Il-Maternità ta’ Marija hija marbuta mal-Ispirtu


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI. L-Erbgħa, 9 ta’ Diċembru 1998.

Nru 28 – Il-Maternità ta’ Marija hija marbuta mal-Ispirtu

Marija, omm animata mill-Ispirtu Santu

  1. Bħala lħuq tal-quċċata tar-riflessjoni dwar l-Ispirtu Santu, f’din is-sena ddedikati lilu fil-mixja lejn il-Ġublew il-kbir, ngħollu ħarsitna lejn Marija. Il-kunsens minnha espress fl-Annunzjazzjoni elfejn sena ilu jirrapreżenta l-punt tat-tluq tal-istorja l-ġdida tal-umanità. Infatti, l-Iben ta’ Alla, inkarna ruħu u beda jgħammar fostna meta Marija iddikjarat lill-anġlu: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, isir minni dak li għidtli” (Lc1,38).

Il-koperazzjoni ta’ Marija mal-Ispirtu Santu. Manifestata fl-Annunzjazzjoni u fil-Viżitazzjoni, tesprimi ruħha f’atteġġjament ta’ manswetudni kostanti għall-spirazzjoni tal-Paraklitu. Konxja tal-misteru tal-Iben divin tagħha, Marija tħalli lilha nfisha titmexxa mill-Ispirtu biex iġġib ruħha b’mod adegwat għall-missjoni materna tagħha. Ta’ vera mara tat-talb, il-Verġni kienet titlob lill-Ispirtu Santu biex ikompli l-opra mibdja fil-konċepiment sabiex it-tfajjel jikber “fil-għerf, l-età u l-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq2,52). Taħt dan il-profil Marija tippreżenta ruħha bħala mudell għall-ġenituri, waqt li turi l-ħtieġa li nirrikorru għall-Ispirtu Santu biex insibu t-triq il-ġusta fil-kompitu diffiċli edukattiv.

  1. L-episodju tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju, jaħbat ma’ intervent imporanti tal-Ispirtu Santu. Marija u Ġużeppi kienu marru biex “jippreżentaw” (cfr Lq2,22), jiġifieri biex joffru lil Ġesù, skont il-liġi możajka li kienet titlob ir-riskatt tal-primoġeniti u l-purifikazzjoni tal-omm. Waqt li għexu b’mod profond is-sens ta’ dan ir-rit, bħala espressjoni ta’ offerta sinċiera, huma kienu mdawla mill-kliem ta’ Xmun, ippronunzjat taħt l-impuls speċjali tal-Ispirtu.

Ir-rakkont ta’ Luqa espressament jenfasizza l-influss tal-Ispirtu Santu fuq il-ħajja ta’ dan ix-xwejjaħ venerabbli. Huwa kien irċieva mill-Ispirtu l-garanzija li ma jmutx mingħajr ma jkun ra lill-Messija. U appuntu, “imqanqal mill-Ispirtu, mar fit-tempju” (Lq 2,27), fil-waqt li fih Marija u Ġużeppi kienu ġabu hemm lit-tifel. Huwa mela l-Ispirtu Santu  li ħoloq din il-laqgħa. Huwa hu li ispira lix-xwejjaħ Xmun kantiku li jiċċelebra l-futur tat-tifel, li ġie bħala “dawl biex idawwal il-ġnus” u “ġlorja tal-poplu ta’ Iżrael” (Lq 2,32). Marija u Ġużeppi jistagħġbu b’dan il-kliem li jestendi l-missjoni ta’ Ġesù għall-ġnus kollha.

Huwa mill-ġdid l-Ispirtu li jġiegħel lil Xmun jippronunzja profezija doloruża: Ġesù se jkun “sinjal ta’ kontradizzjoni” u lil Marija “sejf kellu jinfdilha ruħha” (Lq 2,34.35). Permezz ta’ dan il-kliem, l-Ispirtu Santu jħejji lil Marija għall-prova l-kbira li kienet tistenniha, u jagħti lir-rit tal-preżentazzjoni tat-tifel il-valur ta’ sagrifiċċju offrut għall-imħabba. Meta Marija irċeviet lil binha minn dirgħajn Xmun, fehmet li kienet irċevietu biex toffrih. Il-maternità tagħha  kellha tinvolviha fix-xorti ta’ Ġesù u kull oppożizzjoni għalih kellha  taffettwaha f’qalbha.

  1. Il-preżenza ta’ Marija qrib is-Salib hija s-sinjal li l-omm segwiet sal-aħħarnett l-itinerarju doloruż imfassal mill-Ispirtu Sant b’fomm Xmun.

Fuq il-Kalvarju, fil-kliem li Ġesù jindirizza lil Omm u lid-dixxiplu maħbub, toħroġ karatteristika oħra tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu: huwa jassikura fertilità għas-sagrifiċċju. Il-kliem ta’ Ġesù jimmanifesta appuntu aspett “marjan” ta’ din il-fertilità: “Mara, hawn hu ibnek!” (Ġw 19,26). F’dan il-kliem l-Ispirtu Santu ma jidhirx espressament. Imma mill-waqt li l-ġrajja tas-Salib, bħall-ħajja kollha kemm hi ta’ Kristu, issir fl-Ispirtu Santu (cfr Dominum et vivificantem, 40-41), propju fl-istess Spirtu s-Salvatur jitlob lill-Omm biex taċċetta mas-sagrifiċċju tal-Iben, li ssir l-omm ta’ multitudni ta’ wlied. Għal din l-offerta suprema tal-Omm ta’ Ġesù huwa jassikura frott immens:  maternità ġdida destinata li testendi ruħha għall-bnedmin kollha.

Mis-Salib is-Salvatur ried mill-ġdid isawwab fuq l-umanità xmajjar ta’ ilma ħaj (cfr Ġw 7,38), jiġifieri l-abbundanza tal-Ispirtu Santu. Imma xtaq li dan it-tiswib ta’ grazzja jkun marbut mal-wiċċ ta’ omm, Ommu. Marija tidher issa bħala l-Eva l-ġdida omm il-ħajjin, jew Bint Sijon omm il-ġnus. Id-don tal-omm universali kien inkluż fil-missjoni feddejja tal-Messija: “Wara dan, Ġesù, billi kien jaf li kollox kien ġie mwettaq…”, jikteb l-Evanġelista wara d-dikjarazzjoni doppja: “Mara, hawn hu ibnek” u “Hawn hi ommok” (Ġw 19,26-28).

Minn din ix-xena wieħed jistà jagħraf l-armonija tal-pjan divin fir-rigward tal-irwol ta’ Marija fl-azzjoni feddejja tal-Ispirtu Santu. Fil-misteru tal-Inkarnazzjoni il-koperazzjoni tagħha mal-Ispirtu kienet żvolġiet irwol essenzjali; ukoll fil-misteru tat-twelid u tal-formazzjoni ta’ wlied Alla l-konkors matern ta’ Marija jakkumpanja l-attività tal-Ispirtu Santu.

  1. Fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ Kristu fuq il-Kalvarju, il-preżenza ta’ Marija fil-komunità fl-istennija tal-Pentekoste tassumi l-valur kollu tagħha. San Luqa li kien ġibed l-attenzjoni dwar l-irwol ta’ Marija fl-oriġni ta’ Ġesù, ried jenfasizza l-preżenza sinifikattiva tagħha fl-oriġni tal-Knisja. Il-komunità hija ffurmata mhux biss mill-Apposstli u mid-Dixxipli, imma wkoll minn nisa, li fosthom Luqa jinnomina unikament “Marija, l-omm ta’ Ġesù” (At1,14).

Il-Bibbja ma toffrilniex informazzjoni oħra dwar Marija wara d-dramm tal-Kalvarju. Imma huwa ferm importanti li nkunu nafu li Hija kienet tieħu sehem fil-ħajja tal-ewwel komunità u għat-talb  regulari u unanimu tagħha. Bla ebda dubju kienet preżenti fit-tiswib tal-Ispirtu f’jum il-Pentekoste. L-Ispirtu li kien diġa jgħammar f’Marija,  billi fiha kien diġa wettaq għeġubijiet ta’ grazzja, issa jerġà jinżel f’qalbha waqt li kkomunika doni u kariżmi meħtieġa għall-eżerċizzju tal-maternità spiritwali tagħha.

  1. Marija tkompli teżerċita fil-Knisja l-maternità li lilha ġiet afdata minn Kristu. F’din il-missjoni materna l-qaddejja umli tal-Mulej ma tidħolx f’kompetizzjoni mal-irwol tal-Ispirtu Santu; għal kuntrarju, Hi hija msejħa mill-istess Spirtu biex tikkopera b’mod matern miegħU. Huwa jqajjem mill-ġdid b’mod kontinwu fil-memorja tal-Knisja l-kliem ta’ Ġesù lid-dixxiplu maħbub: “Hawn hi ommok!”, u jistieden lil dawk li jemmnu biex iħobbu lil Marija bħal ma ħabbha Kristu. Kull approfondiment tar-rabta ma’ Marija jippermetti lill-Ispirtu azzjoni iktar fertili għall-ħajja tal-Knisja.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb