Il-Kappella ta’ Kemmuna: ġawhra ta’ spiritwalità


Biċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo il-Mulej qed jagħtini l-grazzja li l-ħajja ntogħmha u mhux niblagħha. Qed jagħtini l-grazzja li naraha taħt il-lenti mhux biex nieqaf fuq id-dettalji u nagħmel storja bihom, kif jgħidu jew jiktbu xi wħud, iżda biex nieqaf fuqhom u napprezzahom! Għalhekk, f’dan l-ambjent sabiħ, anki jekk imlewwen sewwa bit-tbatija, ma nistax, f’dawn iż-żminijiet sħan tas-sajf, ma napprezzax teżor li għandna bejn Malta u Għawdex, f’Kemmuna! Il-Kappella tagħha!

Il-gżira ċkejkna ta’ Kemmuna minn dejjem saħħrittni. Kemm-il darba għaddejt minn quddiemha bil-vapur t’Għawdex! Dan biex ma nsemmix dik il-magħrufa darba, f’Lulju tas-sena 2000, fejn morna bħala studenti Kapuċċini ngħumu hemm! X’esperjenza dik li għadni u nibqa’ inġorr ħajti kollha! Din Kemmuna hux! Min jaf kemm kienet taħbi pirati! U min jaf kemm nies għaddew minn fuqha! Jolqotni ħafna dak il-magħruf torri li hemm fuqha u li jmur lura għall-1620. Kien inbena mill-Gran Mastru Fra Alof de Wignacourt u isem l-inġinier tiegħu nibqa’ niftakru għal ħajti kollha l-għaliex iġib l-istess isem tal-għażiż missieri, li issa m’għandux magħna: Ġanni Attard.

Imma Kemmuna hi sabiħa mhux biss għall-karatteristiċi uniċi tagħha imma wkoll għall-Kappella li hemm fiha. Diġà kelli l-grazzja li nikteb żewġ kelmiet ta’ apprezzament dwarha. It-titular ta’ din il-Kappella hu r-ritorn tal-familja mqaddsa lejn Nazaret. It-tradizzjoni Biżantina u Ortodossa tfakkar dan ir-ritorn tal-familja mqaddsa bil-figuri ċentrali li juru lit-tfajjel Ġesù miżmum minn idu minn ommu Marija. Warajhom insibu lil San Ġużepp u l-ħmara.

L-ideja tar-ritorn lejn l-art minfejn wieħed ikun ġej hi dejjem sinjal sabiħ u anki ta’ qawmien ġdid. Fil-fatt, il-Kappella ta’ Kemmuna tfakkar lilek u lili f’Salm 80 fejn, għal tliet darbiet, jiġifieri f’versi 4, 8 u 20, insibu miktub hekk: Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;
itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi. Għax fejn konna, konna tassew aħjar! Hemm, fl-għeruq tagħna, fiK, stajna naraw ħajjitna f’dawlek O Mulej!

Huma b’dawn l-attitudnijiet ta’ radd il-ħajr lejn il-Mulej li dan l-aħħar kelli l-grazzja niggosta l-fuljett ħelu bl-isem Ħolqa ta’ ĦBIEB madwar il-KAPPELLA ta’ KEMMUNA. L-għaliex l-imgħoddi, imrawwem fil-Mulej, jibqa’ dejjem sies u punt ta’ riferiment f’ħajti! Laqagħtni l-messaġġ ħelu li l-Mulej ta lil Dun Ġużepp Attard, ir-rettur attwali tal-Kappella ta’ Kemmuna, fejn ikkwota “r-riflessjoni siewja u sabiħa għalina ikoll”, li għamel Papa Franġisku nhar is-27 ta’ Marzu 2020 waqt it-talba u l-barka lid-dinja kollha li għamel mis-Sagrad tal-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan: “Għalhekk nistiednu lil Ġesù fuq id-dgħajjes ta’ ħajjitna. Ngħaddulu l-biżgħat tagħna, biex jegħlibhom hu għalina. Bħad-dixxipli nagħmlu l-esperjenza li, biH magħna fid-dgħajsa, xejn ma jgħarraqna. Għax din hija l-qawwa ta’ Alla: kapaċi jibdel f’tajjeb dak kollu li jiġrilna, imqar il-ħwejjeġ koroh. Huwa jikkalma l-irwiefen tagħna, għax ma’ Alla l-ħajja ma tmut qatt”.

Kemm jagħmel sens dan il-kliem hux għal min għaddej mis-saram tal-mard u l-inkwiet! Kemm jagħti kuraġġ lil min bħalissa jħossu taħt l-ilma minħabba l-qagħda ekonomika li ġabietu fiha dan iż-żmien iebes tal-coronavirus! Hu qiegħed magħna fid-dgħajsa ta’ ħajjitna! Għalhekk, iva, xejn, u proprju xejn, ma jista’ jgħarraqna! Kemm jagħmel sens kbir li l-ostensorju l-ġdid għall-Kappella ta’ Kemmuna hu forma ta’ dgħajsa! Fil-fatt, fis-simboliżmu Kristjan, id-dgħajsa tirrappreżenta l-Knisja ta’ Kristu li hi miexja ‘l quddiem f’kull kundizzjoni ta’ temp! Għalhekk, min se jkollu l-grazzja li jadura lil Ġesù fl-Ewkaristija fil-Kappella ta’ Kemmuna, issa se jinfetaħ b’aktar qawwa għal din ir-rejaltà daqshekk kbira u sabiħa ta’ Kristu f’ħajjitna, jiġifieri li jkun magħna f’kull stadju ta’ dak li ngħixu!

Għal dawk li jattendu għall-quddies u l-adorazzjoni ewkaristika fil-Kappella ta’ Kemmuna dan id-diskors aktar ifisser għalihom l-għaliex huma, biex wasslu f’din il-Kappella, kellhom jużaw id-dgħajsa wkoll. U, għal dawn l-aħwa li jbaħħru bid-dgħajsa sabiex jattendu fil-Kappella ta’ Kemmuna, l-ostensorju l-ġdid se jfakkarhom f’xi ħaġa mill-aktar qawwija u li jgħidha b’mod mill-isbaħ il-qawl Malti: “Jekk hemm riħ fil-qala’ l-bastiment jimxi ‘l quddiem u jasal fil-port mixtieq”.

Mhux ta’ b’xejn mela li l-Ostja mqaddsa qiegħdha fin-nofs tal-qlugħ! Dan biex turi, bl-akbar persważjoni, li Kristu huwa dik il-qawwa li tmexxina ‘l quddiem fil-ħajja. Għax, kif jgħid tajjeb dan il-fuljett: min għandu lil Alla fil-“qala’” ta’ ħajtu huwa fortunat u qiegħed fid-direzzjoni t-tajba. Imma fejn tinstab din il-qawwa? Mhux fl-Ewkaristija ħbieb? Għalhekk, is-simboli li jidhru fuq l-ostensorju dan ifissruh b’tant dettall: L-għeneb (inbid) fuq ġenb il-pruwa u l-qamħ (ħobż) fuq il-ġenb l-ieħor (il-poppa), ifissru li l-Ewkaristija hija l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu L-ittri IHS fin-nofs, ifissru Jesus Hominum Salvator, (Ġesù huwa s-Salvatur tal-bnedmin), skont il-ħsieb tal-qaddis Franġiskan San Benardinu.

Il-figura ta’ ħuta fin-nofs, tfisser (ΙΧΘΥΣ) u li huma l-inizjali tal-kelmiet Griegi Iesous Christos Theo Yios Sōtḗr u li b’ilsinna jfisser, “Ġesù Kristu Iben ta’ Alla Salvatur”. Din il-kelma tinqara Iktus, jiġifieri ĦUTA. Għalhekk, dan is-simbolu kien jintuża bħala kodiċi sigriet bejn l-Insara fi żmien l-ewwel persekuzzjonijiet u li bih kienu jintgħarfu li huma Insara. Wieħed kien jagħmel sinjal fl-art nofs tond filwaqt li l-ieħor kien jagħmel nofs tond ieħor taħtu biex hekk setgħet tifforma figura sħiħa ta’ ħuta. Dan kien is-simbolu li kien jintuża ħafna fil-katakombi u li kien ifisser ukoll stqarrija tal-Fidi fi Kristu.

Is-simbolu tal-Ankra huwa mezz ieħor kif bih kienu jikkomunikaw l-Insara bejniethom matul il-persekuzzjonijiet. Dan l-għaliex hemm jidher, f’forma viżibbli, is-sinjal għażiż tas-salib. Mal-għejbien tal-persekuzzjonijiet l-ankra ħadet it-tifsira simbolika tat-tama. It-tama hi waħda mill-virtujiet teologali Nsara. Din l-ankra qed isservi bħala Ċensier li jintuża waqt l-adurazzjoni ewkaristika ma’ dan it-tip ta’ Ostensorju.

Xi ngħidu mbagħad għas-simbolu li jirrappreżenta l-isem ta’ Kristu? Ma ninsewx li dawn iż-żewġ ittri bil-Grieg Chi (Χ) u Rho (Ρ) huma l-ewwel żewġ ittri tal-kelma Kristu. Iż-żewġ ittri fil-ġnub Α u Ο Alpha u Omega, huma l-ewwel u l-aħħar ittra tal-alfabett Grieg. It-tifsira tagħhom hi li Ġesù Kristu hu l-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Dan qed iservi bħala gandlier (porta candela) għax-xema’ ħdejn l-Ostensorju.

Dan l-Ostensorju ġie inawgurat fis-Solennità ta’ Corpus Christi nhar il-
Ħadd 14 ta’ Ġunju. Bħalissa għaddej xogħol fuq il-Kwadru u li se jkun inawgurat ‘il quddiem. Dan ir-restawr qed jiġi sponsorjat mill-Bank of Valletta. Qed isir ukoll xogħol ta’ żebgħa fl-intern tal-Kappella.

Minn Mejju sa Settembru l-quddiesa fil-Kappella ta’ Kemmuna tkun nhar ta’ Sibt fis-6.45 pm filwaqt li minn Ottubru sa’ April titqaddes quddiesa kull nhar ta’ Ħadd fl-10.00 am. Min hu nteressat li jgħin bil-għan li tissokta tiżżejjen il-Kappella jista’ ikellem lil Dun Ġużepp u jikkomunika miegħu f’dan l-indirizz: San Coronato, 17, Triq San Ġwann, In-Nadur NDR 9048, Għawdex. Il-numru tal-mobile tiegħu hu: 99847099. Inkella jidħol f’Facebook Kappella ta’ Kemmuna. Jew jibgħatlu email fuq l-indirizz elettroniku: monsjosephattard@gmail.com

Patri Mario Attard OFM Cap