Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-II ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tieni Ġimgħa tal-Għid
L-Erbgħa

QARI I
Dawk l-irġiel li intom xħettu fil-ħabs qegħdin fit-tempju jgħallmu ’l-poplu.
Atti 5, 17-26

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, qam il-qassis il-kbir u sħabu kollha mill-partit tas-Sadduċej, u, mimlija bl-għejra meddew idejhom fuq l-appostli u xeħtuhom fil-ħabs pubbliku. Iżda billejl anġlu tal-Mulej fetaħ il-bibien tal-ħabs, ħariġhom barra u qalilhom: “Morru fit-tempju, u xandru lill-poplu kulma għandu x’jaqsam ma’ din il-ħajja”. Huma semgħu minnu, u filgħodu kmieni daħlu fit-tempju u bdew jgħallmu. Imbagħad ġie l-qassis il-kbir flimkien ma’ sħabu, sejjaħ laqgħa tas-Sinedriju, il-Kunsill kollu tax-xjuħ ta’ Iżrael, u bagħat iġib l-appostli mill-ħabs. Il-qaddejja marru, u ma sabuhomx fil-ħabs; u reġgħu lura bl-aħbar u qalulhom: “Il-ħabs sibnieh imsakkar tajjeb, u l-għassiesa kienu ħdejn il-bibien. Iżda xħin ftaħna, ma sibna lil ħadd hemm ġew”.

Għal din l-aħbar il-kmandant tat-tempju u l-qassisin il-kbar baqgħu mħassbin fuqhom u fuq x’sata’ ġara. Imbagħad ġie xi ħadd jgħidilhom: “Dawk li intom xħettu fil-ħabs qegħdin fit-tempju jgħallmu ’l-poplu”. Il-kmandant tat-tempju mar għalihom mal-qaddejja u ġiebhom miegħu, iżda mhux bil-forza, għax kienu jibżgħu li l-poplu jħaġġarhom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7.8-9

R/. (7a): Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 3, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla hekk ħabb lid-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ma jintilifx,
iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.
Ġw 3, 16-21

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.

U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading