Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-Ottava tal-Għid


Stampa t-test tal-qari …

L-Ottava tal-Għid
L-Erbgħa

QARI I
Dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!
Atti 3, 1-10

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pietru u Ġwanni kienu telgħin lejn it-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ wara nofsinhar. Xi wħud kienu qegħdin iġorru raġel magħtub minn twelidu, li kienu jqegħduh kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju, li jgħidulu s-Sabiħ, biex jitlob il-karità lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju. Xħin ra lil Pietru u ’l Ġwanni deħlin fit-tempju talabhom il-karità. Pietru, flimkien ma’ Ġwanni, tefa’ għajnejh fuqu u qallu: “Ħares lejna”. Dak baqa’ jħares lejhom, jistenna li se jaqla’ xi ħaġa mingħandhom. Imma Pietru qallu: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!”. U qabdu minn idu l-leminija u qajmu. Minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom; u malajr qabeż fuq riġlejh u beda jimxi. U daħal magħhom fit-tempju, jimxi u jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla. Il-poplu kollu rah miexi u jfaħħar lil Alla; għarfu li hu kien l-istess wieħed li soltu kien jitlob il-karità ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju. U baqgħu mistagħġba u miblugħa b’dak li ġralu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 104 (105), 1-2.3-4.6-7.8-9

R/. (3b): Tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.

Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna!
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

SEKWENZA (FAKULTATIVA)

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 117 (118), 24

Hallelujah. R/. Hallelujah
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Lq 24, 13-35

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Dakinhar stess, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi ħdax-il kilometru bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.

Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”. “X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx”.

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu