L-Ispirtu Santu bħala s-Sors tal-Għaqda


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 29 ta’ Lulju 1998.

Nru 10 – L-Ispirtu Santu bħala s-Sors tal-Għaqda

  1. L-Atti tal-Appostli juruna l-ewwel komunità nisranija magħquda minn rabta qawwija ta’ komunjoni fraternali: “Dawk kollha li kienu emmnu kienu flimkien u kienu jaqsmu kull ħaġa bejniethom: min kellu l-propjetà u ħwejjeġ oħra kien ibigħhom u kien jaqsam dak kollu li jdaħħal mal-oħrajn, skont il-bżonn ta’ kull wieħed” (At2,44-45). Mhemm ebda dubju li l-kawża ta’ dan l-ispettaklu ta’ mħabba huwa l-Ispirtu Santu. L-effużjoni tiegħu pentekostali titfà l-bażi tal-Ġerusalem il-ġdida, il-belt mibnija fuq l-imħabba, opposta għal kollox għal Babel l-antika.

Skont it-test ta’ Ġenesi 11, il-bennejja ta’ Babel kienu ddeċidew li jibnu belt b’torri kbir li l-quċċata tiegħu tasal sas-smewwiet. L-awtur sagru jara f’dak il-proġett  kburija bla sens li  twassal għad-diviżjoni, in-nuqqas ta’ ftehim u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni.

Iżda f’Pentekoste, id-dixxipli ta’ Ġesù ma jridux jitilgħu s-sema bi kburija, imma jridu jiftħu umilment għad-Don li jinżel mill-għoli. Jekk f’Babel kollha jitkellmu l-istess lingwa, imma jispiċċaw bli ma jiftehmux, f’Pentekoste jitkellmu b’lingwi differenti madankollu jiftehmu sewwa. Dan huwa miraklu tal-Ispirtu Santu.

  1. L-operazzjoni propja u speċifika tal-Ispirtu Santu diġa fl-intern tat-Trinità Mqaddsa, hija l-komunjoni. “Wieħed jistà jgħid li fl-Ispirtu Santu l-ħajja intima tal-Alla wieħed u tlieta tagħmel lilha nfisha kollha kemm hi don, bidla ta mħabba reċiproka bejn il-Persuni divini, u li għall-Ispirtu Santu Alla ‘jeżisti’ bħala don. Huwa l-Ispirtu Santu l-espressjoni personali ta’ tali donazzjoni, ta’ dan l-esseri-mħabba “ (Dom. et viv., 10). It-tielet Persuna – naqraw f’Santu Wistin – hija “l-ogħla karità li tgħaqqad liż-żewġ Persuni” (De Trin. 7,3,6). Infatti il-Missier jiġgenera lill-Iben billi jħobbu; l-Iben jiġi ġġenerat mill-Missier billi jħalli lilu nnifsu jinħabb u billi jirċievi mingħandu l-ħila li jħobb; l-Ispirtu Santu huwa l-imħabba rregalata għal kollox b’xejn mill-Missier, milqugħa mill-Iben u mingħand dan irregalata mill-ġdid lill-Missier.

L-Ispirtu huwa wkoll l-imħabba u d-don personali li jiġbor fih kull don maħluq: il-grazzja, il-ħajja, il-glorja. Il-misteru ta’ din il-komunjoni jiddi fil-Knisja, il-Ġisem mistiku ta’ Kristu, animat mill-Ispirtu Santu. L-istess Spirtu Santu jirrendina “wieħed fi Kristu Ġesù” (Gal 3,28) u hekk idaħħalna fl-istess għaqda li tgħaqqad l-Iben mal-Missier. Nibqgħu mistagħġba quddiem din il-komunjoni intensa u intima bejn Alla u aħna!

  1. I-ktieb tal-Atti jipreżenta xi sitwazzjonijiet emblematiċi li jippermettulna nifhmu b’liema mod l-Ispirtu jgħin lill-Knisja biex tgħix kompletament il-komunjoni, waqt li jgħinha tegħleb il-problemi li tiltaqà magħhom minn żmien għal żmien.

Meta għall-ewwel darba jidħlu fil-komunità nisranija persuni li ma kinux jagħmlu parti mill-poplu Iżraelit, din tgħix mument drammatiku. L-għaqda tal-Knisja ssib ruħha fi prova. Imma hemm hu jinżel l-Ispirtu fid-dar tal-ewwel pagan ikkonvertit, iċ-ċenturjun Kornelju. Huwa jġedded il-miraklu ta’ Pentekoste u jqiegħed is-sinjal favur l-għaqda bejn il-Lhud u l-ġnus (cfr At 10-11). Nistgħu ngħidu li din hija t-triq indirizzata  biex tedifika l-għaqda: L-Ispirtu jintervieni bil-qawwa kollha tal-grazzja tiegħu u joħloq sitwazzjoni ġdida għal kollox imprevedibbli.

Imma spiss l-Ispirtu Santu jaġixxi billi jinqeda b’medjazzjonijiet umani. Hekk iseħħ –  meta tqum diskussjoni fl-intern tal-komunità ta’ Ġerusalem dwar it-tqassim ta’ kuljum bejn ir-romol. (cfr At 6,1ss.). L-għaqda allura tiġi ristabbilita grazzi għall-intervent tal-Appostli, liema jitolbu lill-komunità biex teleġġi sebat irġiel “mimlijin bl-Ispirtu” (At 6,3; cfr 6,5) u istitwixxew dan il-grupp ta’ Sebgħa għas-servizz tal-imwejjed.

Waqt kritiku għaddiet minnu wkoll il-komunità ta’ Antijokja, magħmula minn insara ġejjin mill-Ġudaiżmu u mill-paganeżmu. Xi nsara  ta’ nisel Lhudi ppretendew li dawn tal-aħħar kellhom jiċċirkonċizzaw irwieħhom u josservaw il-liġi ta’ Mosè. Allura – jikteb San Luqa – “iltaqgħu l-Appostli flimkien mal-anzjani biex jeżaminaw din il-problema” (At 15,6), u wara “diskussjoni twila”, laħqu ftehim bl-espressjoni sollenni: “Iddeċidejna, l-Ispirtu Santu u aħna…” (At 15,28). Hawn wieħed jara b’mod ċar kif l-Ispirtu jaġixxi permezz tal-medjazzjoni tal-“ministeri” tal-Knisja.

Bejn iż-żewġ toroq kbar tal-Ispirtu, dik dritta ta’ karattru l-iktar imprevedibbli u kariżmatiku, hija dik medjata ta’ karattru iktar permanenti u istituzzjonali, ma jistax ikun hemm kuntrasti reali. It-tnejn ġejjin mill-istess Spirtu Santu. Fil-każi li fihom id-dgħufija umana tistà twassal għal motivi ta’ tensjoni u konflitt, hemm bżonn li żżomm ruħha mad-dixxerniment tal-awtorità, assistitha għal dan il-għan mill-Ispirtu Santu (cfr 1 Kor 14,37).

  1. Hija “grazzja tal-Ispirtu Santu” (UR, 4) wkoll ix-xewqa għall-għaqda sħiħa tal-insara. Ma nistgħu ninsew qatt għal dan l-iskop li l-Ispirtu huwa l-ewwel don komuni għall-insara mifrudin. Bħala “prinċipju tal-għaqda tal-Knisja” (UR, 2), Huwa jimbuttana biex nerġgħu nibnuha permezz tal-konverżjoni tal-qalb, it-talb komuni, l-għarfien reċiproku, il-formazzjoni ekumenika, id-djalogu tejoloġiku, il-koperazzjoni fid-diversi oqsma tas-servizz soċjali ispirati mill-karità.

Kristu ta l-ħajja sabiex id-dixxipli kollha tiegħu ikunu ħaġa waħda (cfr Ġw 17). Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tat-tielet Millenju għandu jirrapreżenta stadju ġdid ta’ superament tad-diviżjonijiet tat-tieni Millenju. U billi l-għaqda hija don tal-Paraklitu, nikkunslaw ruħna niftakru li propju dwar id-duttrina dwar l-Ispirtu Santu saru passi sinifikattivi lejn l-għaqda bejn il-Knejjes differenti, speċjalment bejn il-Knisja Kattolika u dawk Ortodossi. B’mod speċjali, dwar il-problema speċifika tal-Filioque, li tikkonċerna r-rapport bejn l-Ispirtu Santu u l-Verb fil-proċediment tagħhom  mill-Missier, wieħed jistà  jemmen li d-diversità bejn il-Latini u l-Orjentali ma tmissx l-identità tal-fidi “fir-realtà tal-istess misteru mistqarr”, imma l-espressjoni tiegħu, waqt li tikkostitwixxi “probabilità leġittima” li ma tikkompromettix, imma anzi tistà tarrikkixxi l-komunjoni fl-unika fidi (cfr CCC 248; Lett. ap. Orientale Lumen, 2 Mejju 1995, n.5; nota tal-Kunsill Pontifiċju għall-promozzjoni tal-għaqda tal-insara, “Le tradizioni greca e latina a riguardo della processione dello Spirito Santo”, in L’Oss. Rom., 13 sett. 1995, p. 5).

  1. Fl-aħħarnett huwa meħtieġ li l-Ġublew li jmiss jara tikber il-karità fraterna ukoll fl-intern tal-Knisja Kattolika. Dik l-imħabba effettiva, li għandha ssaltan f’kull komunità “b’mod speċjali lejn l-aħwa fil-fidi” (Gal 6,10), timpenja lil kull komponent ekkleżjali, lil kull komunità parrokkjali u dijoċeżana, lil kull grupp, assoċjazzjoni u moviment f’eżami serju tal-kuxjenza li jħejji l-qlub biex jilqgħu l-azzjoni unifikanti tal-Ispirtu Santu.

Huma dejjem attwali l-kliem ta’ San Bernard: “Ninħtieġu lkoll lil xulxin: il-ġid spiritwali li jien m’għandix u ma nippossedix, nirċevih mingħand l-oħrajn (…). U d-diversitajiet kollha tagħna, li jimmanifestaw l-għana tad-doni ta’ Alla,  huma validi fl-unika dar tal-Missier,  li tinvolvi tant  residenzi. Issa hemm id-diviżjoni tal-grazzji: allura jkun hemm id-distinzjoni tal-glorji. L-għaqda, kemm hawn kif ukoll hemm, tikkonsisti f’karità waħda l-istess” (Apol. a Guglielmo di Saint Thierry, IV,8: PL 182, 9033-9034).

Il-ħsieb tiegħi issa jdur fuq it-tliet sorijiet ta’ Madre Teresa ta’ Kalkutta, maqtula xi jiem ilu fil-Yemen, kif ukoll fuq Sor Theodelinda Scherck, tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Bambin Imqaddes, maħtufa u misjuba mejta nhar il-Ħadd li għadda fl-Afrika t’Isfel u fuq il-missjunarju Ġiżwita, Patri Michel Albec, assassinat il-bieraħt lura fir-Repubblika tal-Congo.

Nitolbu lill-Mulej, Missier il-ħniena, għal dawn ix-xhieda ġenerużi tal-Vanġelu u għall-oħrajn kollha vittmi tal-vjolenza li, sfortunatament, ikomplu jdemmgħu diversi reġġjuni tad-dinja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb