L-Ispirtu Santu Jnebbaħ it-Tiftix Uman għall-Verità


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 9 ta’ Settembru 1998.

Nru 16  – L-Ispirtu Santu Jnebbaħ it-Tiftix Uman għall-Verità

  1. Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fid-Dikjarazzjoni Nostra aetatedwar ir-relazzjonijiet tal-Knisja mar-reliġjonijiet mhux insara, tgħallem li “il-Knisja Kattolika ma twarrab xejn minn dak li huwa veru u qaddis. Hija tikkonsidra b’rispett sinċier dawk il-modi ta’ aġir u ta’ għixien, dawk il-preċetti u dawk id-duttrini li  għalkemm f’bosta punti jiddifferenzjaw minn dak li hi stess temmen u tipproponi, madankollu mhux rarament jirriflettu raġġ minn dik il-verità li tillumina lill-bnedmin kollha” (NA, 2).

Waqt li nerġgħu naqbdu t-tagħlim konċiljari, sa minn l-ewwel Ittra enċiklika tal-pontifikat tiegħi, ridt infakkar d-duttrina antika fformulata mis-Santi Padri tal-Knisja, skont liema huwa meħtieġ li nagħrfu “iż-żrieragħ tal-Verb” preżenti u operanti fid-diversi reliġjonijiet (cfr Ad gentes, 11; Lumen gentium, 17). Tali duttrina timbuttana biex niddikjaraw li, għalkemm permezz ta’ toroq differenti, “hija madankollu ndirizzata f’direzzjoni unika li hija l-iktar aspirazzjoni profonda tal-ispirtu uman, li tesprimi ruħha fit-tiftix ta’ Alla u fl-istess ħin fit-tiftix, permezz tat-tensjoni lejn Alla, tad-dimensjoni sħiħa tal-umanità, jew aħjar tal-ħajja umana” (Redemptor hominis, 11).

Iż-“żrieragħ tal-verità” preżenti u operanti fid-diversi tradizzjonijiet reliġjużi huma rifless tal-uniku Verb ta’ Alla,  “li jdawwal lil kull bniedem” (cfr Ġw 1,9) u li sar bniedem fi Kristu Ġesù (cfr Ġw 1,14). Huma huma flimkien “effett tal-Ispiritu ta’ verità operanti ‘l hemm mill-konfini viżibbli tal-Ġisem Mistiku” u li “jonfoħ fejn irid” (Ġw 3,8) (cfr Redemptor hominis, 6 e 12). Waqt li nżommu preżenti din id-duttrina, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tas-sena 2000 “se jkun okkażjoni kbira, ukoll fid-dawl tal-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin, għad-djalogu interreliġjuż  ” (Tertio millennio adveniente, 53). Diġa sa minn issa, f’din is-sena pnewmatoloġika huwa opportun li nieqfu biex napprofondixxu f’liema sens u minn liema toroq l-Ispirtu Santu huwa preżenti fit-tiftix reliġjuż tal-umanità u fid-diversi esperjenzi u tradizzjonijiet li jesprimuh.

  1. Hemm bżonn qabel xejn li nżommu preżenti li kull tiftix tal-ispirtu uman fid-direzzjoni tal-verità u tat-tjubija, u fl-aħħar analiżi ta’ Alla, huwa mqanqal mill-Ispirtu Santu. Propju minn dan il-ftuħ primordjali tal-bniedem fil-konfront ta’ Alla jitwieldu d-diversi reliġjonijiet. Mhux rarament, li fl-oriġni tagħhom insibu fundaturi li wettqu, bl-għajnuna tal-Ispirtu ta’ Alla, esperjenza reliġjuża iktar profonda. Trażmessa lill-oħrajn, tali esperjenza ħadet forma fid-duttrini, fir-riti u fil-preċetti tad-diversi reliġjonijiet.

Fl-esperjenzi reliġjużi awtentiċi il-manifestazzjoni l-iktar karatteristika hija t-talb .A bażi  tal-ftuħ  kostituttiv tal-ispirtu uman għall-azzjoni li biha Alla  iħeġġu biex  jisboq lilu nnifsu, nistgħu  nikkunsidraw li “kull talba awtentika hija  mqanqla mill-Ispirtu Santu, li huwa preżenti b’mod misterjuż fil-qalb ta’ kull bniedem ” (Allocuzione ai membri della Curia romana, 22 dic. 1986, n. 11, in Insegnamenti IX/2 [1986], p. 2028).

Manifestazzjoni elokwenti ta’ din il-verità għexniha fil-Jum mondjali tat-talb għall-paċi, nhar is-27 ta’ Ottubru 1986 ġewwa Assisi, u f’okkażjonijiet oħra simili ta’ intensità spiritwali kbira.

  1. L-Ispirtu Santu huwa preżenti fir-reliġjonijiet l-oħra mhux biss permezz tal-espressjonijiet awtentiċi tat-talb. “Il-preżenza u l-attività tal-Ispirtu, infatti – bħal ma ktibt fl-Ittra enċiklika Redemptoris missio – ma jmissux biss lill-individwi, imma lis-soċjeta u l-istorja, il-popli, il-kulturi, ir-reliġjonijiet ” (n. 28).

Normalment, “huwa permezz tal-prattika ta’ dak li huwa tajjeb fit-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom propji u billi jsegwu l-ordnijiet tal-kuxjenza tagħhom, li l-membri tar-reliġjonijiet l-oħra jwieġbu b’mod pożittiv għall-istedina ta’ Alla u jirċievu l-fidwa ta Ġesù Kristu, ukoll jekk ma jagħrfuhx bħala l-Feddej tagħhom (cfr Ad gentes, 3,9,11)”, (Pontificio Consiglio per il Dialogo Interreligioso – Congregazione per l’evangelizzazione dei popoli, Istruzione Dialogo e annuncio, 19 maggio 1991, n. 29, in Enchiridion Vaticanum 13 [1991-1993], p. 203).

Infatti, bħal ma jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “Kristu miet għal kulħadd u l-vokazzjoni aħħarija tal-bniedem hija b’mod effettiv waħda, dik divina, għalhekk hemm bżonn li nikkunsidraw li l-Ispirtu Santu jagħti lil kulħadd l-possibiltà li niġu f’kuntatt, bil-mod li Alla jagħraf, mal-misteru paskwali ” (Gaudium et spes, 22).

Tali possibiltà titwettaq pemezz tal-għaqda intima u siċiera mal-Verità, id-don ġeneruż tiegħu innifsu lill-proxxmu, it-tiftix tal-Assolut imqanqal mill-Ispirtu ta’ Alla. Ukoll permezz tal-attwazzjoni tal-preċetti u tal-prattiċi konformi mal-liġi morali u mas-sens awtentiku reliġjuż, jimmanifesta ruħu raġġ tal-Għerf divin. Propju minħabba l-preżenza u l-azzjoni tal-Ispirtu, l-elementi ta’ tjubija fl-intern tad-diversi reliġjonijiet jiddisponu b’mod misterjuż il-qlub biex jilqgħu ir-rivelazzjoni sħiħa ta’ Alla fi Kristu.

  1. Bil-motivi hawn imfakkra, l-atteġġjament tal-Knisja u tal-insara individwalment fil-konfront tar-reliġjonijiet l-oħra huwa rispett applikat u sinċier, għal simpatija profonda, u wkoll, meta huwa possibbli u opportun, għal kollaborazzjoni kordjali. Dan ma jfissirx li ninsew li Ġesù Kristu huwa l-uniku Medjatur u Feddej tal-ġeneru uman. U linqas li nimmitigaw it-tensjoni missjunarja, li għaliha aħna marbutin b’ubbidjenza mal-amar tal-Mulej irxoxt: “Morru u għallmu lill-ġnus kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” (Mt 28,19). L-atteġġjament ta’ rispett u djalogu, pjuttost jikkostitwixxi għarfien meħtieġ taż- “żrieragħ tal-Verb” u tal-“krib tal-Ispirtu”. F’dan is-sens, iktar milli jopponi għall-bxara tal-Vanġelu, hu iħejjih, fil-mistennija taż-żminijiet imħejjija mill-ħniena tal-Mulej. “Permezz tad-djalogu niżguraw li Alla jkun preżenti f’nofsna: sabiex waqt li ninfetħu għal xulxin bid-djalogu, ninfetħu wkoll għal Alla” (Diskors lill-membri tar-reliġjonijiet l-oħra, Madras, 5 ta’ Frar 1986, n. 4: Insegnamenti IX/1, 1986, pp. 322s.).

L-Ispirtu tal-verità u tal-imħabba, fit-tbexbix tat-tielet Millenju issa fil-qrib, imexxina fuq it-toroq tal-bxara ta’ Ġesù Kristu u tad-djalogu ta’ paċi u ta’ fraternità mas-segwaċi tar-teliġjonijiet l-oħra kollha!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.