Mill-ftit tagħna Alla joħroġ ġid kbir


Il-Ħadd, 2 ta’ Awwissu 2020: Omelija f’Quddiesa tat-18-il Ħadd tas-Sena mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi  fil-Parroċċa tal-Lunzjata, Balzan.

Mill-ftit tagħna Alla joħroġ ġid kbir

Meta aħna nisimgħu din il-ġrajja, moħħna mal-ewwel imur fuq il-miraklu, li kien miraklu kbir u fil-fatt jissemma’ mill-evanġelisti kollha – kif Ġesù tema’ aktar minn ħamest elef ruħ b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Din hi ħaġa li tiskantak. Imma l-ġrajja tal-lum hi ħafna aktar profonda. Mhijiex biss il-miraklu, imma hemm ukoll dak li jiswa tassew għall-ħajja tagħna llum. Nixtieq insemmi żewġ messaġġi importanti li hemm f’din il-ġrajja.

L-ewwel nett, il-mod kif Ġesù jagħmel dan il-miraklu. Meta lid-dixxipli qalilhom biex jagħtu lin-nies x’jieklu, huma qalulu: M’għandniex ikel hawn. Għandna biss ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. U Ġesù jaqbad dal-ftit li joffrulu, u jibdlu f’xi ħaġa hekk kbira, li kien hemm ikel biżżejjed għal dawk in-nies u baqa’ żżejjed ukoll.

Innutaw kif Ġesù, meta d-dixxipli qalulu li għandhom biss ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, ma qalilhomx: Dawk inutli; żommuhom, issa naħseb jien. Imma ħa l-ftit tagħhom biex minnu jagħmel xi ħaġa kbira li tiswa ta’ ġid għan-nies kollha. Dan hu messaġġ importanti ħafna għalina. Ġesù jagħti valur lill-ftit li setgħu joffrulu dawn id-dixxipli. Fil-ħajja tagħna wkoll, Ġesù jrid l-isforzi li nistgħu nagħmlu – kultant ikunu ftit ħdejn il-ħafna bżonnijiet li hawn – imma jrid dak il-ftit tagħna u jrid li aħna noffruhulu biex minnu jagħmel tassew xi ħaġa sabiħa ħafna.

Kultant aħna nħossuha din; ħa nsemmi xi esperjenzi differenti. Ġenituri li qed irabbu t-tfal, jgħidu: aħna qed nagħmlu l-isforzi tagħna, imma ħdejn l-influenzi li għandhom illum it-tfal, l-ulied, li nistgħu nagħmlu jidher tassew ftit. L-istess, xi ħadd li qed jaħdem b’responsabbiltà u b’onestà, u jgħid: qed nipprova imma f’dan l-ambjent li qiegħed fih, li nista’ nagħmel qisu hu insinifikanti. L-istess meta tipprova tgħin xi ħadd fil-bżonn, u tagħmel li tista’, imma tinduna li tant hemm ħtiġijiet, li dak li tagħmel qisu qatra f’oċean.

Il-messaġġ importanti li Ġesù qed jgħaddi lilna hu li jrid dan il-ftit tagħna, basta nagħmluh tassew b’ġenerożità u noffruhulu. Minnu jagħmel xi ħaġa sabiħa u kbira, lil hinn minn dak li nkunu ħsibna. Ħa ngħid xi ħaġa fuq l-esperjenza tal-ħajja tiegħi, speċjalment fuq dawn il-kważi sentejn – sentejn nhar it-Tlieta – minn kemm ili isqof. Ħdejn il-ħtiġijiet li hawn, u tant nies li hemm bżonn tgħin, u tant ħidmiet li jridu jsiru, dak li nista’ nagħmel hu ftit. Imma Alla jurini li dak il-ftit, jekk nagħmlu u nagħmlu sew u noffrih lilu, minnu hu jista’ jagħmel xi ħaġa lil hinn minn dak li nkun ħsibt u mmaġinajt jien – xi ħaġa li tkun tassew ta’ ġid għal ħafna. Ikun qed jagħmilha hu, mhux jien, imma hu jixtieq il-ftit li nista’ noffrilu biex minnu jagħmel xi ħaġa sabiħa.

Hemm ħaġa oħra f’dan l-Evanġelju li tant tolqtok fil-ħajja. Innutaw li dan mhux biss miraklu li bih Ġesu tema’ lin-nies, imma hawnhekk għandna xbieha tal-Ewkaristija. L-istess kliem “ħa l-ħobż, bierek, qasam, tah” lid-dixxipli biex inewluh, hu l-kliem li naqraw fl-Aħħar Ċena fit-twaqqif tal-Ewkaristija u f’kull quddiesa, kull meta niċċelebraw l-Ewkaristija. Għalhekk Ġesù jakkarna li l-Ewkaristija hi importanti għall-ħajja tagħna, għax hi l-preżenza tiegħu stess li jiġi fina.

Dan iż-żmien li għamilna f’dawn l-aħħar xhur, meta lanqas stajna niltaqgħu fil-knisja, bilfors kellna nagħmlu hekk biex inħarsu s-saħħa u l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Dak hu li Alla jrid minna qabel xejn: li aħna nħarsu l-ħajja u s-saħħa. Allura ma stajniex ħafna drabi nirċievu l-Ewkaristija minħabba f’hekk. Imma daż-żmien fakkarna kemm hu importanti li aħna napprezzaw l-Ewkaristija, din il-preżenza ta’ Ġesù li tagħtina l-qawwa f’ħajjitna. Għax fl-Ewkaristija aħna wkoll nippreżentaw lil Ġesu ftit ħobż u nbid, u hu jibdilhom fl-aqwa ħaġa possibbli: fil-ġisem u d-demm tiegħu. Mhuwiex miraklu tal-kwantità imma tal-kwalità. Niftakru li b’dal-mod jagħtina s-saħħa u jgħinna fil-ħajja tagħna.
Għalhekk f’din il-quddiesa nitolbu għalina lkoll, biex lilna Alla jsaħħaħna fil-ħajja tagħna. Jgħinna nagħmlu dak li nistgħu, anke jekk ġieli nħossu li l-isforzi tagħna jkunu qishom ħames ħobżiet u żewġ ħutiet biex jitimgħu ħamest elef ruħ u fuqhom. Nagħmlu li nistgħu b’mod tajjeb, noffruh lil Alla, b’talba biex minnu jagħmel xi ħaġa li tkun utli, ta’ ġid u sabiħa għal ħafna.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju