L-Ispirtu s-Santu u s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 30 ta’ Settembru 1998.

Nru 19 –  L-Ispirtu Santu u s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof

Qari: At 8,14-17

  1. F’din it-tieni sena ta’ tħejjija għall-Ġublew tal-Elfejn, is-sejba mill-ġdid tal-Ispirtu Santu twassalna biex indawru attenzjoni partikolari għas-sagrament tal-Griżma (cfrTertio millennio adveniente, 45). Dan, – bħal ma jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika – “jipperfezzjona il-grazzja tal-magħmudija… don tal-Ispirtu Santu biex jirradikana b’mod iktar profond fil-filjazzjoni divina, jinkorporana b’mod iktar fiss ma’ Kristu, jirrendi iktar solida r-rabta tagħna mal-Knisja, jassoċjana maġġorment mal-missjoni tiegħu u jgħinna biex nixhdu l-fidi nisranija bil-kelma akkumpanjatha mill-opri” (N. 1316).

Fil-fatt, is-sagrament tal-Griżma, jassoċja b’mod intimu lin-nisrani mad-dlik stess ta’ Kristu, li “Alla dilek bl-Ispirtu Santu” (At 10,38). Tali dlik huwa mħeġġeġ fl-isem stess ta’ “nisrani”, li jieħu l-oriġni tiegħu minn dak ta’ “Kristu”, traduzzjoni Griega tat-terminu Ebrajk  “messia”, li appuntu tfisser  “midluk”. Kristu huwa l-Messija, il-Midluk ta’ Alla.

Grazzi għas-siġill tal-Ispirtu mogħti mill-Griżma, in-nisrani jilħaq l-dentità sħiħa tiegħu u jsir konxju tal-missjoni tiegħu fil-Knisja u fid-dinja.  “Qabel ma ġiet mogħtija lilkom tali grazzja – jikteb San Ċirillu ta’ Ġerusalem – ma kontux denji bżżejjed ta’ dan l-isem, imma kontu bħal f’mixja biex issiru nsara” (Catech. myst., III, 4: PG 33, 1092).

  1. Biex nifhmu l-għana kollha ta’ grazzja miġbura fis-Sagrament tal-Griżma, li bil-Magħmudija u l-Ewkaristija tikkostitwixxi l-ġabra organika tas-“sagramenti tal-bidu nisani”, hemm bżonn nilqgħu s-sinifikat fid-dawl tal-istorja tal-fidwa.

Fit-Testament il-Qadim, il-profeti jħabbru li l-Iapirtu ta’ Alla jinżel fuq il-Messija mwiegħed  (cfr  11,2), u fl-istess ħin ikun ikkomunikat lill-poplu kollu messjaniku (cfr  36,25-27; Ġl 3,1-2). Fil-“milja taż-żmenijiet”, Ġesù kkonċeput bl-opra tal-Ispirtu Santu fil-ġuf tal-Verġni Marija (cfr Lq 1,35). Bl-inżul tal-Ispirtu fuqu fil-waqt tal-magħmudija fix-xmara Ġordan, huwa muri bħala l-Messija mwiegħed, l-Iben ta’ Alla (cfr Mt 3,13-17; Ġw 1,33-34). Ħajtu kollha tiżvolġi f’għaqda totali mal-Ispirtu Santu li huwa jirregala “bla qies” (Ġw 3,34), bħala nkurunament eskatoloġiku tal-missjoni tiegħu skont il-wegħda tiegħu (cfr Lq 12,12; Ġw 3,5-8; 7,37-39; 16,7-15; At 1,8). Ġesù jikkomunika l-Ispirtu “billi jonfoħ” fuq l-Appostli fil-jum tal-qawmien mill-imwiet (cfr Ġw 20,22) u mbagħad it-tiswib sollenni u stupend tal-jum ta’ Għid il-Ħamsin  (Pentekoste) (cfr At 2,1-4).

Huwa b’dan li l-Appostli, mimlijin bl-Ispirtu Santu, jibdew biex “ixandru l-opri kbar ta’ Alla” (cfr At 2,11). Ukoll dawk li jemmnu l-predikazzjoni tagħhom u jiġu mgħammda jirċievu “id-don tal-Ispirtu Santu” (At 2,38).

Id-distinzjoni bejn il-Griżma u l-Magħmudija tiġi ssuġġeritha b’mod ċar fl-Atti tal-Appostli fl-okkażjoni tal-evanġelizzazzjoni tas-Samarija. Biex jippridka l-fidi u jgħammed insibu lil Filippu, wieħed mis-sebgħa; jiġu mbagħad l-Appostli Pietru u Ġwanni u jpoġġu jdejhom fuq l-imgħammdin ġodda sabiex dawn jirċievu l-Ispirtu Santu (At 8,5-17). Similment ġo Efesu, l-Appostlu Pawlu jqiegħed idejh fuq grupp ta’ mgħammdin ġodda “u jiġi fuqhom l-Ispirtu Santu” (At 19,6).

  1. Is-sagrament tal-Griżma “jirrendi, b’xi mod, perenni l-grazzja tal-Pentekoste fil-Knisja ” (CCC, 1288). Il-Magħmudija, li t-tradizzjoni nisranija ssejjaħ “bieb tal-ħajja spiritwali” (ibid., 1213), twellidna mill-ġdid “mill-ilma u mill-Ispirtu” (cfrĠw3,5) tirrendina parteċipi b’mod sagramentali fil-mewt u fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu (cfrRm 6,1-11). Il-Griżma minn naħa tagħha tirrendina pareteċipi b’mod sħiħ fit-tiswib tal-Ispirtu Santu minn naħa tal-Mulej Irxoxt.

Ir-rabta nseparabbli bejn l-Għid ta’ Ġesù Kristu u t-tiswib pentekostali tal-Ispirtu Santu tesprimi ruħha fir-rapport intimu li jgħaqqad is-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof. Tali rabta stretta toħroġ ukoll mill-fatt li fl-ewwel sekli il-Griżma kienet b’mod ġeneriku tikkostitwixxi “ċelebrazzjoni unika flimkien mal-Magħmudija,, billi tifforma ma’ din, skont l-espressjoni ta’ San Ċiprijanu, sagrament doppju” (CCC, 1290). Din il-prassi għadha sseħħ sallum fil-Lvant, waqt li fil-Punent, minħabba kawżi multipliċi, saret iċ-ċelebrazzjoni suċċessiva u wkoll normalment imbegħda, taż-żewġ sagramenti.

Sa miż-żmenijiet apostoliċi il-komunikazzjoni totali tad-don tal-Iapirtu Santu lill-imgħammdin hija ssinifikatha b’mod effikaċi mit-tqegħid tal-idejn. Ma’ dan biex ikun espress aħjar id-don tal-Ispirtu, dlonk żdied id-dlik taż-żejt ifuħ, imsejjaħ “crisma”. Infatti, permezz tal-Griżma, l-insara, ikkonsagrati bid-dlik tal-Magħmudija, jieħdu sehem fil-pjenezza tal-Ispirtu li bih huwa mimli Kristu, sabiex ħajjithom kollha jiffawru bil-“fwieħa ta’ Kristu” (2 Kor 2,15).

  1. Id-differenzi ritwali li, fil-korsa tas-sekli, il-Ġriżma ġarrbet fil-Lvant u fil-Punent, skont id-diversi sensibiltajiet spiritwali taż-żewġ tradizzjonijiet u bi tweġiba għall-varji esiġenzi pastorali, jesprimu l-għana tas-sagrament u s-sinifikat tal-ħajja nisranija.

Fil-Lvant dan is-sagrament jissejjaħ “Crismazione”, dlik bil-“crisma”, jew “myron”. Fil-Punent, it-terminu Konfermazzjoni jesprimi l-konferma tal-Magħmudija inkwantu r-rafforziment tal-grazzja permezz tas-siġill tal-Ispirtu Santu. Fil-Lvant, billi ż-żewġ sagramenti huma magħqudin, il-Krismazjoni tingħata mill-istess presbiteru li jgħammed, ukoll kemm-il darba huwa jwettaq id-dlik bil-‘crisma’ kkonsagrat mill-Isqof (cfr CCC, 1312). Fir-rit Latin il-ministru ordinarju tal-Ġriżma huwa l-Isqof, li, minħabbaa mottivi gravi, jistà jgħaddi l-fakultà lil saċerdoti għal dan inkarigati (cfr CCC, 1313).

Hekk, “il-prattika tal-Knejjes orjentali tenfasizza maġġorment l-għaqda tal-bidu nisrani. Dik tal-Knisja Latina tixhed b’mod iktar  ċar l-għaqda tan-nisrani l-ġdid mal-Isqof tiegħu propju, garanti u qaddej tal-għaqda tal-Knisja tiegħu, tal-kattoliċità tiegħu u tal-apostoliċità tiegħu, u konsegwentement, ir-rabta mal-oriġnijiet apostoliċi tal-Knisja ta’ Kristu” (CCC, 1292).

  1. Minn dak li esponejna joħroġ mhux biss is-sinifikat tal-Griżma tal-Isqof fit-total organiku tas-sagramenti tal-bidu nisrani, imma wkoll l-effett insostitwibbli li dan għandu fir-rigward tal-maturazzjoni sħiħa tal-ħajja nisranija. Impenn deċiżiv tal-pastorali, li għandu jkun intensifikat fil-mixja ta’ tħejjija għall-Ġublew, jikkonsisti fil-formazzjoni b’attenzjoni tal-imgħammdin li qegħdin iħejju ruħhom biex jirċievu l-Griżma waqt li jiġu ntrodotti fil-profondità affaxxinanti tal-misteru li hi tfisser u tattwa. Fl-istess ħin hemm bżonn ngħinu lil dawk li rċivew il-Griżma biex mill-ġdid jiskopru bi stagħgib ferrieħi  l-effett feddej ta’ dan id-don tal-Ispirtu Santu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.