L-Ispirtu Santu juri lill-Bniedem il-Preżenza ta’ Alla fl-Istorja


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 23 ta’ Settembru 1998.

Nru 18 –  L-Ispirtu Santu juri lill-Bniedem il-Preżenza ta’ Alla fl-Istorja

  1. Fl-Ittra apostolikaTertio millennio adveniente, waqt li rriferejt għas-sena ddedikata lill-Ispirtu Santu, ħeġġiġt lill-Knisja kollha biex “tiskopri mill-ġdid l-Ispirtu bħala Dak li jibni s-Saltna ta’ Alla fil-korsa tal-istorja u jħejji l-manifestazzjoni sħiħa tagħha f’Ġesù Kristu, billi janima lill-bnedmin fl-intimu u billi jxettel fl-intern tal-għixien uman iż-żrieragħ tal-fidwa divina li se sseħħ fi tmiem iż-żminijiet” (n. 45).

Jekk inpoġġu fil-prospettiva tal-fidi, naraw l-istorja, b’mod speċjali wara l-miġja ta’ Ġesù Kristu, bħala kollha  mgeżwra u ppenetrata mill-preżenza tal-Ispirtu ta’ Alla. Wieħed faċilment jitlob għaliex il-Knisja tħossha llum iktar minn qatt qabel msejħa biex tiddixxerna s-sinjali ta’ tali preżenza fl-istorja tal-bnedmin li biha hi – b’imitazzjoni tal-Mulej tagħha – – “tħossha realment u intimament solidali” (Gaudium et spes, 1).

  1. Biex twettaq dan id-“dmir permanenti” tagħha (cfrGS, 4), il-Knisja hija mistiedna biex mill-ġdid tiskopri b’mod dejjem iktar profond u vitali li Ġesù Kristu, il-Mulej imsallab u rxoxt, huwa “il-muftieh, iċ-ċentru u t-tmiem tal-istorja umana kollha” (GS, 10). Huwa jikkostitwixxi “il-punt fokali tax-xewqat tal-istorja u taċ-ċiviltà tal-ġeneru uman, il-ferħ ta’ kull qalb, il-milja tal-aspirazzjonijiet tagħhom” (GS, 45). U fl-istess ħin il-Knisja tagħraf li l-Ispirtu Santu biss, waqt li jittimbra fil-qlub ta’ dawk li jemmnu x-xbiha ħajja  tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, jistà jirrendih kapaċi li  jeżamina l-istorja, waqt li jifhem minnha s-sinjali tal-preżenza u tal-azzjoni ta’ Alla.

Jikteb l-appostlu Pawlu: “Min jagħraf is-sigrieti tal-bniedem jekk mhux l-ispirtu tal-bniedem li hemm fih? Hekk ukoll is-sigrieti ta’ Alla ħadd qatt ma setà jagħrafhom jekk mhux l-Ispirtu ta’ Alla. Issa, aħna ma rċivejniex l-ispirtu tad-dinja, iżda l-Ispirtu ta’ Alla biex nagħrfu dak kollu li Alla rregalalna” (1 Kor 2,11-12). Sostnuta minn dan id-don inċessanti tal-Ispirtu l-Knisja tisperimenta bi gratitudni ntima li “l-fidi kollox iddawwal b’dawl ġdid, u tiżvela l-intenzjonijiet ta’ Alla dwar il-vokazzjoni ntegrali tal-bniedem, u għalhekk tiggwida l-intelliġenza lejn soluzzjonijiet għal kollox umani” (GS, 11).

  1. Il-Konċilju Vatikan II, permezz ta’ espressjoni preċiża meħuda mil-lingwaġġ ta’ Ġesù stess, tindika bħala “sinjali taż-żmenijiet” (GS, 4) is-sinjali sinifikattivi tal-preżenza u tal-azzjoni tal-Ispirtu ta’ Alla fl-istorja.

It-twissija ndirizzata minn Ġesù lin-nies ta’ żmienu tidwi qawwija u b’saħħitha ukoll għalina llum: “Tafu tinterpretaw l-aspett tas-sema u ma tafux tiddistingwu s-sinjali taż-żmenijiet? Ġenerazzjoni perversa u adultera tfittex sinjal imma ebda sinjal ma jingħatalha jekk mhux is-sinjal ta’ Ġona” (Mt 16,3-4).

Fil-prospettiva tal-fidi nisranija, l-istedina għad-dixxerniment tas-sinjali taż-żmenijiet tikkorrispondi mal-innovazzjoni eskatoloġika ntrodotta fl-istorja tal-miġja tal-Logos (Verb, Kelma)f’nofsna (cfr Ġw 1,14).

  1. Fil-fatt Ġesù jistieden għad-dixxerniment in konnessjoni mal-kliem u l-opri li jixhdu l-miġja imminenti tas-Saltna tal-Missier. Anzi, Huwa jindirizza u jikkonċentra s-sinjali kollha fis-“sinjal ta’ Ferħ” enigmatiku. U b’dan jaqleb il-loġika mondana intisa biex tfittex sinjali li jikonfermaw ix-xewqa ta’ awtoaffermazzjoni u ta’ qawwa tal-bnieem. Bhal ma jenfasizza l-Appostlu Pawlu, “waqt li l-Lhud jitolbu l-mirakli u l-Griegi jfittxu l-għerf, aħna nippridkaw lil Kristu msallab, skandlu għal-Lhud, bluha għall-pagani” (1 Kor1,22-23).

Bħala primoġenitu fost ħafna aħwa (cfr Rm 8,29), Kristu huwa l-ewwel li rebaħ fih innifsu t- “tentazzjoni” djabolika li jservi lilu nnifsu b’mezzi mondani biex iwettaq il-miġja tas-Saltna ta’ Alla. Dan seħħ mill-waqt tal-provi messjaniċi fid-deżert għall-isfida sarkastika ndirizzata lilu waqt li kien imsammar mas-salib: “Jekk int Bin Alla, inżel mis-salib!” (Mt 27,40). F’Ġesù msallab isseħh bħal bidla u konċentrazzjoni tas-sinjali: Huwa hu nnifsu s-“sinjal ta’ Alla”, speċjalment fil-misteru ta’ mewtu u l-qawmien mill-imwiet tiegħu. Biex wieħed jiddixxerna s-sinjali tal-preżenza fl-istorja, hemm bżonn li jeħles lilu nnifsu minn kull  pretensjoni mondana u jilqà l-Ispirtu li “jiskrutinizza kull ħaġa, ukoll il-profondità ta’ Alla” (1 Kor 2,10).

  1. Kieku kellna nistaqsu lilna nfusna meta se jseħħ it-twettiq tas-Saltna ta’ Alla, Ġesù jweġibna bħal ma għamel mal-Appostli li mhux għalina li “nagħrfu ż-żmenijiet (chrónoi) u l-waqtiet (kairói) li l-Missier iddispona fil-qawwa tiegħu (exousía)”. Ġesù jitlob ukoll lilna biex nilqgħu l-qawwa tal-Ispirtu, biex inkunu x-xhieda tiegħu  “f’Ġerusalem, fil-Ġudea kollha u fis-Samarija u sa tmiem il-fruntieri tal-art” (At 1,7-8).

Id-dispożizzjoni providenzjali tas-sinjali taż-żmenijiet kienet l-ewwel moħbija fis-sigriet tal-pjan tal-Missier (cfr Rm 16,25; Ef 3,9),  invażjoni fl-istorja u fiha għamlet triq għaliha fis-sinjal paradossali tal-Iben imsallab u rxoxt (cfr 1 Pt 1,19-21). Hija ġiet milqugħa u nterpretata mid-dixxipli ta’ Kristu fid-dawl u fil-qawwa tal-Ispirtu, fl-istennija għassiesa u operuża tal-miġja definittiva li se twassal għat-twettiq lill-istorja ‘il hemm minnha nfisha, fi ħdan il-Missier.

  1. Hekk iż-żmien għad-dispożizzjoni tal-Missier jinfirex bħal stedina biex “nagħrfu l-imħabba ta’ Kristu li tgħaddi kull għarfien”, biex inkunu “mfawrin bil-milja kollha ta’ Alla” (Ef3,18-19). Is-sigriet ta’ din il-mixja huwa l-Ispirtu Santu, li jiggwidana “lejn il-verità kollha kemm hi” (Ġw 16,13).

Bil-qalb miftuħa b’mod fiduċjuż għal din il-prospettiva ta’ tama, insejjaħ mill-Mulej l-abbundanza tad-doni tal-Ispirtu għall-Knisja kollha, “sabiex ir-‘rebbiegħa’ tal-Konċilju Vatikan II tkun tistà ssib fil-millenju l-ġdid is-‘sajf’ tagħha, jiġifieri l-iżvilupp matur tagħha ” (Discorso nel Concistoro Pubblico Ordinario, 21 febbraio 1998, n. 4, in L’Osservatore Romano, 22 febbraio 1998, p. 1).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.