L-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Ġużepp fil-Qala


Il-Ħadd, 2 ta’ Awwissu 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Festa titulari ta’ San Ġużepp, fis-Santwarju parrokkjali ta’ San Ġużepp, il-Qala.

Ħajr: Radju Leħen il-Qala

DSC_3840

IL-MUTU LI JITKELLEM

Qed ngħixu f’dinja storbjuża, anzi storbjuża żżejjed. Hemm storbju li joħolquh dawk ta’ madwarna u hemm dak li noħolquh aħna stess għalina nfusna. Għax barra li hemm l-istorbju estern, hemm dak interjuri wkoll. Skirna fil-ħsejjes tant li llum is-skiet sar qisu oġġett arkeoloġiku. Donnu llum sirna nibżgħu li l-bniedem ikun fil-ħemda. Il-ħsejjes iniġġsu l-moħħ u jnaffru l-ħsieb. Is-skiet jgħinna naslu għall-verità dwarna nfusna u dwar il-ħajja ta’ madwarna. Il-ħemda għandha qawwa li ddaħħalna fi sqaq li jġibna wiċċ imb wiċċ ma’ diversi aspetti ta’ ħajjitna li mhux dejjem ikollna aptit jew il-pjaċir li nżuruhom. Proprju minħabba din ir-raġuni jista’ jkun li xi wħud jogħġobhom joħolqu l-ħsejjes u jgħixu fl-istorbju. Għax għalkemm l-istorbju jegħjina, jaf jaljenana u jnissina!

Waħda mill-konsegwenzi negattivi tal-istorbju hija li l-bniedem tilef dak l-ambjent fejn jista’ jirrifletti u jiżen ftit ħsibijietu, il-messaġġi li jaslulu, il-ġrajjiet li jkun għaddej minnhom. Minħabba din il-qagħda storbjuża ma jirnexxilniex ninżlu ftit fil-fond u nixtarru x’hemm taħt il-kelma li taslilna; ma jirnexxilniex naraw x’hemm verament fil-pakkett li ħaddieħor jipprova joffrilna. Ilkoll nafu li mhux kulma jleqq huwa deheb, imma fl-istorbju nafu naċċettaw bħala deheb dak li fil-fatt huwa landa. Mhux ta’ b’xejn li hemm min isostni li qed ngħixu f’era fluwida fejn xejn ma għandu l-għeruq u kollox jinbidel minn ħin għall-ieħor. Kawża ta’ dan, inħolqot kultura relattivista li dgħajfet l-istess prinċipji li sa ftit ilu kienu meqjusa l-pern tal-ħajja. Proprju minħabba l-istorbju li ħatfilna l-kapaċità riflessiva u kritika tagħna, li hija meħtieġa biex nagħmlu ġudizzji tajba, naslu biex ngħidu kliem u nagħmlu ħwejjeġ li meta mbagħad inkunu f’mumenti luċidi jiddispjaċina ta’ dak li nkunu għedna jew għamilna.

Dan li qed ngħid ma japplikax biss għall-kuntest soċjali imma wkoll għalina bħala Knisja. Għax il-komunità ekkleżjali ttieħdet mid-dinja. Bdejna nedhew b’ħafna storbju. Ukoll jekk ikun storbju reliġjuż, jibqa’ storbju u jtellef qatigħ il-ħajja interjuri u spiritwali tagħna.

F’dan il-kunest nara l-ħtieġa ta’ dak li nistgħu nsejħulu l-istaġun tas-skiet, fejn il-bniedem jista’ jieqaf jaħseb ftit fit-trankwillità dwar il-“kelma”. Meta qed ngħid “kelma” qed nirreferi mhux biss għal dak li jingħad bejnietna l-bnedmin, imma wkoll għall-“Kelma ta’ Alla”. Hemm bżonn li l-kelma tbejjet fil-ġewwieni tagħna u bħaż-żerriegħa li tinżel fil-ħamrija, wara żmien moħbija bis-skiet, tagħti l-frott. Fil-kuntest tas-skiet, il-kelma tfaqqas, iż-żerriegħa tagħti l-frott, il-kelma timmatura u hekk nimmaturaw aħna wkoll kemm umanament u kemm spiritwalment.

Biex nifhmu l-ħtieġa tas-skiet ftakart f’dik il-miżura soċjali li normalment jieħdu n-nazzjonijiet fi żmien l-elezzjonijiet ġenerali tal-pajjiż. L-ewwel ikun hemm il-kampanja elettorali fejn nisimgħu ħafna kliem; imbagħad il-leġislatur jitlob li jkun hemm perjodu ta’ skiet fejn lanqas il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali ma jkunu jistgħu jitkellmu dwar temi politiċi. Dan is-skiet huwa mitlub biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jirriflettu dwar il-wegħdiet li jkunu sarulhom u bil-libertà jagħmlu l-għażla. Issa jekk il-leġislatur jara valur li jkun hemm is-silenzju qabel l-għażla tal-votanti, kemm iktar u iktar il-bniedem għandu bżonn ifittex dawn il-mumenti ta’ ħemda!

Kemm jiswa li kull wieħed minna jieqaf ftit fis-skiet u jisma’ lilu nnifsu biex hekk ikun jaf lilu nnifsu! Jekk ma nkunx naf lili nnifsi, lanqas inkun naf x’ser nagħmel b’ħajti, lanqas ikolli kuntatt miegħi nnifsi; u min mhux f’kuntatt miegħu nnifsu, jgħarrilu qatigħ. Kieku nafu ngħoddu għaxra qabel nitkellmu, kieku nevitaw ħafna kliem bla sens u ħafna deni. Kemm hi osservazzjoni f’waqtha li jagħmel wieħed mill-Missirijiet tad-Deżert, Iżakk minn Ninwè: “Għożż is-silenzju, għax jagħtik frott li l-ilsien mhux kapaċi jiddeskrivi”! Meta jitkellem dwar is-seba’ rjus tad-dnubiet il-mejta, il-predikatur Dumnikan Guillaume Peyraut iżid it-tmien wieħed: id-dnub tal-ilsien!

Kemm huwa importanti li fil-familji tagħna nagħmlu ftit skiet madwarna biex ikun hemm komunikazzjoni vera! Ħafna drabi l-ħsejjes tar-radju, tat-televiżjoni, tal-internet, tal-mowbajl jimlew id-dar, u effett ta’ dan il-membri tal-familja ma jisimgħux lil xulxin. Kif josserva l-antropologu David Le Breton, “l-uniku silenzju li nistgħu ngawdu huwa meta l-magna li tittrasmetti, tieqaf – la defaillance”. Il-ħsejjes kapaċi jtarrxuna, u ma hemmx dannu akbar minn meta nkunu torox għal xulxin. Ħafna tensjonijiet, gdiedem u ġlied fil-familja huma ġejjin minħabba l-fatt li ma għandniex sabar nisimgħu lil xulxin; forsi nisimgħu l-ħoss tal-kliem, imma ma nifhmux lil xulxin.

Għalhekk nara li għandna bżonn ta’ dan l-istaġun tas-skiet f’ħajjitna. Meta l-profeta Elija kien fuq il-muntanja Ħoreb, huwa ħaseb li ser jisma’ lil Alla fir-riħ qawwi li kellu saħħa jfarrak il-blat, fit-theżżiż tal-art, fin-nar… imma lil Alla semgħu f’dik iż-żiffa ħelwa… bit-Taljan it-traduzzjoni hija aktar qawwija: “voce di calma soave” – is-silenzju kien il-leħen ta’ Alla! Is-skiet tkellem (ara 1 Slat 19).

Inħoss li kemm fis-soċjetà u kemm fil-Knisja għandna bżonn dan l-istaġun tas-skiet. Xi drabi jafu jinterpretawk ħażin meta inti tagħżel is-skiet. Ikun hemm min jgħid li dak li jgħidu t-Taljani, chi tace acconsente, ifisser li meta tiskot, tkun kompliċi, tkun qed taqbel ma’ dak li jkun qed jingħad jew jiġri madwarek. Hemm min jgħidlek li jekk tiskot ikun ifisser li qed tirtira jew li xi ħadd ikun għamillek sarima ma’ ħalqek. Mhux dejjem huwa hekk. Dan qed ngħidu b’esperjenza personali. Xi drabi wieħed jista’ jara l-ħtieġa li jiskot. Hemm waqtiet fejn is-skiet ikun għażla, għax fiċ-ċirkustanzi jkun hemm bżonn ta’ riflessjoni. Wieħed jagħżel li jżomm sieket biex jintlaħqu valuri ogħla.

L-aktar ħaġa importanti fil-kuntest tal-komunità Nisranija mhix tant li nsemmgħu leħinna daqskemm li nisimgħu lil Alla jitkellem. Diġà semmejt l-istorbju reliġjuż li xi drabi jinħoloq f’isem Alla, u dan l-istorbju fil-Knisja jaf itarrax lill-bniedem biex saħansitra jisma’ lil Alla!

Qed nagħmel din ir-riflessjoni għaliex San Ġużepp għandu karatteristika li tiddistingwih: huwa l-bniedem tas-skiet. Kien hemm min sejjaħlu “l-ġgant tas-silenzju”. Fil-Vanġeli ma nsibu ebda kelma li ħarġet minn fomm Ġużeppi. Il-Madonna tkellmet ftit ħafna – minn tagħha għandna ħames sentenzi u l-innu tal-Magnificat; imma San Ġużepp ma jlissen ebda sillaba. Kif josserva l-Kardinal Ravasi, huwa tipiku tal-Vanġelu li kif Ġesù jagħżel liż-żgħar, hekk f’Ġużeppi sieket hemm dik li l-poeta Franċiż Paul Valery jiddeskrivi bħala l-kelma “moindre” – kelma ċkejkuna, l-aktar waħda delikata f’kuntrast ma’ dik mgħajta, aggressiva u vulgari li mdorrijin nisimgħu.

San Ġużepp huwa dak li jgħix l-istaġun tas-skiet. Ġużeppi, li huwa l-missier putattiv tal-“Kelma” li saret laħam, jibqa’ bla kelma! Ġużeppi għamel esperjenza mill-qrib ta’ persuna li ħalliet “il-Kelma” tinżera’ u tinħeba fil-ħamrija u wara ċertu żmien tat il-frott. Ġużeppi kien qrib Marija li laqgħet fi ħdanha l-Kelma, it-Tieni Persuna tat-Trinità Qaddisa, ġarritha fis-skiet ta’ ħdanha għal disa’ xhur sakemm din il-Kelma twieldet u bdiet tbexxaq fommha biex twasslilna l-Vanġelu.

San Ġużepp għamel l-esperjenza ta’ skiet li jitkellem. Il-Papa San Pawlu VI sejjaħ lill-Patrijarka Ġużeppi “l-mutu li jitkellem”. Tidher kontradizzjoni imma mhix. Għalkemm Ġużeppi ma lissen ebda kelma verbali, għemilu kien jitkellem: ħajtu kienet komunikazzjoni kontinwa ta’ dak li kien jemmen fih u ta’ dak li huwa kien. Fil-fatt, għalkemm fil-Vanġeli huwa ma jlissen ebda kelma, insibu diversi verbi li juru l-għemil ta’ Ġużeppi – huwa “għamel dak li ordnalu l-anġlu u ħa lil martu għandu” (Mt 1:24); “Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u warrab lejn l-Eġittu” (Mt 2:14). Ġużeppi huwa dak li fis-skiet tiegħu hu elokwenti.

Ġużeppi huwa dak li, għax għaraf il-qawwa tas-skiet, jagħżel li jbati fis-silenzju. Kif jgħid il-Ktieb tal-Koħelet: hemm żmien li tiskot u żmien li titkellem (3:7). Min jaf kemm Ġużeppi kellu l-okkażjoni, biex ma ngħidx id-dritt, li jitkellem, anki biex jiddefendi lilu nnifsu, lil Marija u lil Ġesù, imma għażel li jibqa’ sieket. Kemm huwa minnu dak li jgħid il-qawl Malti: kieku l-kliem kien ġawhar, is-skiet isbaħ minnu!

Kemm jiswa kieku aħna nkomplu nitgħallmu dawn iż-żewġ lezzjonijiet mingħand San Ġużepp: li aħjar jitkellmu l-fatti milli jikkmandna lsienna, u li bħalu nbatu fis-skiet mingħajr ma noqogħdu nfittxu d-drittijiet li nirrispondu, anki fi ħdan il-familja tagħna stess. Meta tilfu lil Ġesù fit-Tempju, Ġużeppi kellu kull raġuni biex lil Ġesù jieħdu waħda kif imiss; imma Ġużeppi jibqa’ sieket. Tagħlima sabiħa ta’ sabar attiv għall-ġenituri u s-superjuri.

San Ġwann Klimaku jsejjaħ is-skiet “missier it-talb”, u min josserva s-skiet jersaq lejn Alla u jiddawwal bid-dawl ta’ Alla; u l-kittieb Antione de Saint-Exupery jikteb li “s-skiet huwa l-ispazju fejn l-ispirtu jitfa’ l-ġwienaħ”. Bir-raġun għalhekk San Bernardinu minn Siena jgħid li San Ġużepp laħaq l-ogħla grad tal-kontemplazzjoni – l-ogħla grad tal-komunikazzjoni ma’ Alla. Hekk nixtieq li nikkontemplaw lil Ġużeppi, dan il-ġgant tas-skiet. Huwa sieket, imma fl-istess waqt f’attitudni ta’ talb jiftaħ widnejh biex jisma’ l-Kelma. Kieku aħna nagħmlu aktar waqtiet ta’ skiet biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla (anki waqt il-Liturġija!) u nħalluha tinżera’ u tnibbet fil-ġewwieni tagħna, kieku l-Knisja tkun qed twettaq il-missjoni tagħha. Huwa minnu li hemm min jgħid li l-Knisja hija fid-dmir li tiddenunzja d-dnubiet personali u strutturali u tikkoreġi l-iżbalji. Dan huwa importanti wkoll, imma hemm mod u mod kif jistgħu jsiru l-affarijiet. Xi drabi nistgħu nwasslu l-messaġġ tagħna aktar bis-skiet milli bil-kliem. Xi drabi l-assenza hija għamla ta’ preżenza. Bis-skiet nistgħu nevanġelizzaw ukoll.

San Bernard jgħallem li s-skiet huwa pilastru sod u meħtieġ tal-ħajja spiritwali u permezz tiegħu wieħed jikseb il-ġustizzja u l-virtù. F’dawn l-aħħar ħmistax-il sena, meta kont niġi għal din il-Quddiesa Pontifikali tal-Festa, kont nitgħaxxaq nisma’ dwar il-virtujiet tal-Patrun tagħna San Ġużepp, ir-raġel ġust! Imma kif jgħid San Bernard, is-sigriet ta’ kollox, anki fil-ħajja ta’ San Ġużepp, huwa s-skiet tiegħu. Għax kien sieket, Ġużeppi kien mogħni bil-ġustizzja u l-virtù.

Skont San Ġwann Kriżostmu, is-skiet huwa karru tan-nar li jwassal ir-ruħ lejn is-sema kif kien imtella’ l-profeta Elija. Is-skiet huwa s-sellum biex wieħed jitla’ s-sema. Hekk nixtieq nikkontempla lil Ġużeppi: dak il-mastrudaxxa minn Nazaret, sieket, u li s-skiet tiegħu tellgħu fis-sema fejn qiegħed fil-glorja jħares lill-Knisja u lid-dinja. Bir-raġun 150 sena ilu, il-Beatu Papa Piju IX qiegħed il-Knisja taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp. Fid-Digriet li għamel lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja universali, huwa kiteb hekk: “Bl-istess mod li Alla qiegħed lil Ġużeppi, iben il-patrijarka Ġakobb, biex jaħżen il-qamħ għall-poplu, fil-milja taż-żmien, meta kien ser jibgħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, huwa għażel lil Ġużeppi ieħor… għamlu kap u sid tad-dar tiegħu u għażlu bħala ħarries tat-teżori ewlenin tiegħu”.

Fl-istorja tal-qaddis tagħna l-Maltin San Ġorġ Preca niltaqgħu ma’ episodju interessanti li jirrakkonta Dun Ġorġ innifsu. Dun Ġorġ kien għaddej minn żmien diffiċli. Kien inkwetat ħafna b’dak li kien qed jingħad, anki f’ambjenti tal-Knisja, dwaru u dwar is-Soċjetà li kien qed jipprova jwaqqaf. Huwa jgħid li f’dawn iċ-ċirkustanzi, darba huwa waqaf quddiem kwadru tal-Madonna li semagħha ssejjaħlu. Il-Madonna qaltlu: “Serva silentium – żomm is-skiet”. Dun Ġorġ ħa l-parir ta’ Marija, Omm il-parir it-tajjeb. Baqa’ b’fommu mitbuq, u nafu l-frott li rċeviet il-Knisja u s-soċjetà bl-opra tiegħu.

F’dan il-jum ta’ festa f’ġieħ San Ġużepp nistħajjel lil Ġużeppi jagħtina l-istess parir li Marija tat lil San Ġorġ Preca: Żommu s-skiet! Ma jfissirx li nagħlqu għajnejna u widnejna għal dak li qed jiġri madwarna, imma nżommu s-skiet. Forsi dan huwa l-istaġun tas-skiet anki għall-Knisja, anki biex qabel titkellem il-Knisja tisma’ xi jrid Alla minnha. Ħaġa waħda hemm bżonn li ma għandniex nehdew intennu: dak li indirettament nafu li qal Ġużeppi. Għax skond il-Vanġelu ta’ San Mattew, l-anġlu qal lil Ġużeppi: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu lil Marija b’martek għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi ser ikollha iben u int issemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (1:20-21); imbagħad l-evanġelista jkompli jgħidilna li meta twieldet it-tarbija, Ġużeppi “semmieh Ġesù” (Mt 1:25). Fid-dawl ta’ dan għalhekk wieħed bir-raġun jista’ jgħid li, meta twieled Ġesù, Ġużeppi għall-kelma tal-anġlu fuq dik it-tarbija lissen: “Ġesù”.

Din il-komunità ekkleżjali, għalkemm tagħżel li tgħix dan l-istaġun tas-skiet, għandha d-dmir li bħal Ġużeppi tlissen bil-qalb l-isem ta’ Ġesù li fi kliem San Pawl huwa “isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù – fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art – il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom u kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 1:9-11). Ġużeppi qed jgħidilna li “Ġesù” huwa l-kelma li l-bniedem għandu bżonn jisma’. Il-veritajiet l-oħra (dommatiċi, morali, u l-bqija) isegwu, imma l-bniedem ma jistax jinfetaħ għal dan il-patrimonju tal-Knisja jekk ma jkunx iltaqa’ ma’ Ġesù.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.