Quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Portu Salvu (San Duminku), il‑Belt Valletta – 8 ta’ Awwissu


Is-Sibt, 8 ta’ Awwissu 2020: Quddies fil-Festa ta San Duminku (fit-tmien ċentinarju mill-mewt tiegħu) mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Portu Salvu (San Duminku), il‑Belt Valletta …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Dawl jiddi fid-dlam” (Ġw 1:5). Meta naħseb f’San Duminku b’mod speċjali aħna u nibdew b’mod solenni llum s-sena li twassalna fis-6 ta’ Awwissu tal 2021 biex niċċelebraw b’ferħ kbir it-800 sena mill-mewt tiegħu, meta naħseb f’San Duminku faċilment jiġuni dawn il-kliem mill-ewwel kapitlu ta’ San Ġwann: “dawl jiddi fid-dlam”.

L-Evanġelista japplikahom għal Ġesù imma f’intuwizzjoni feliċi li kellha Santa Katerina ta’ Siena fid-djalogu mal-Missier, irrakuntat li l-Missier indika lil Duminku bħala xebh straordinarju addirittura fil-fattizzi tiegħu mal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Fil-Magħmudija, wara kollox Duminku, bħal kull wieħed u waħda minna, sar iben adottiv ta’ Alla. Ingħata din il-grazzja mhux mil-laħam, mhux mid-demm, mhux mis-setgħa tal-bniedem li jkun iben Alla. Hu għex il-Magħmudija tiegħu b’mod li mhux biss hu wasal bil-libsa tal-Magħmudija mingħajr tebgħa imma wassal lil ħafna biex il-libsa l-bajda tagħhom, jekk hija mtebba’ tiġi msoffija, jekk hi maħmuġa tiġi mnaddfa. U dan għamlu mhux bil-vjolenza, għalkemm fi żmienu ra ħafna vjolenza, imma għamlu f’dawk l-elementi li hu kien jammira fl-avversarju tiegħu.

Kellu l-ewwel nett preparazzjoni tajba. Qatta’ diversi snin jistudja fl-Università ta’ Palenzja li ma kinitx ’il bogħod minn Calaguera fejn twieled u fejn trabba. U dik il-preparazzjoni kienet mitqlu deheb għal Duminku Guzman. Meta mbagħad il-ħabib tiegħu, l-Isqof ta’ Osma, Diego ta’ Azavedo kellu qadja għar-re – kienet qadja simpatika imma fl-istess ħin providenzjali ħafna għal Duminku – ingħata l-inkarigu mhux faċli flimkien mal-isqof tiegħu u l-isqof għażlu bħala kumpann fil-vjaġġ biex jipprova li t-tifla tar-Re tad-Danimarka tiżżewweġ lit-tifel tar-Re Filippu. U bdew b’dan il-vjaġġ.

Waqq il-vjaġġ għaddew minn Franza tan-Nofsinhar u f’Toulouse u fl-inħawi ltaqgħu ma’ din il-ħerba li kellha timmarka wkoll il-vokazzjoni u l-missjoni ta’ Duminku. Iltaqgħu ma’ nies li kienu f’setta reliġjuża qawwija ħafna u li aħna nafuhom bħala l-Katari jew l-Albiġensi. Duminku ntlaqgħat bl-eżempju tajjeb tal-mexxejja tal-Albiġensi. Kien bniedem onest, kien jaf japprezza x’jista’ jitgħallem mill-avversarju tiegħu.

San Duminku ġġieled għal din il-fidi, għall-fidi tal-uniċità tal-persuna umana, għall-fidi tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem, miet tassew u qam mill-imwiet.

Din il-ħaġa tolqotni ħafna f’Duminku. Ma kienx jiddemonizza faċilment lill-avversarju tiegħu. Intlaqat mill-fatt li l-mexxejja tal-Albiġensi kienu nies foqra, umli, kienu dixxiplinati, kienu kasti u kienu wkoll nies mgħallma. ’Il quddiem lil sħabu kien jgħidilhom: ‘L-umiltà tirrispondi għaliha bl-umiltà. Il-faqar tirrispondi għalih bil-faqar. Id-dixxiplina u s-sobrjetà fil-ħajja, tirrispondi għalihom bid-dixxiplina u bis-sobrjetà. It-tagħlim ħażin tirrispondi għalih bit-tagħlim tajjeb’.

U f’dan kollu kellu bżonn – għax din kienet ir-riċetta ta’ San Duminku – ħafna mħabba u ħafna paċenzja. It-talba ta’ Duminku quddiem Ġesù kienet li jsawwab fil-qalb tiegħu xrara kbira ta’ mħabba. U permezz tal-imħabba tiegħu għall-avversarji tiegħu, għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu, imbagħad għal sħabu tal-Ordni Dumnikan, ġustament Duminku ta’ Guzman kien dawl jiddi fid-dlam.

Mhux ta’ b’xejn l-ikonografija tiegħu tabbinah ħafna mal-kewkba li tiddi fid-dlam, mat-torċa mqabbda li tagħti d-dawl fid-dlam. U huwa wkoll b’xi mod iben il-kewkba. Bħalma Ġesù fit-twelid tiegħu ddiet il-kewkba fuq l-għar ta’ Betlehem, fuq il-ħajja u l-missjoni ta’ Duminku, iddiet il-kewkba li hija mhux biss il-kewkba tal-fidi imma aħna faċilment nabbinawha wkoll mal-kewkba tal-baħar, mal-Istella Maris, ma’ Sidtna Marija.

Duminku f’dan il-vjaġġ hu u jgħaddi f’Toulouse, jara dawn li kienu qed jippruvaw ikunu Nsara bl-iżjed mod żbaljat u wara din il-missjoni ż-żewgt iħbieb: l-Isqof Diego ta’ Azavedo u Duminku, irrealizzaw li huma kellhom jagħmlu xi ħaġa f’Toulouse u fi Franza ta’ Nofsinhar. Imma l-ġrajja ħelwa ta’ dan iż-żwieġ li pprova jikkombina propju wrietu verament il-missjoni vera tiegħu x’kellha tkun għaliex meta t-trattattivi marru tajjeb, kellhom imbagħad imorru biex iġibu l-għarusa. Din l-imbierka għarusa mietet fit-triq u spiċċaw b’idejhom vojta. Fl-istess ħin ukoll ma kellhomx bżonn joqogħdu jirritornaw għand ir-re b’għarusa se mai ma setgħetx tiżżewweġ iżjed din l-imbierka tfajla.

Iddeċidew li jmorru Ruma. Diego ta’ Azavedo li kien isqof ried imur għand il-Papa biex jgħidlu: ‘jien ma nkomplix bħala isqof u nsir missjunarju’. U Duminku ried jagħmel l-istess. Riedu jmorru fin-Nord tal-Ewropa fejn kien hemm il-ħerba tal-paganiżmu fl-1200, 8 seklu ilu. Imma l-Papa qalilhom: ‘Le, intom tmorru fi Franza tan-Nofsinhar u tippruvaw tikkonvertu lil dawn uliedi li qabdu t-triq ħażina’. Diego ta’ Azavedo kompla bħala isqof imma Duminku għaraf il-vokazzjoni tiegħu.

Aħna biex nifhmu l-kontribut ta’ Duminku, irridu nifhmu wkoll kontra xiex il-Mulej bagħtu biex jitqabad għaliex ma kinitx faċli tkun persuna ta’ mħabba u ta’ ħlewwa qalb insulti u vjolenzi flimkien. Imma l-Albiġesi li kellhom tmexxija li kienu jammirawha n-nies għax kien naqra differenti mit-tmexxija mondana u mimlija frugħa li kienu qed jaraw fil-Knisja ta’ dak iż-żmien (mhux għax ma kompliex) irrealizza li n-nies faċilment kienu meħuda minn din l-idea li inti biex tkun spiritwali trid tiddisprezza dak kollu li hu materjali.

Il-Papa Franġisku, meta jaqra d-dinja tal-lum, iwissina kontra żewġ tentazzjonijiet – din jagħmilha b’mod qawwi anke fil-kitba tiegħu sabiha Gaudete et exsultate, ‘Ifirħu u Thennew’, dwar il-qdusija. U l-Papa juża dawn iż-żewġ labels, tikketti: in-neo Pelaġjaniżmu u n-neo Njostiċiżmu. X’inhuma dawn? Il-Pelaġjaniżmu huwa dak li inti jipperswadik li se tkun qaddis u bravu bil-qawwa tiegħek innifsek, donnok m’għandek bżonn la l-maħfra ta’ Alla u lanqas il-grazzja tiegħu. Issa aħna jekk inħarsu fil-mera jew waqt li nqaxxru l-leħja u s-sinjorini jirranġaw xagħarhom filgħodu, nirrealizzaw kemm għandna bżonn min iħenn għalina u min isalvana. L-antidotu, il-mediċina għall-Neo Pelaġjeniżmu hija t-talba li kien iħobb itenni San Ġorġ Preca, mgħammed hawn fl-1880: ‘O Ġesù, kun għalija Salvatur. Inti ssalvani, jiena għandi bżonn min isalvani’ jew inkella talba sabiħa oħra li għallimna San Ġorġ: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.

In-neo Njostiċiżmu, jgħid il-Papa Franġisku u din kienet xi ħaġa li Duminku ta’ Gużman kellu jitħabat ħafna kontriha, kienet l-idea li inti biex tersaq lejn Alla li hu spirtu, trid tiddisprezza ġismek u dak kollu li hu materjali. B’hekk inti qed tkun tiċħad il-fidi tagħna msejsa fuq din is-sentenza mill-ewwel kapitlu ta’ San Ġwann: “U l-Verb ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna, Verbum Dei caro factum est et habitavit in nobis” (Ġw 1:14).

L-Albiġesi jew il-Katari fl-idea tal-ġurifikazzjoni tagħhom – għax Katari hekk tfisser dawk li huma ppurifikati – kienu tant jiddisprezzaw il-ġisem li saħansitra wħud minnhom kienu jirrifjutaw li l-ġisem tagħhom imantnuh u jmutu bil-ġuħ. Kienu jiddisprezzaw iż-żwieġ u allura kellhom żewġ kategoriji: ta’ dawk li ma jiżżewġux forsi għax kellhom inqas problemi wkoll, u dawk li jiżżewġu għax kellhom id-dispensa, ma tistax tirranġa nqeda kif tista’. Imma mhux iż-żwieġ. U allura kienu l-kategorija, din is-setta ddisprezzata, kienu dawk li huma aggregati imma mhumiex il-perfetti.

San Duminku ġġieled din l-ereżija mhux bil-vjolenza. Sfortunatament, kif tafu, fl-istorja tal-ereżija tal-Katari u tal-Albiġensi ntużat ħafna vjolenza, ħafna vjolenza terribbli u krudili u fit-tieni perjodu tal-ħidma ta’ Duminku Guzman kien ukoll xhud ta’ din il-vjolenza. Imma l-idea tiegħu kienet li hu t-tagħlim qarrieq jissilitlu bil-verità. U għalhekk kien: “Dawl jiddi fid-dlam”.

Tiġġieled l-ideat foloz b’ideat sani, mhux bit-tgħajjir jew it-twaddib tal-ġebel jew bil-vjolenza.

Imma fuq kollox dak li jien jipprietka kien jgħixu. Meta nħarsu lejn San Duminku u nammirawh għandna bżonn nagħmlu lkoll eżami tal-kuxjenza. Nibda jien. Dak li qed nipprietkaw ngħixuh? Jew inkella aħna ukoll niddisprezzaw, jekk mhuz ġisimna kultant anke dak, niddisprezzaw lil xulxin u ninsew li l-Mulej fil-proxxmu tiegħi tani xbieha tiegħu. Għax hekk ħalaqna. Ilkoll kemm aħna maħluqin xbieha tal-Mulej.

Il-Katari tant kienu jiddisprezzaw il-ġisem li kienet għalihom impossibbli li jemmnu fil-qawmien tal-ġisem mill-imwiet, fir-reżurezzjoni. U kellhom ideat li għadhom magħna, li r-ruħ terġa’ tidħol f’xi ġisem ieħor tar-rinkarnazzjoni. Għax aħna dawn li naħsbu li huma affarijiet tal-lum, antiki ħafna. U l-fidi tagħna kellha diversi partijiet tal-Ewropa tissielet ma’ ideat li għadhom magħna sal-lum. Jekk inti tiddisprezza l-ġisem, faċli tgħid: ‘il-ġisem huwa vażun kemm iddaħħallu ruħ li tgħaddi minn ġisem għall-ieħor’. Mentri le, inti maħluq bniedem tad-demm u l-laħam, inti kapolavur tal-Mulej, irrepetibbli. Ma hawnx bħalek, inti min int.

San Duminku ġġieled għal din il-fidi, għall-fidi tal-uniċità tal-persuna umana, għall-fidi tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem, miet tassew u qam mill-imwiet. Intom tifhmu allura kemm kienet importanti, essenzjali l-missjoni ta’ San Duminku li treġġa’ populazzjonijiet sħaħ għal din il-fidi u mhux biss f’Toulouse u fi bliet oħra ta’ Franza tan-Nofsinhar imma wkoll l-Lombardia sa Bologna fejn imbagħad issetilja, fejn miet fis-6 ta’ Awwissu tal-1221.

San Duminku jekk nagħrfu għal-liema missjoni ntagħżel u kif bdiet din il-familja spiritwali. Għax f’ħajtu ma waqqafx biss l-Ordni tal-Predikaturi, imma tah il-grazzja l-Mulej li jirriforma diversi komunitajiet ta’ nisa u għalhekk waqqaf it-Tieni Ordni, waqqaf ukoll il-Militia Christi li kienu l-lajċi, bħalma qed nara ħafna minnkom, li kienu wkoll iħaddnu l-ideal tal-verità li tant kienet għal qalb Duminku. U din il-familja spiritwali kbira li intom ħafna minnkom tħossukom parti minnha, għandha messaġġ rilevanti. Mhix kwistjoni ta’ folklor jew ta’ tradizzjoni, imma għandha għeruq profondi li aħna niddefendu dan l-avveniment straordinarju li refagħna bħala bnedmin. Alla ħalaqna xbieha tiegħu, mara u raġel ħalaqna xbieha tiegħu. Aħna għandna l-ġisem li huwa maħluq minn Alla u kulma ħalaq Alla huwa tajjeb u ż-żwieġ huwa qaddis.

Din is-sena jalla tkun sena fejn l-Ordni Dumnikan jgħinna napprofondixxu l-attwalità tal-missjoni ta’ San Duminku. Ovvjament tant imbagħad ħarġu wlied għorrief ta’ San Duminku għax San Duminku qatt ma ddisprezza t-tagħlim. Għalih, kif diġà għedt, inti tiġġieled l-ideat foloz b’ideat sani, mhux bit-tgħajjir jew it-twaddib tal-ġebel jew bil-vjolenza. Kemm għandna x’nitgħallmu minn San Duminku. Aħna ħafna drabi niltaqgħu ma’ xi ħadd ma naqblux miegħu, x’nagħmlu? Ngħiruh b’dak li għandu u b’dak li m’għandux. M’hemmx għalfejn nelabora. Il-qaddisin jgħallmuna niddjalogaw ta’ nies. Il-qaddisin kienu jgħixu ta’ nies.

Waħda mill-affarijiet li tolqotni fir-rakkonti li għandna dwar San Duminku hija kemm kien bniedem ferrieħi. Jekk kien hawn qaddis li ma kellux wiċċ laskri – bir-rispett kollu lejn l-Granmastru Lascaris – kien San Duminku. Il-bijografi tiegħu jgħidu s-safa ta’ ruħu u l-ferħ tal-ispirtu tiegħu kienu jidhru fil-bixra ta’ wiċċu. Mal-aħwa tiegħu kien bniedem soċjevoli. Nimmaġinah ifaqqa’ xi daħka jew jinbex lil xi ħadd waqt l-ikel jew waqt ir-rikreazzjoni. Imma kien bniedem ukoll li kien mimli bi mħabba lejn Ġesù, għaliex inti meta tkun mimli bi mħabba lejn Ġesù, din l-imħabba timliek b’paċi kbira, timliek bil-ferħ. U dan huwa paċi u ferħ kontaġġjuż.

Ir-raġuni bil-qawwa tagħha stess tkun dawl fid-dlam.

Hux qegħdin fi żmien il-pandemija? Jekk hemm bżonn nittieħdu minn xi ħaġa, hija mill-paċi u l-ferħ ta’ San Duminku. Mhux qed ngħid ma nilbsux il-maskra, imma ejjew nitolbu lil San Duminku jagħtina dan id-dawl li fil-qalb tagħna jkebbes fina dan il-ferħ. Hi xi ħaġa li fid-djalogu tal-Missier ma’ Katerina ta’ Siena, waħda mill-ulied spiritwali tiegħu – qed ngħidu 100 sena wara – isemmihiela u allura nistgħu nifhmu li anke Ġesù stess kien bniedem simpatiku b’dik id-daħka faċli, dik it-tbissima ta’ simpatija lejn il-fraġilità u lejn id-dgħufija tagħna, ħutu l-bnedmin.

It-talba tagħna f’dan il-jum solenni. U aħna li nitgħallmu minn San Duminku napprezzaw il-ħolqien, ġisimna, is-sesswalità tagħna, l-imħabba bejn il-miżżewġin u l-imħabba wkoll tal-aħwa. U nitgħallmu li inti jekk għandek raġun, ir-raġuni kif ngħidu, m’għandhiex bżonn forza. Ir-raġuni bil-qawwa tagħha stess tkun dawl fid-dlam.

Allura bil-qalb illum aħna u nibdew din is-sena ta’ tħejjija għaċ-ċentinarju tas-sena d-dieħla, ngħajtu b’sens ta’ gratitudni lill-Mulej: Viva San Duminku!

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 52, 7-10
Salm: 95, 1-3,7-8a.10
Qari II: 2 Tim 4, 1-8
Evanġelju: Mt 5, 13-19

One thought on “Quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Portu Salvu (San Duminku), il‑Belt Valletta – 8 ta’ Awwissu”

  1. Omelija mill-isbah li smajt f`hajti. Ippreparata tassew , il-hajja ta San Duminku jafa sew l-Arcisqof. Veru hadt pjacir, prosit

Comments are closed.