6. Ir-rebħa ta’ Kristu fuq il-prinċep tad-dinja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar l-anġli. Udjenza Ġenerali –  20/08/1986.

1. Il-katekeżi tagħna dwar Alla, Ħallieq tal-affarijiet “inviżibbli”, wassluna biex indawlu u nittempraw mill-ġdid il-fidi tagħna f’dak li jirrigwarda l-verità dwar il-malizzjuż jew satana, bla dubju mhux mixtieq minn Alla,  l-ogħla mħabba u qdusija, il-Providenza għarfa u qawwija li taf tmexxi l-eżistenza tagħna għar-rebħa fuq il-prinċep tad-dlamijiet.

Il-fidi tal-Knisja nfatti tgħallimna li l-qawwa ta’ satana mhijiex infinita. Hu huwa biss krejatura, qawwija f’dak li huwa spirtu pur, imma minkejja dan dejjem krejatura, bil-limiti tal-krejatura,  suġġetta għar-rieda u d-dominju ta’ Alla. Jekk satana jopera fid-dinja minħabba l-mibegħda kontra Alla u saltnatu, dan huwa permess mill-Providenza divina li b’qawwa u bi tjubija (“fortiter et suaviter”) jiddiriġi l-istorja tal-bniedem u tad-dinja. Jekk l-azzjoni ta’ satana bla dubju tikkawża bosta ħsarat – ta’ natura spiritwali u b’mod indirett ukoll ta’ natura fiżika – lill-individwi u lis-soċjetà, huwa ma jistax jannulla l-finalità definittiva  li jżommu l-bniedem u l-ħolqien kollu, it-Tajjeb. Huwa ma jistax ifixkel il-bini tas-saltna ta’ Alla, li fiha jkollna, fl-aħħar minn l-aħħar, l-attwazzjoni sħiħa tal-ġustizzja u tal-imħabba tal-Missier lejn il-krejaturi eternament “predestinati” fl-Iben-Verb, Ġesù Kristu. Anzi nistgħu ngħidu ma’ San Pawl li l-opra tal-malizzjuż tikkontribwixxi għat-tajjeb (cf. Rm 8, 28) u li sservi biex  tibni l-glorja tal-“magħżulin” – (cf. 2 Tm 2, 10).

2. Hekk l-istorja kollha tal-umanità tistà titqies  fid-dawl tal-fidwa totali, li fiha hija miktuba r-rebħa ta’ Kristu fuq il-“prinċep tad-dinja” (Ġw 12, 31; 14, 30; 16, 11).

“Biss għall-Mulej Alla tiegħek titbaxxa, lilu biss tadura” (Lq 4, 8), jgħid b’mod  finali Kristu lil satana. F’waqt drammatiku tal-ministeru tiegħu, lil min jakkużah b’mod sfaċċat li jkeċċi x-xjaten għaliex allejat ta’ Beelzebul, kap tax-xjaten, Ġesù jwieġeb b’dak il-kliem sever u fl-istess ħin konfortanti: “Kull saltna mingħajr qbil taqà fir-rovina, u l-ebda belt jew familja li ma taqbilx ma tistà żżomm. Issa, kemm-il darba satana jkeċċi lil satana, allura huwa ma jkunx jaqbel miegħu nnifsu. Kif allura tistà qatt iżżomm s-saltna tiegħu? . . . U jekk jien inkeċċi x-xjaten bis-saħħa tal-Ispirtu ta’ Alla, allura bla ebda dubju waslet fostkom is-saltna ta’ Alla?” (Mt 12, 25-26. 28). “Meta bniedem qawwi, armat sewwa jgħasses il-palazz tiegħu, allura ġidu kollu jkun fiż-żgur. Imma jekk jasal ieħor aqwa minnu u jirbħu, jneħħilu l-armatura kollha li fuqha kien jafda u jqassam ġidu” (Lq 11, 21-22). Il-kliem ippronunzjat minn Kristu fir-rigward tat-tentatur isib it-twettiq tiegħu storiku fis-salib u fil-qawmien mill-imwiet tal-Feddej. Bħal ma naqraw fl-Ittra lil-Lhud, Kristu għamel lilu nnifsu parteċipi tal-umanità sas-salib “biex inaqqas  lin-nuqqas ta’ħila, permezz tal-mewt, lil dak li mill-mewt għandu l-poter, jiġifieri x-xitan . . .u hekk jeħles lil dawk li . . . kienu miżmuma lsiera” (Lh 2, 14-15). Din hija ċ-ċertezza l-kbira tal-fidi nisranija: “il-prinċep ta’ din id-dinja ġie ġġudikat” (Ġw 16,11); “L-Iben ta’ Alla deher biex jeqred l-opri tax-xitan” (1 Ġw 3, 8), bħal ma jixhed San Ġwann. Mela il-Kristu msallab u rxuxtat irrivela ruħu bħala dak “iktar qawwi” li rebaħ lill-“bniedem qawwi”, ix-xitan u neħħih minn fuq it-tron.

Għar-rebħa ta’ Kristu fuq ix-xitan tieħu sehem il-Knisja: infatti Kristu ta’ lid-dixxipli tiegħu s-setgħa li jkeċċu x-xjaten (cf. Mt 10, 1 u par. Mk 16, 17). Il-Knisja teżerċita tali setgħa rebbieha permezz tal-fidi fi Kristu u bit-talb (cf. Mk 9, 29; Mt 17, 19-20), li f’każi speċifiċi tistà tassumi l-forma tal-eżorċiżmu.

3. F’din il-fażi storika tar-rebħa ta’ Kristu  issib postha l-aħbar u l-bidu tar-rebħa finali, il-“parusia”, it-tieni u definittiva miġja ta’ Kristu, fit-tmiem tal-istorja, lejn liema hija mmirata l-ħajja tan-nisrani. Ukoll jekk hu minnu li l-istorja terrena tkompli tiżvolġi ruħha taħt l-influss ta’ “dak l-ispirtu li – kif jgħid San Pawl – issa jopera fil-bnedmin ribelli” (Ef 2, 2), dawk li jemmnu jafu li jkunu msejħa biex jitqabdu għar-rebħa finali tat-Tajjeb: “infatti l-battalja tagħna mhix kontra l-krejaturi magħmulin mid-demm u l-laħam, iżda kontra l-Prinċipati u l-Potestajiet, kontra d-dominaturi ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti tal-ħażen li jgħammru fir-reġġjuni ċelesti” (Ef 6, 12).

4. It-taqbida, iktar ma joqrob it-tmiem, issir f’ċertu sens iktar vjolenti, bħal ma jindika l-Apokalissi, l-aħħar ktieb tat-Testment il-Ġdid (cf. Ap 12, 7-9). Imma propju dan il-ktieb jenfasizza ċ-ċertezza li ngħatathilna mir-rivelazzjoni divina kollha: li jiġifieri t-taqbida tintemm bir-rebħa definittiva tat-tajjeb. F’dik ir-rebħa, prekontenuta fil-misteru paskwali ta’ Kristu,  titwettaq l-ewwel aħbar tal-Ktieb tal-Ġenesi, li b’terminu sinifikattiv huwa msejjaħ protovanġelu, meta Alla jwissi lis-serp: “Jien nqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara” (Ġen 3, 15). F’dik il-fażi definittiva Alla, waqt li jtemm il-misteru tal-Providenza paterna tiegħu, “jeħles mill-poter tad-dlamijiet” lil dawk li huwa eternament “ippredestina fi Kristu” u “jittrasferihom fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż” (cf. Kol 1, 13-14). Allura l-Iben jissottometti lill-Missier ukoll l-univers kollu kemm hu, sabiex Alla jkun kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28).

5. Hawn jikkonkludu ruħhom il-katekeżi dwar Alla Ħallieq tal-“affarijiet viżibbli u inviżibbli”, magħqudin fl-impostazzjoni tagħna mal-verità dwar il-Providenza divina. Jidher evidenti għall-għajnejn ta’ dawk li jemmnu li l-misteru tal-bidu tad-dinja u tal-istorja jerġà jorbot lilu nnifsu b’mod li ma jinħallx mal-misteru tat-tmiem, li fih  l-iskop tal-ħolqien kollu jilħaq it-twettiq tiegħu. Il-Kredu, li jgħaqqad b’mod hekk organiku tant veritajiet, huwa tassew il-katidral armonjuż tal-fidi.

B’mod progressiv u organiku stajna nammiraw mistagħġbin il-misteru kbir tal-intelliġenza u l-imħabba ta’ Alla, fl-azzjoni ħallieqa tiegħu, lejn il-kożmu, lejn il-bniedem, lejn id-dinja tal-ispirti puri. Ta’ tali azzjoni ikkunsidrajna l-matriċi trinitarja, il-finalizzazzjoni għarfa lill-ħajja tal-bniedem, tassew “xbiha ta’ Alla”,  min-naħa tiegħu msejjaħ biex jerġà jsib pjenament id-dinjità tiegħu fil-kontemplazzjoni tal-glorja ta’ Alla. Irċivejna dawl dwar waħda mill-problemi massimi li jinkwetaw lill-bniedem u  li jikkaratterizzaw it-tiftix tiegħu tal-verità: il-problema tat-tbatija u tal-ħażen.  Fl-għeruq ma hemm ebda deċiżjoni żbaljata jew krudila ta’ Alla, iżda l-għażla tiegħu, u f’ċertu sens ir-riskju tiegħu, li joħloqna liberi biex inkunulu ħbieb. Mil-libertà twieled ukoll il-ħażen. Imma Alla ma jagħtix ruħu b’mirbuħ, u bl-għerf traxxendentali tiegħu, waqt li jippredestinana biex inkunu wliedu fi Kristu, jiddirieġi kollox b’qawwa u ħlewwa, sabiex it-tajjeb ma jkunx mirbuħ mill-ħażin.

Issa jeħtieġ li nħallu lilna nfusna niġu ggwidati mir-rivelazzjoni divina fl-esplorazzjoni ta’ misteri oħra tal-fidwa tagħna. Intant ilqajna verità li għandha tkun għal qalb kull nisrani: bħal ma jeżistu xi spiriti puri, krejaturi ta’ Alla, inizjalment kollha tajbin, u mbagħad b’għażla ta’ dnub, mifrudin b’mod irriduċibbli  f’anġli tad-dawl u f’anġli tad-dlam.  U waqt li l-eżistenza tal-anġli l-ħżiena titlob minna s-sens tal-għassa biex ma nċedux għall-ftaħir xejn sinċier tagħhom, aħna ċerti li l-qawwa rebbieħa tal-Kristu Feddej iddawwar ħajjitna sabiex inkunu aħna nfusna rebbieħa. F’dan inkunu mgħejjuna b’mod validu mill-anġli t-tajbin, messaġġiera tal-imħabba ta’ Alla, li lilhom, imgħallma mit-tradizzjoni tal-Knisja, nindirizzaw it-talba tagħna: “Anġlu t’Alla, li lilek ġejt afdat mill-ħniena ċelesti, li inti l-għassies tiegħi, dawwalni, għassisni, mexxini u ħarisni. Ammen”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.