29. Marija, mudell ta’ verġinità


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Verġni Marija. Udjenza Ġenerali –  07/08/1996.

1. L-intenzjoni ta’ verġinità, li tidher mill-kliem ta’ Marija fil-waqt tal-Annunzjazzjoni, kienet tradizzjonalment meqjusha bħala l-bidu u l-ġrajja tal-verġinità nisranija fil-Knisja.

Santu Wistin jagħraf f’tali proponiment mhux it-twettiq ta’ preċett divin, imma vot iddikjarat b’mod liberu. B’dan il-mod wieħed jistà jippreżenta lil Marija bħala eżempju lill-«qaddisin verġni» fil-kors kollu tal-istorja tal-Knisja. Marija «iddedikat il-verġinità tagħha lil Alla, meta kienet għadha ma tafx li kellha tikkonċepixxi, sabiex l-imitazzjoni tal-ħajja ċelesti fil-ġisem terren u mortali issir permezz ta’ vot, mhux bi preċett, permezz ta’ għażla ta’ mħabba u mhux bi bżonn ta’ servizz».1

L-anġlu ma jitlobx lil Marija biex tibqà verġni; hija Marija li b’mod liberu tirrivela l-intenzjoni tagħha ta’ verġinità. B’tali mpenn hija tqiegħed l-għażla ta’ mħabba tagħha li twassalha biex tiddedika ruħha b’mod totali lil Mulej b’ħajja verġinali.

Waqt li nenfasizzaw l-ispontanjetà tad-deċiżjoni ta’ Marija, ma rridux ninsew li fl-oriġni ta’ kull vokazzjoni hemm l-inizjattiva ta’ Alla. Waqt li torjenta ruħha lejn il-ħajja verġinali, it-tfajla ta’ Nażżaret wieġbet għal vokazzjoni interna, jiġifieri għal ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu li dawwalha fuq is-sinifikat u fuq il-valur tad-don verġinali tagħha nfisha. Ħadd ma jistà jilqà tali don mingħajr ma jħossu msejjaħ u mingħajr ma jirċievi mill-Ispirtu Santu d-dawl u l-qawwa meħtieġa.

2. Ukoll jekk Santu Wistin juża l-kelma «vot» biex juri lil dawk li jsejjaħ «santi verġni» l-ewwel mudell tal-istat ta’ ħajja tagħhom, il-Vanġelu ma jixhidx li Marija kienet espressament għamlet xi vot, li huwa l-forma ta’ konsagrazzjoni u ta’ offerta tal-ħajja propja lil Alla, li ntuża sa mill-ewwel sekli mill-Knisja. Mill-Vanġelu jirriżulta li Marija ħadet id-deċiżjoni personali li tibqà verġni, waqt li toffri qalbha lill-Mulej.

Hija tixtieq tkun l-għarusa fidila tiegħu, waqt li twettaq il-vokazjoni ta’ «bint Sion». Bid-deċiżjoni tagħha però hija ssir il-mudell ewlieni ta’ dawk kollha li fil-Knisja għażlu li jservu lill-Mulej b’qalb mhix maqsuma fil-verġinità.

La fil-Vanġeli, linqas fil-kitbiet l-oħra tat-Testment il-Ġdid ma jinfurmawna dwar il-waqt li fih Marija ħadet id-deċiżjoni li tibqà verġni. Madankollu mill-mistoqsija magħmulha lill-anġlu joħroġ ċar li, fil-waqt tal-Annunzjazzjoni, tali  riżoluzzjoni kienet tassew soda. Marija ma toqgħodx lura milli tesprimi x-xewqa tagħha li żżomm il-verġinità tagħha ukoll fil-prospettiva tal-maternità proposta, waqt li timmanifesta li kienet ilha li mmaturat l-intenzjoni tagħha.

Infatti, l-għażla tal-verġinità ma tteħditx minn Marija fil-prospettiva, imprevedibbli, li ssir Omm Alla, imma kienet immaturat fil-kuxjenza tagħha qabel il-waqt tal-Annunzjazzjoni. Nistgħu nissopponu li tali orjentament kien dejjem preżenti f’qalbha: il-grazzja li ħejjietha għall-maternità verġinali bla dubju ta’ xejn affettwat l-iżvilupp kollu tal-personalità tagħha, waqt li l-Ispirtu Santu ma naqasx milli jispira, sa mis-snin l-iktar żagħżugħa, ix-xewqa tal-għaqda sħiħa ma’ Alla.

 3. L-għeġubijiet li Alla jopera, ukoll illum, fil-qalb u fil-ħajja ta’ tant subien u bniet, twettqu qabel xejn fir-ruħ ta’ Marija. Ukoll fid-dinja tagħna, għalkemm daqstant aljenatha mis-seħer ta’ kultura sikwit superfiċjali u konsumistika, mhumiex ftit l-adoloxxenti li jilqgħu l-istedina li  tiġi mill-eżempju ta’ Marija u jikkonsagraw iż-żgħożija tagħhom lill-Mulej u għas-servizz tal-aħwa.

Tali deċiżjoni, iktar milli ċaħda ta’ valuri umani, hija għażla ta’ valuri ikbar. Għal tali ntenzjoni, il-Predeċessur meqjum tiegħi Pawlu VI, fl-Eżortazzjoni apostolika Marialis cultus, jenfasizza kif dak li jħares b’moħħ miftuħ għax-xhieda tal-Vanġelu  «jintebaħ li l-għażla tal-istat verġinali min-naħa ta’ Marija … ma kienx att ta’ għeluq għal xi valur tal-istat matrimonjali, imma bena għażla qalbiena, mwettqa biex tikkonsagra ruħha kollha kemm hi għall-imħabba ta’ Alla ».2

L-għażla tal-istat verġinali, finalment, hija motivata mill-qbil sħiħ ma’ Kristu. Dan jirriżulta b’mod partikolari evidenti f’Marija. Għalkemm qabel l-Annunzjazzjoni ma kinitx konxja, l-Ispirtu Santu ispira l-impenn verġinali tagħha  in vista ta’ Kristu: hija tibqà verġni biex tilqà b’kollha kemm hi lill-Messija Feddej. Il-verġinità mibdija f’Marija tirrivela d-dimensjoni kristoċentrika propja, essenzjali wkoll għall-verġinità  migħuxa fil-Knisja, li ssib fl-Omm ta’ Kristu il-mudell sublimi tagħha. Jekk il-verġinità personali tagħha, marbuta mal-maternità divina, tibqà fatt eċċezzjonali, hija tillumina u tagħti sens lil kull don verġinali.

4. Fl-istorja tal-Knisja, kemm nisa żgħażagħ, waqt li jikuntemplaw in-nobiltà u s-sbuħija tal-qalb verġinali tal-Omm tal-Mulej, ħassewhom inkuraġġiti biex iwieġbu b’mod ġeneruż għas-sejħa ta’ Alla billi jħaddnu l-ideal tal-verġinita! «Propju tali verġinità – bħal ma fakkart fl-Enċiklika  Redemptoris Mater – fuq l-eżempju tal-Verġni ta’ Nażżaret, hija sors ta’ fertilità spiritwali speċjali: hija sors tal-maternità fl-Ispirtu Santu».3

 Il-ħajja verġinali ta’ Marija tqanqal fil-poplu nisrani kollu l-istima għad-don tal-verġinità u x-xewqa li timmultiplika ruħha fil-Knisja bħala sinjal tal-primat ta’ Alla fuq kull realtà u bħala antiċipazzjoni profetika tal-ħajja futura.

Niżżu ħajr flimkien lill-Mulej għal dawk li għadhom ukoll illum jikkonsagraw b’mod ġeneruż ħajjithom fil-verġinità għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla.

Fl-istess ħin, waqt li f’diversi reġġjonijiet tal-evanġelizzazzjoni antika l-edoniżmu u l-konsumiżmu donnhom jaljenaw mhux ftit żgħażagħ milli jħaddnu l-ħajja kkonsagrata,jinħtieġ li nitolbu bla ma naqtgħu lil Alla, bl-interċessjoni ta’ Marija, fjoritura ġdida ta’ vokazzjonijiet reliġjużi. Hekk il-wiċċ tal-Omm ta’ Kristu, rifless f’bosta verġni li jisfurzaw biex isegwu lill-Imgħallem divin, ikompli jkun għall-umanità s-sinjal tal-ħniena u tal-ħlewwa divina.

NOTI

1 Sant’Agostino, De sancta virg., IV, 4.
2 Paolo VI, Esortazione apostolica Marialis cultus, 37.
3 Giovanni Paolo II, Lett. enc. Redemptoris Mater, 43.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.