L-Ispirtu s-Santu jwassal lill-Bniedem għal-libertà awtentika


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 2 ta’ Settembru 1998.

Nr. 15 – L-Ispirtu Santu Jwassal lill-Bniedem għal-Libertà Awtentika

  1. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallem li “il-persuna umana tieħu sehem fid-dawl u fil-qawwa tal-Ispirtu divin. Grazzi għar-raġuni huwa kapaċi li jifhem l-ordni tal-ħwejjeġ stabbilit mill-Ħallieq. Grazzi għar-rieda tiegħu huwa kpaċi jorjenta ruħu waħdu għall-ġid veru tiegħu. Huwa jsib il-perfezzjoni propja fit-‘tiftix’ u fl-‘imħabba tal-veru u tat-tajjeb’ (cfr Gaudium et spes, 15)” (n. 1704).

L-Ispirtu Santu, li “jeżamina l-profonditajiet ta Alla” (cfr 1 Kor 2,10), huwa fl-isess ħin id-dawl li jdawwal il-kuxjenza tal-bniedem u s-sors tal-vera libertà tiegħu  (cfr Dominum et vivificantem, 36).

Fin-niċċa tal-kuxjenza, nukleju l-iktar sigriet tal-bniedem, Alla jsemmà l-leħen tiegħu u jgħarraf dik il-liġi li tilħaq il-perfezzjoni fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu skont it-tagħlim ta’ Ġesù (cfr Gaudium et spes, 16). Waqt li jingħaqad ma’ din il-liġi fid-dawl u fil-qawwa tal-Ispirtu Santu, il-bniedem iwettaq pjenament il-libertà tiegħu.

  1. Ġesù Kristu huwa l-verità mwettqa tal-proġett ta’ Alla fuq il-bniedem, irregalat bid-don tassew għoli tal-libertà. Alla ried “iħalli l-bniedem ‘f’idejn il-parir tiegħu’ (Sir15,14), hekk li hu jfittex b’mod spontanju lill-Ħallieq tiegħu u jasal b’mod liberu, bl-għaqda miegħu, għall-perfezzjoni sħiħa u beata” (GS, 17; cfr CCC, 1730). Tingħaqad mal-proġett ta’ Alla dwar il-bniedem rivelat f’Ġesù Kristu u twettqu fil-propja eżistenza jfisser li tiskopri l-vokazzjoni awtentika tal-libertà umana, skont il-wegħda ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tibqgħu fidili għal kelmti, tkunu tassew dixxipli tiegħi: issiru tafu l-verità u l-verità teħliskom ” (Ġw8,31-32).

Dan ma jfissirx biss li tpoġġi lilek innifsek għas-smigħ ta’ messaġġ u li tilqà b’ubbidjenza kmandament. “Dan ifisser, b’mod iktar radikali, li tingħaqad mal-persuna stess ta’ Ġesù, taqsam ħajtu u d-destin tiegħu, tieħu sehem fl-ubbidjenza libera u amoruża tiegħu għar-rieda tal-Missier” (Veritatis splendor, 19).

Il-Vanġelu ta’ Ġwanni jenfasizza li mhumiex l-avversarji li jneħħu l-ħajja lil Kristu bin-neċessità brutali tal-vjolenza, imma huwa Hu li jirregalaha b’mod liberu  (cfr Ġw 10,17-18). Waqt li jingħaqad għal kollox mar-rieda tal-Missier, “Kristu msallab jirrivela s-sens awtentiku tal-libertà, jgħixha totalment fid-don totali tiegħu nnifsu u jsejjaħ lid-dixxipli biex jieħdu sehem fl-istess libertà tiegħu” (VS, 85). Huwa, infatti, bil-libertà assoluta ta’ mħabbtu, jifdi għal dejjem lill-bniedem li billi abbuża mil-libertà tbiegħed minn Alla, jeħilsu mill-iskjavitù tad-dnub, u waqt li jikkomunikalu l-Ispirtu tiegħu jirregalalu l-libertà awtentika (cfr Rm 8,2; Gal 5,1.13).

  1. “Fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-libertà”, jgħidilna l-Appostlu Pawlu (2 Kor3,17). It-tiswib tal-Ispirtu tiegħu, Ġesù rxoxt joħloq l-ispazju vitali li fih il-libertà umana tistà twettaq pjenament lilha nfisha.

Infatti bil-qawwa tal-Ispirtu Santu d-don tiegħu lill-Missier, imwettaq minn Ġesù f’mewtu u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, isir evoluzzjoni krejattiva (sors) u mudell ta’ kull rapport awtentiku tal-bniedem ma’ Alla u mal-aħwa. “L-imħabba ta’ Alla – jikteb San Pawl –  ġiet imferrà f’qalbna permezz tal-Ispirtu Santu li kien ingħatalna” (Rm 5,5).

Waqt li jgħix fi Kristu, permezz tal-fidi u s-Sagramenti, ukoll in-nisrani jagħti lilu nnifsu “kollu kemm hu b’mod liberu” lil Alla l-Missier (cfr Dei Verbum, 5). L-att ta’ fidi li bih huwa jiddeċiedi b’mod responsabbli għal Alla, jemmen f’imħabbtu murija fi Kristu mislub u rxoxt u jitlaq lilu nnifsu b’mod responsabbli għall-influss tal-Ispirtu Santu (cfr 1 Ġw 4,6-10), huwa espressjoni suprema ta’ libertà.

Waqt li mbagħad jattwa bil-ferħ, f’kull ċirkustanza tal-ħajja, ir-rieda tal-Missier, fuq l-eżempju ta’ Kristu u fil-qawwa tal-Ispirtu, in-nisrani jkompli għaddej fi triqtu tal-libertà  awtentika u jipproġetta lilu nnifsu fit-tama lejn il-waqt tal-passaġġ lejn il- “ħajja sħiħa” tal-patria ċelesti. “Bl-azzjoni tal-grazzja – jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolia – l-Ispirtu Santu jedukana għal-libertà spiritwali biex jagħmel minna kollaboraturi liberi tal-opra tiegħu fil-Knisja u fid-dinja ” (CCC, 1742).

  1. Dan l-orizzont ġdid ta’ libertà maħluq mill-Ispirtu, jorjenta wkoll ir-rapporti tagħna mal-aħwa rġiel u nisa li niltaqgħu magħhom f’mixjietna.

Propju għaliex Kristu jeħlisni b’imħabbtu, waqt li tani l-Ispirtu tiegħu, nistà u għandi jien nirregala lili nnifsi b’mod liberu għall-imħabba tal-proxxmu, Din il-profonda verità hija espressa mill-ewwel Ittra tal-Appostlu Ġwanni: “Minn dan għarafna l-imħabba: Huwa ta ħajtu għalina; mela aħna wkoll irridu nagħtu ħajjitna għal ħutna” (1 Ġw 3,16). Il-kmandament il-“ġdid” ta’ Ġesù jiġbor fil-qosor l-liġi tal-grazzja; il-bniedem li jilqagħha jwettaq il-libertà tiegħu b’mod sħiħ: “Dan huwa l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbejtkom jien. Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: tagħti ħajtek għal ħbiebek” (Ġw15,12-13).

Għal din il-quċċata tal-imħabba milħuqha minn Kristu Msallab, ħadd ma jistà jasal mingħajr l-għajnuna tal-Paraklitu. Anzi San Tumas d’Aquino setà jikteb li l- “liġi l-ġdida” hija l-istess grazzja tal-Ispirtu Santu, irregalata lilna permezz tal-fidi fi Kristu (cfrSumma Theologiae, I-II, q. 106, a.1, conclus. et ad 2).

  1. Din il-“liġi l-ġdida” ta’ libertà u ta’ mħabba hija ppersonifikata f’Ġesù Kristu, imma fl-istess ħin, f’dipendenza totali mingħandu u mill-fidwa tiegħu, tesprimi ruħha f’Omm Alla. Il-milja tal-libertà , li hija don tal-Ispirtu, “immanifestat ruħha b’mod sublimi propju permezz tal-fidi ta’ Marija, permezz tal-‘ubbidjenza tal-fidi’ (cfr Rm1,5): tassew, ‘imbierka dik li emmnet!'” (Dom. et viv., 51).

Tkun mela Marija, Omm Kristu u Ommna, li tmexxina fl-iskoperta dejjem iktar profonda u ferrieħa tal-Ispirtu Santu bħala sors tal-vera libertà fl-eżistenza tagħna!

Miġjub g]all-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb