L-Ispirtu jmexxi l-Knisja fit-Triq tat-Tiġdid


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 25 ta’ Novembru 1998.

Nru 26-  L-Ispirtu Jmexxi l-Knisja fit-Triq tat-Tiġdid

Is-sinjali tat-tama preżenti fil-Knisja

  1. Fil-katekeżi preċedenti waqafna fuq is-“sinjali tat-tama” preżenti fid-dinja tagħna. Illum irridu nkomplu r-riflessjoni waqt li nikkonsidraw xi “sinjali tat-tama” preżenti fil-Knisja, sabiex il-komunitajiet insara jkunu jafu dejjem aħjar jilqgħuhom u jivvalorizzawhom. Huma, infatti, tqanqlu mill-azzjoni tal-Ispirtu Santu li, tul il-korsa tas-sekli, “bil-qawwa tal-Vanġelu jagħmel iktar żagħżugħa lill-Knisja, kontinwament iġeddidha u jmexxiha għall-għaqda perfetta mal-Għarus tagħha” (Lumen gentium, 4).

Fost il-ġrajjiet ekkleżjali li b’mod wiesà mmarkaw is-seklu tagħna, l-ewwel post imur għall-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Grazzi għalih, il-Knisja ħarġet mit-teżor tiegħu  “ħwejjeġ ġodda u ħwejjeġ qodma” (cfr Mt 13,52), u sperimentat b’ċertu mod il-grazzja ta’ Pentekoste mġedded (cfr Diskors ta’ Ġwanni XXIII fl-għeluq tal-ewwel perijodu tal-Konċilju, III, f’Discorsi, Messaggi, Colloqui V [1962/1963], p. 29). Wara kollox, is-sinjali ta’ tama li janimaw illum il-missjoni tal-Knisja huma magħqudin b’mod strett ma’ din l-effużjoni abbondanti tal-Ispirtu Santu li l-Knisja sperimentat fit-tħejjija, fiċ-ċelebrazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Konċilju Vatikan II.

  1. Is-smigħ ta’ dak li “l-Ispirtu jgħid lill-Knisja u lill-Knejjes” (Tertio millennio adveniente, 23; cfr Ap2,7ss), jimmanifesta ruħu fl-ilqugħ tal-kariżmili Hu jqassam b’mod abbundanti. Is-sejba mill-ġdid u l-valorizzzzjoni tagħhom żiedet għaqda iktar ħajja fost il-vokazzjonijiet varji tal-Poplu ta’ Alla, hekk bħal qabża ferrieħa u mġedda ta’ evanġelizzazzjoni.

B’mod partikolari, l-Ispirtu Santu illum jimbotta l-Knisja biex tippromwovi l-vokazzjoni u l-missjoni tal-fidili lajċi. Is-sehem u l-korresponsabiltà tagħhom fil-ħajja tal-komunità nisranija u l-preżenza multiformi tagħhom ta’ apostolat u ta’ servizz fis-soċjetà  imexxu lilna biex nattendu b’tama għat-tbexbix tat-tielet Millenju, epifanija matura u fertili tal-lajkat. Analoġija mistennija tirrigwarda l-irwol li hija msejħa biex tassumi l-mara. Bħal fis-soċjetà ċivili, ukoll fil-Knisja qed kull ma jmur ikun rivelat aħjar l-għarfien tal-“ġenju femminili“, fil-forom  addattati għall-vokazzjoni tal-mara   skont il-pjan ta’ Alla.

Barra minn dan ma nistgħux ninsew li wieħed mid-doni  msawba mill-Ispirtu Santu fi żmienna hija l-fjoritura tal-movimenti ekkleżjali, li sa mill-bidu tal-Pontifikat tiegħi komplejt nindika bħala mottiv ta’ tama għall-Knisja u għas-soċjetà. Dawn “huma sinjali tal-libertà tal-forom, li fihom titwettaq l-unika Knisja, u jirrapreżentaw novità sikura, li għada tistenna li tkun mifhuma b’mod adegwat inkluża fl-effett pożittiv kollu tagħha għas-Saltna ta’ Alla fl-opra fil-lum tal-istorja” (Insegnamenti VII/2 [1984], p.696).

  1. Is-seklu tagħna ra mbagħad tinbet u tikber iż-żerriegħa tal-moviment ekumeniku, li fih l-Ispirtu Santu iggwida lill-membri tad-diversi Knejjes u komunitsajiet ekkleżjali biex ifittxu t-toroq tad-djalogu għar-ristabilizzazzjoni tal-għaqda totali.

B’mod partikolari, grazzi għall-Vatikan II, ir-riċerka tal-għaqda u l-preokkupazzjoni ekumenika ġew akkwistati bħala “dimensjoni meħtieġa tal-ħajja kollha tal-Knisja” u impenn prijoritarju li għalih il-Knisja kattolika “trid tikontribwixxi bil-possibiltajiet kollha tagħha” (Insegnamenti VIII/1 [1985], pp. 1991.1999). Id-djalogu tal-verità, ippreċedut u akkumpanjat mid-djalogu tal-karità, qiegħed naqra naqra jakkwista riżultati notevoli. Barra minn hekk issaħħaħ l-għarfien li l-vera ruħ tal-moviment għar-riimpożizzjoni tal-għaqda tal-insara hija l-ekumeniżmu spiritwali, jew aħjar il-konverżjoni tal-qalb, it-talb u l-qdusija tal-ħajja (cfr Unitatis redintegratio, 8).

  1. Fost is-sinjali numerużi l-oħra ta’ tama irrid fl-aħħarnett insemmi “l-ispazju mogħti lid-djalogu mar-reliġjonijiet u mal-kultura kontemporanja” (Tertio millennio adveniente, 46).

Rigward tal-ewwel, biżżejjed niftakru s-sinifikat profetiku assunt bil-mod il-mod mid-dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II Nostra aetate rigward ir-relazzjonijiet tal-Knisja mar-reliġjonijiet mhux insara. Esperjenzi multipli ta’ laqgħa u ta’ djalogu, f’livelli differenti, twettqu u qegħdin jitwettqu f’kull parti tad-dinja bejn esponenti tad-diversi reliġjonijiet. B’mod partikolari nieħu pjaċir infakkar il-passi kbar ‘il quddiem li twettqu fid-djalogu mal-Lhud, “ħutna l-kbar”.

Huwa sinjal kbir ta’ tama l-fatt li r-reliġjonijiet jinfetħu b’fiduċja għad-djalogu u jħossu l-urġenza li jgħaqqdu l-isforzi propji biex jagħtu ruħ lill-progress u jikkontribwixxu għall-impenn morali tal-popli. Il-fidi fl-azzjoni inċessanti tal-Ispirtu ġġegħlna nittamaw li wkoll permezz ta’ din it-triq ta’ attenzjoni u stima  reċiproka jistà jattwa ruħu għall-kollha l-ftuħ ta’ Kristu, id-Dawl veru, li “jdawwal lil kull bniedem” (Ġw 1,9).

Għal dak li jirrigwarda d-djalogu mal-kultura, qed jirrivela ruħu effett providenzjali l-orjentament fformulat mill-Vatikan II: “Kemm hu mportanti għad-dinja li hija tagħraf il-Knisja bħala realtà soċjali tal-istorja u l-eċċitament tagħha, hekk ukoll il-Knisja ma tinjorax kemm hi rċeviet mill-istorja u mill-iżvilupp tal-ġeneru uman” (Gaudium et spes, 44). Il-kuntatti mwettqa f’dan il-qasam diġa ssuperaw preġudizji nġustifikati. Ukoll l-attenzjoni l-ġdida riservata minn bosta kurrenti kulturali ta’ żmienna għall-esperjenza reliġjuża u b’mod partikolari għall-kristjaneżmu, jimbuttana biex inkomplu  b’persistenza il-mixja li dħalna għaliha fid-direzzjoni ta’ laqgħa mġedda bejn il-Vanġelu u l-kultura.

  1. F’dawn is-sinjali numerużi ta’ tama, ma nistgħux ma nagħrfux l-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla. Imma, b’dipendenza sħiħa u għaqda miegħu, inħobb nilmaħ ukoll l-irwol ta’ Marija, “minn l-Ispirtu Santu kważi immudellata u  magħmula krejatura  ġdida” (Lumen gentium, 56). Hija maternament tinterċedi għall-Knisja u tiġbidha fuq it-triq tal-qdusija u tal-manswetudni  lejn il-Paraklitu. Fit-tbexbix tal-millenju l-ġdid,  nilmħu b’ferħ il-qawmien ta’ dak il-“profil marjan” tal-Knisja(cfr Insegnamenti X/3 [1987], p. 1483), li jiġbor fih il-kontenut l-iktar profond tat-tiġdid konċiljari.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb