qalbu ttaqtaq, jaqra mill-ġdid is-sejħa ta’ omm għall-indiema, għall-konverżjoni, is-sejħa ħerqana tal-Qalb ta’ Marija li nstemgħet tidwi f’Fatima 65 sena ilu. Qiegħed jaqraha b’qalbu  ttaqtaq għaliex qiegħed jara kemm nies, kemm soċjetajiet, kemm insara qabdu t-triq li tmur kontra t- triq li wriena l-messaġġ ta’ Fatima. Id-dnub illum daħal sewwa fid-dinja u ċ-ċaħda ta’ Alla hi mxerda ħafna fl-ideoloġiji, fil-fehmiet u fil-programmi tal-bnedmin.

Imma hu proprju għalhekk li l-istedina evanġelika għall-indiema  u għall-konverżjoni, imwassla bil-kliem ta’ Omm Alla, hija ħafna f’waqta llum. Aktar f’waqtha minn 65 sena ilu. Għalhekk is-sena li ġejja s-Sinodu tal-isqfijiet se jistudja l-indiema u l-konversjoni, u ġa  qiegħed jitħejja għal dan.

Is-suċċessur ta’ San Pietru qiegħed jidher hawn ukoll bħala xhud tat-tbatijiet kbar tal-bniedem, bħala xhud tat-theddid tal-biża li qiegħed ihedded in-nazzonijiet u l-bnedmin kollha. Hu jixtieq iħaddan dawn it-tbatijiet kollha bil-qalb dgħajfa tiegħu ta’ bniedem li hu , waqt li jinsab quddiem il-misteru tal-Qalb tal-Omm tagħna, tal-Qalb bla tebgħa ta’ Marija.

F’isem dawn it-tbatijiet, huwa u jagħraf x’inhu l-ħażen kollu li qiegħed jixtered fid-dinja u jhedded il-bniedem, in-nazzjonijiet, il-bnediem kollha, is-suċċessur ta’ San Pietru, qiegħed jidher hawn b’fidi akbar fis-salvazzjoni tad-dinja f’din l-imħabba li ssalva, li hi dejjem qawwija, dejjem aqwa minn kull deni.

Jekk qalbi magħfusa minħabba d-dnubiet tad-dinja u minħabba t-theddid kollu li qed jhedded il-bniedem kollha, qalbi tikber bit-tama hija u tagħmel għal darb’oħra dak li għamlu l-papiet ta’ qabli, meta kkonsagraw id-dinja lill-Qalb ta’ Marija, u kkonsagrawlha b’mod speċjali dawk il-ġnus li l-aktar kienu jeħtieġu dan. Din il-konsagrazzjoni tfisser konsagrazzjoni lil Dak li hu Qdusija bla qjies. Din il-qdusija tfisser salvazzjoni, tfisser imħabba aqwa minn kull deni.

Qatt ma jista’ jkun aqwa minn din l-imħabba, ebda “dnub tad-dinja”. Għal darb’oħra, għaliex is-sejħa ta’ Marija ma kenitx għal darba biss. Hi sejħa għal kull żmien skont is-sinjali taż-żminijiet. Jeħtieġ nirrikorru lejha dejjem. Nilqgħu dejjem mill-ġdid is-sejħa tagħha.

 

Il-Fidi tal-Knisja

Naqraw fl-Apokalissi: “Il-belt qaddisa Ġerusalem il-ġdida rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejna għal għarus tagħha. U smajt leħen qawwi ġej mit-tron igħid: “Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom u huma jkunu l-poplu tiegħu u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom” (Apok 21,2ss).

B’din il-fidi tgħix il-Knisja.

B’din il-fidi jimxi l-poplu ta’ Alla.

“L-għamara ta’ Alla  mal-bnedmin” ġa tinsab fuq l-art.

Fiha hemm il-Qalb ta’ l-Għarusa u tal-Omm, Marija, imżejna bil-ġawhra tat-tnissil bla tebgħa. Il-Qalb tal-Għarusa u tal-Omm miftuħa ħdejn is-salib għall-imħabba kbira għall-bniedem u għad-dinja bil-kelma ta’ l-Iben: il-Qalb ta’ l-Għarusa u tal-Omm li taf x’inhuma t-tbatijiet kollha tal-bnedmin u tas-soċjetajiet ta’ din l-art.

Il-Poplu ta’ Alla hu miexi f’pellegrinaġġ fit-triqat ta’ din id-dinja lejn it-tmiem ta’ kollox. Miexi lejn Ġerusalem il-ġdida, “l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin”.

U Alla “jixxotta kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel” (Apok. 214).

Imma għalissa l-“ħwejjeġ ta’ qabel” għadhom hawn. Huma dawn li jagħmlu ż-żmien tal-mixi tagħna f’din id-dinja.

“Ara se nġedded kollox” (Apok 21,5).

U flimkien mal-Appoostlu u l-Evanġelista nippruvaw naraw bl-għajnejn tal-fidi s-smewwiet ġodda u l-art ġdida, għaliex is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għabu….

Imma għalissa s-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għandhom magħna u fina. Dan ma nistgħux niċħduh. Imma dan igħinna biex nifhmu xi grazzja kbira ngħatat lill-bniedem meta, waqt il-mixi tiegħu f’din id-dinja, fuq ix-xefaq tal-fidi ta’ żmienna “deher sinjal kbira: Mara” (ara Apok 12.1) U għalhekk bir-raġun kollu nistgħu ngħidu: “Imbierka inti, binti, minn Alla l-għoli fost in-nisa kollha tal-art…. int mxejt dritt quddiem Alla tagħna u ħlistna mit-tiġrif”.

Tassew imbierka int, hawn u fil-Knisja kollha fil-qalb ta’ kull bniedem u fid-dinja kollha: kun imbierka o Marija Omm ħelwa tagħna!

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.