ĠWANNI PAWLU II
UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 26 ta’ Awwissu 1998.
Nr.14 – Il-Bniedem huwa Kapaċi jirċievi r-Rigal ta’ Alla nnifsu
- L-istorja tal-fidwa hija l-awtokomunikazzjoni progressiva ta’ Alla lill-umanità li tilħaq il-quċċata tagħha fi Kristu Ġesù. Alla Missier, fil-Verb magħmul bniedem, irid jipparteċpa lil kulħadd l-istess ħajtu: irid jikkomunika, definittivament, lilu nnifsu. Tali awtokomunikazzjoni divina sseħħ fl-Ispirtu Santu, rabta ta’ mħabba bejn l-eternità u ż-żmien, it-Trinità u l-istorja.
Jekk Alla fl-Ispirtu tiegħu jinfetaħ għall-bniedem, dan mill-banda l-oħra huwa maħluq bħala suġġett kapaċi jilqà l-awtokomunikazzjoni divina. Il-bniedem – kif tgħid it-tradizzjoni tal-ħsieb nisrani – huwa “capax Dei”: kapaċi jagħraf lil Alla u li jilqà id-don li Huwa jagħmel tiegħu innifsu. Infatti maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla (cfr Ġen 1,26), huwa kapaċi jgħix rapport personali miegħu u jwieġeb b’ubbidjenza ta’ mħabba għar-relazzjoni tal-patt propost lilu mill-Ħallieq tiegħu.
Fuq l-isfond ta’ dan it-tagħlim bibbliku, id-don tal-Ispirtu mwiegħed lill-bniedem u mkabbar “bla qies” minn Ġesù Kristu jfisser allura s-“sejħa għall-ħbiberija, li fiha il- ‘profonditajiet ta’ Alla’ traxxendenti jiġu b’xi mod, miftuħa għas-sehem minn naħa tal-bniedem” (Dominum et vivificantem, 34).
Il-Konċilju Vatikan II dwar dan jgħallem: “Alla inviżibbli (Kol 1,15; 1 Tm 1,17) f’imħabbtu kbira jkellem lill-bnedmin bħala ħbieb (cfr Es 33,11; Gv 15,14s) u jqattà l-ħin magħhom (Bar 3,38), biex jistedinhom u jdaħħalhom fil-komunjoni miegħu” (Dei Verbum, 2).
- Jekk Alla, mela, permezz tal-Ispirtu tiegħu jikkomunia ruħu lill-bniedem, il-bniedem huwa kontinwament imsejjaħ biex jirregala lilu nnifsu lil Alla bl-esseri propju kollu tiegħu. Din hija l-vokazzjoni l-iktar profonda tiegħu. Għal dan huwa mħeġġeġ bla waqfien mill-Ispirtu Santu li, waqt li jdawwal l-intelliġenza tiegħu u waqt li jsostni r-rieda tiegħu, jintroduċih fil-misteru tal-filjolanza divina f’Ġesù Kristu u jistiednu biex jgħixu b’konsistenza.
L-impeti ġenerużi u sinċieri kollha tal-intelliġenza u tal-librtà tal-bniedem biex iqarreb ruħu, tul il-korsa tas-sekli, lejn il-misteru ineffabbli u traxxendenti ta’ Alla, huma mqanqla mill-Ispirtu Santu .
B’mod partikolari fl-istorja tal-Patt il-qadim, magħmul minn Jaħwè mal-poplu ta’ Iżrael, naraw l-attwazzjoni progressiva ta’ din il-laqgħa bejn Alla u l-bniedem fl-ispazju tal-għaqda miftuħa mill-Ispirtu.
Jolqotna, per eżempju, minħabba s-sbuħija qawwija tiegħu ir-rakkont tal-laqgħa tal-profeta Elija ma’ Alla fin-nifs tal-Ispirtu: “Ingħad lilu: ‘Oħroġ u ieqaf fuq il-muntanja fil-preżenza tal-Mulej’. Hekk hu, il-Mulej għadda. Kien hemm riħ qawwi u vigoruż biżżejjed biex jifqà l-muntanji u jfarrak il-blat quddiem il-Mulej, iżda l-Mulej ma kienx fir-riħ. Wara r-riħ kien hemm terremot, iżda l-Mulej ma kienx fit-terremot. Wara t-terremot kien hemm nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar kien hemm tħaxwixa ta’ żiffa ħelwa. Hekk kif semagħha, Elija għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ u waqf fid-daħla tal-għar. U hekk hu, semà leħen li qallu: ‘X’int tagħmel hawn, Elija?'” (1 Sl 19,11-13)..
- Imma l-laqgħa perfetta u definittiva bejn Alla u l-bniedem – mistennija u kkuntemplata fit-tama tal-patrijarki u tal-profeti – huwa Ġesù Kristu. Huwa, veru Alla u veru bniedem, “propju waqt li rrivela l-misteru tal-Missier u tal-Imħabba jiżvela wkoll pjenament il-bniedem lill-bniedem u jurih l-vokazzjoni l-iktar għolja tiegħu” (Gaudium et spes, 22). Ġesù Kristu jwettaq din ir-rivelazzjoni b’ħajtu kollha. Huwa nfatti, bl-impuls tal-Ispirtu Santu, huwa dejjem ipproġettat biex iwettaq ir-rieda tal-Missier, u fuq l-għuda tas-Salib joffri “darba għal dejjem” lilu nnifsu lill-Missier “bi Spirtu etern” (Lh9,14).
Permezz tal-ġrajja paskwali, Kristu jgħallimna kif “il-bniedem, li fl-art huwa l-unika krejatura li Alla ried għaliha nnifsha, ma tistax tiskopri lilha nfisha għal kollox jekk mhux permezz tad-don sinċier tagħha nfisha” (Gaudium et spes, 24d). Issa, propju l-Ispirtu Santu, ikkomunikat għal kollox lill-Knisja minn Ġesù Kristu, jagħmel iva li l-bniedem, waqt li jagħraf lilu nnifsu fi Kristu, dejjem aħjar “jerġà jsib lilu nnifsu permezz tad-don sinċier tiegħu nnifsu”.
- Din il-verità eterna dwar il-bniedem rivelata lilna minn Ġesù Kristu takkwista fi żmienna attwalità partikolari. Minkejja li bejn kontradizzjoni ukoll akuta, id-dinja tgħix illum staġun ta’ “soċjalizzazzjoni” ntensa (cfr Gaudium et spes, 6), kemm fejn jirrigwarda r-rapporti interpersonali fl-interni tal-komunitajiet umani differenti, kif ukoll fejn jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-popli, ir-razez, id-diversi soċjetajiet u kulturi.
F’dan il-proċess kollu lejn il-komunjoni u l-għaqda hija meħtieġa l-azzjoni tal-Ispirtu Santu, ukoll biex jintgħelbu l-ostakli u l-perikli li jheddu din il-mixja tal-umanità. “Fil-prospettiva tas-sena elfejn mit-twelid ta’ Kristu din tikkonċerna l-kisba li numru dejjem ikbar ta’ bnedmin ‘jistgħu jsibu mill-ġdid lilhom infushom pjenament… permezz ta’ don sinċier tagħhom infushom… Li taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Paraklitu jitwettaq fid-dinja dak il-proċess ta’ vera maturazzjoni fl-umanità, fil-ħajja ndividwali u f’dik komunitarja, li għalih Ġesù stess, meta jitlob lill-Missier sabiex ‘ilkoll inkunu ħaġa waħda, bħal ma jien u int aħna ħaġa waħda ‘ (Ġw 17,21-22), … issuġġerilna ċerta similitudni bejn l-għaqda tal-Persuni divini u l-għaqda ta’ wlied Alla fil-verità u l-karità” (Dominum et vivificantem, 59).
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb