Nistennew Smewwiet ġodda u Dinja ġdida


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 2 ta’ Diċembru 1998.

Nru 27-  Nistennew Smewwiet Ġodda u Dinja Ġdida

It-tama bħala stennija u tħejjija tas-Saltna ta’ Alla

  1. L-Ispirtu Santu huwa s-sors tat-“tama li ma jiddiżappuntax” (Rm5,5). F’dan id-dawl, wara li eżaminajna diversi fost “is-sinjali tat-tama” preżenti fi żmienna, illum irridu napprofondixxu s-sinifikat tat-tama nisranija fiż-żmien ta’ stennija u ta’ tħejjja għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla fi Kristu fl-aħħar taż-żminijiet. Għal tali skop, bħal ma enfasizzajt fl-Ittra Apostolika Tertio millennio adveniente, hemm bżonn niftakru li “l-atteġġjament fondamentali tat-tama, minn banda minnhom, jimbotta lin-nisrani biex ma jitlifx minn quddiem għajnejh l-iskop finali li jagħti sens u valur lill-eżistenza kollha kemm hi tiegħu u, mill-banda l-oħra, joffrilu motivazzjonijiet solidi u profondi għall-impenn ta’ kuljum fit-trasformazzjoni tar-realtà biex jirrendiha konformi mal-proġett ta’ Alla” (46).
  2. It-tama tal-miġja dfinittiva tas-Saltna ta’ Alla, hekk bħala l-impenn ta’ trasformazzjoni tad-dinja fid-dawl tal-Vanġelu, għandhom fir-realtà sors uniku u l-istess fid-don eskatoloġiku tal-Ispirtu Santu. “Kapparra tal-wirt tagħna fl-istennija tal-fidwa sħiħa” (Ef1,14), Huwa jikkawża x-xenqa tal-ħajja sħiħa u definittiva ma’ Kristu, u fl-istess ħin iħeġġeġ fina l-qawwa biex inferrxu fl-art kollha l-ħmira tas-Saltna ta’ Alla. Din hija, b’xi mod, attwazzjoni antiċipata tas-Saltna ta’ Alla fost il-bnedmin grazzi għall-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Fih, Verb inkarnat, mejjet u rxoxt għalina, is-Sema niżel fuq l-art u l-art, fl-umanità gglorifikata tiegħu telgħet fis-Sema.

Ġesù rxoxt huwa preżenti f’nofs il-poplu tiegħu u fil-qalb tal-istorja umana. Permezz tal-Ispirtu Santu, Huwa jlibbes mill-ġdid bih innifsu lil dawk li fil-fidi u fil-karità jiftħu lilhom infushom għalih, anzi jittrasfigurahom b’mod progressiv, waqt li jirrendihom partecipi tal-istess eżistenza gglorifikata tiegħu. Huma issa jgħixu u jaġixxu fid-dinja bil-ħarsa dejjem iffissata fuq l-iskop aħħari: “Jekk qomtu ma’ Kristu –  jinkuraġġixxi San Pawl – fittxu l-ħwejjeġ t’hemm fuq, fejn jinsab Kristu bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla” (Kol 3,1-4). Dawk li jemmnu għalhekk huma msejħa biex ikunu fid-dinja xhieda tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u fl-istess ħin bennejja ta’ soċjetà ġdida.

  1. Is-sinjal sagramentali per eċċellenza tal-aħħar realtajiet diġa antiċipati u attwalizzati fil-Knisja, huwa l-Ewkaristija. Fiha, l-Ispirtu Santu, imsejjaħ fl-epìclesi, “jittransubstanzja”(jibdel) ir-realtà sensibbli tal-ħobż u tal-imbid fir-realtà l-ġdida tal-Gisem u d-Demm ta’ Kristu. Fl-Ewkaristija l-Mulej irxoxt huwa preżenti realment u, fih, l-umanità u l-univers jassumu s-siġill tal-ħolqien il-ġdid. Fl-Ewkaristija jduqu r-realtà definittiva u d-dinja tibda biex tkun dak li se tkun fil-miġja finali tal-Mulej.

L-Ewkaristija, il-quċċata tal-ħajja nisranija, ma ssawwarx biss l-eżistenza personali tan-nisrani, imma wkoll il-ħajja tal-komunità ekkleżjali u, b’xi mod, tas-soċjetà kollha kemm hi. Il-poplu ta’ Alla infatti jirċievi mill-Ewkaristija dik l-enerġija divina li  tħeġġu biex jgħix b’mod profond  l-għaqda ta’ mħabba sinifikata u mwettqa bis-sehem fil-mejda unika. Tmur magħha l-imbuttatura biex taqsam fi spirtu ta’ fraternità ukoll il-ġid materjali, waqt li tindirizzahom għall-bini tas-Saltna ta’ Alla (cfr At 2,42-45). Il-Knisja ssir b’dan il-mod “ħobż maqsum” għad-dinja: għall-bnedmin f’nofs min tgħix, b’mod speċjali għal dawk l-iktar fil-bżonn. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristika hija s-sors tad-diversi opri ta’ karità u ta’ għajnuna reċiproka, tal-azzjoni missjunarja u tad-diversi forom ta’ xhieda nisranija, permezz ta’ liema d-dinja hija mgħejjuna biex tilqà l-vokazzjoni tal-Knisja skont il-pjan ta’ Alla.

Waqt li barra minn dan inżommu ħajja l-vokazzjoni biex ma taddattax ruħha għall-mentalità tad-dinja preżenti u biex tgħix fl-istennija ta’ Kristu “sa ma Hu jiġi”, l-Ewkaristija tgħallem lill-poplu ta’ Alla t-triq biex jippurifika u jipperfezzjona l-attivitajiet umani billi jgħaddashom fil-misteru paskwali tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet.

  1. Hekk wieħed jifhem il-veru sinifikat tat-tama nisranija. Waqt li nindirizzaw ħarsitna lejn “is-smewwiet ġodda u dinja ġdida” fejn se jkollha għamara stabbli l-ġustizzja (cfr 2 Pt3,13), din “m’għandhiex titdgħajjef, iktar pjuttost tistimola l-ħeffa fix-xogħol relattiv għad-dinja preżenti, fejn jikber dak il-ġisem tal-umanità l-ġdida li diġa jirnexxilu joffri ċerta prefigurazzjoni li ddellel id-dinja l-ġdida” (Gaudium et spes, 39).

L-aħbar ta’ tama offruta mill-komunità nisranija, b’mod artikolari, tiġi magħġuna bħala ħmira ta’ qawmien mill-imwiet fl-impenn kulturali, soċjali, ekonomiku u politiu tal-fidili lajċi.

Jekk inhu minnu li hemm bżonn li niddistingwu b’mod għaqli il-progress terren tal-iżvilupp tas- Saltna ta’ Alla (cfr ibid.), huwa daqstant ieħor minnu li fis-Saltna ta’ Alla mwettqa fi tmiem iż-żminijiet “se tibqà l-karità bil-frott tagħha (cfr 1 Kor 13,8; Kol 3,14)” (ibid.). Dan ifisser li dak kollu li huwa mwettaq fil-karità ta’ Kristu jantiċipa l-qawmien mill-mwiet finali u l-miġja tas-Saltna ta’ Alla.

  1. L-ispiritwalità tan-nisrani tidher hekk fil-veru dawl tagħha: din mhix spiritwalità ta’ ħarba jew rifjut mid-dinja, imma linqas ma tirriduċi ruħha għal sempliċi attività ta’ ordni temporali. Imxerrda mill-Ispirtu tal-ħajja msawba mill-Irxoxt, din hija spiritwalità ta’ trasfigurazzjoni tad-dinja u ta’ tama fil-miġja tas-Saltna ta’ Alla.

Grazzi lilha, l-insara jistgħu jiskopru li t-twettiq tal-ħsieb u tal-arti, tax-xjenza u tat-teknika, meta jingħixu fl-ispirtu tal-Vanġelu, jixhdu  it-tifwir tal-Ispirtu ta’ Alla fir-realtajiet kollha terreni. Hekk, mhux biss fit-talb, imma wkoll fit-taħbit kotran ta’ kuljum investit għat-tħejjija tas-Saltna ta’ Alla fl-istorja, tagħmel li jinħass qawwi l-leħen tal-Ispirtu u tal-għarusa li huma jitolbu: “Ejja!… Ejja, Mulej Ġesù” (Ap 22,17.20). Din hija l-konklużjoni stupenda tal-Apokalissi u, wieħed jistà jgħid, is-siġill nisrani tal-istorja.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb