Ġesù huwa l-mudell tagħna


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – Castel Gandolfo – L-Erbgħa, 17 ta’ Awissu 1988

62. Ġesù huwa l-mudell tagħna.

  1. Fl-iżvilupp gradwali tal-katekeżi dwar it-tema tal-missjoni ta’ Ġesù Kristu, rajna li huwa hu dak li jwettaq il-ħelsien tal-bniedem permezz tal-verità tal-Vanġelu tiegħu, li l-kelma aħħarija u definittiva tiegħu hija s-salib u l-qawmien mill-imwiet. Kristu jeħles il-bniedem mill-jasar tad-dnub u jirregalalu ħajja ġdida permezz tas-sagrifiċċju paskwali tiegħu. Il-fidwa saret ħolqien ġdid. Mis-sagrifiċċju feddej u mill-qawmien mill-imwiet tal-Feddej tibda “umanità ġdida”. Alla waqt li jilqà s-sagrifiċċju ta’ Kristu, “joħloq” il-bniedem il-ġdid “fil-ġustizzja u fil-qdusija vera” (Ef4, 24): lil-bniedem li jsir adoratur ta’ Alla “fi spirtu u verità” (Ġw 4, 23).

Fil-figura storika iegħu Ġesù Kristu għandu għal dan “il-bniedem ġdid” is-sinifikat ta’ mudell perfett – jiġifieri tal-ideali. Dak, li fl-umanità propja tiegħu kien ix-“xbiha” perfetta “tal- Alla nviżibbli”  (Kol 1, 15), isir permezz tal-ħjja terrena tiegħu – permezz ta’ dak kollu li “għamel u għallem” (At 1, 1) – u speċjalment permezz tas-sagrifiċċju – mudell inviżibbli għall-bnedmin. Il-mudell l-iktar perfett.

  1. Nidħlu hawn fil-qasam tat-tema tal-“imitazzjoni ta’ Kristu” li hija b’mod ċar preżenti fit-testi evanġeliċi u f’kitbiet oħra apostoliċi, ukoll jekk il-kelma “imitazzjoni” ma tidhirx fil- vanġeli. Ġesù jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex “isegwuh (Grieg [terminu Grieg]) (cf.Mt16, 24), “”Jekk xi ħadd irid jiġi warajja jiċħad lilu nnifsu, jerfà salibu u jimxi warajja” (cf. ukoll Ġw 12, 26).

F’Pawlu biss insibu din il-kelma, meta l-Appostlu jikteb: “Imitawni, bħal ma jien jien ta’ Kristu” (Grieg [terminu Grieg]) (1 Kor 11, 1). U band’oħra: “U intom sirtu imitaturi tagħna u tal-Mulej, billi lqajtu l-kelma bil-ferħ tal-Ispirtu Santu ukoll f’nofs it-taħbit il-kbir” (1 Ts 1, 6).

  1. Imma jeħtieġ nosservaw li l-kelma “imitazzjoni” mhix l-iktar ħaġa mportanti hawn. Importantissimu huwa l-fatt, sottomess għaliha: jiġifieri, li l-ħajja kollha hija opra ta’ Kristu, inkurunata mis-sagrifiċċju tas-salib, imwettaq għall-imħabba, “għall-aħwa”, jibqà mudell li jibqà u ideali. Imexxi mela u jħeġġeġ mhux biss biex nagħrfu imma wkoll u b’mod speċjali biex nimitaw. Ġesù nnifsu, mill-bqija, jgħid fiċ-ċenaklu, wara li kien ħasel riġlejn l-appostli: “Tajtkom infatti l-eżempju, sabiex bħal ma għamilt jien, hekk ukoll tagħmlu intom” (Ġw 13, 15).

Il-kelma ta’ Ġesù ma tirreferix biss għall-ġest tal-ħasil tar-riġlejn, imma, permezz ta’ tali ġest, għall-ħajja kollha tiegħu, meqjusa servizz umli. Kull dixxiplu jiġi mistieden biex isegwi l-passi ta’ Bin il-bniedem”, li “ma ġiex biex ikun moqdi, imam biex jaqdi u jagħti ħajtu b’rahan għall-folla” (Mt 20, 28). Huwa propju fid-dawl, ta’ dan il-faqar, finalment ta’ dan is-sagrifiċċju, li l-“imitazzjoni” ta’ Kristu ssir esiġenza għad-dixxipli u s-segwaċi kollha tiegħu. Issir f’ċertu sens l-“istruttura li ġġorr it-tagħbija” tal-“ethos” evanġeliku, Kristjan.

  1. Propju f’dan jikkonsisti dak il-“ħelsien” għall-ħajja l-ġdida, li dwaru tkellimna fil-katekeżi preċedenti. Kristu ma ttrażmettiex lill-umanità “tejorija” tal-għaġeb biss, imma rrivela f’liema sens u f’liema direzzjoni wieħed għandu jwettaq it-trasformazzjoni feddejja tal-bniedem “il-qadim” – il-bniedem tad-dnub – fil-bniedem il-“ġdid”. Din it-trasformazzjoni eżistenzjali, u b’konsekwenza morali, trid tasal biex tikkonferma l-bniedem ma’ dak il-“mudell” oriġinalissimu, skont liema huwa kien maħluq. Għal esseri maħluq biss “xbiha u xebħ ta’ Alla” jistà jkun indirizzat il-kliem li naqraw fl-ittra lill-Efesin: “Kunu mela imitaturi ta’ Alla bħala wlied għeżież, u imxu fil-karità, fil-mod li wkoll Kristu ħabbkom u ta lilu nnifsu għalina billi offra lilu nnifsu lil Alla f’sagrifiċċju” (Ef 5, 1-2).
  2. Kristu mela huwa l-mudell fit-triq ta’ din l-“imitazzjoni ta’ Alla”. Fl-istess ħin huwa hu biss li jirrendi realizzabbli din l-imitazzjoni, meta, permezz tal-fidwa joffrilna l-parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ Alla. F’dan il-punt Kristu jsir mhux biss il-mudell perfett, imam l-mudell effettiv. Ir-rigal, jiġifieri l-grazzja tal-ħajja divina, bl-opra tal-misteru paskwali tal-fidwa jsir l-għerq stess tax-xebħ il-ġdid ma’ Alla fi Kristu, u allura huwa wkoll l-għerq tal-imitazzjoni ta’ Kristu bħala mudell perfett.
  3. Minn dan il-fatt toħroġ il-qawwa u u l-eżortazzjoni effikaċi tagħhom bħal dik ta’ San Pawl (lill-Filippin): “Jekk hemm . . . xi konsolazzjoni fi Kristu, jekk hemm  serħan li jiġi mill-karità, jekk hemm xi komunanza ta’ spirtu, jekk hemm sentimenti ta’ mħabba u ta’ ħniena, irrendu sħiħ il-ferħ tiegħi mal-għaqda tal-ispirti tagħkom, bl-istess karità, bl-istess sentimenti. La tagħmlu xejn bi spirtu ta’ rivalità jew ta’ vanaglorja, imma kull wieħed minnkom bl-umiltà kollha, jqis l-oħrajn superjuri għalih. La tfittxux kull wieħed minnkom l-interessi tagħkom, imma wkoll dak tal-oħrajn” (Fil 2, 1-4).
  4. Fejn tagħmel referenza tali “digressjoni”? Fejn jagħmlu referenza tali eżortazzjonijiet u tali esiġenzi magħmula lill-Filippin? It-tweġiba kollha tinsab fil-vrus suċċessivi tal-ittra: “Tali sentimenti . . . kienu ta’ Ġesù Kristu . . . u għandkom fikom l-istess sentimenti” (cf.Fil 2, 5). Kristu, infatti, “waqt li assuma l-kundizzjoni ta’ qaddej umilja lilu nnifsu billi għamel lilu nnifsu ubbidjenti sal-mewt u sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 7-8).

L-Appostlu jmiss dak li jikkostitwixi l-punt ċentrali u nevralġiku tal-opra kollha tal-fidwa, mwettqa minn Kristu. Hawn tinsab ukoll il-milja tal-mudell feddej għall-kull wieħed mill-mifdija. Hawn huwa l-punt kulminanti tal-imitazzjoni tal-Imgħallem. L-istess prinċipju ta’ imitazzjoni nsibu mħabbar ukoll fl-ittra ta’ San Pietru: “Imma jekk waqt li nagħmlu l-ġid nissaportu bis-sabar t-tbatija, dan ikun  milqugħ quddiem Alla. Infatti għal dan kontu msejħin, ġaladarba wkoll Kristu bata għalikom, waqt li ħallielkom eżempju, sabiex tkunu tistgħu ssegwu l-passi tiegħu” (1 Pt 2, 20-21).

  1. Fil-ħajja umana t-tbatija għandha s-sinifikat ta’ prova morali. Dan ifisser speċjalment prova tal-qawwiet tal-ispirtu uman. Tali prova għandha sinifikat “liberatorju”: hija teħles il-qawwiet moħbija tal-ispirtu, tippermettilhom juru ruħhom, u fl-istess ħin issir okkażjoni ta’ purifikazzjoni nterna. Hawn japplika l-kliem tal-parabbola tad-dielja u ż-żraġen proposta minn Ġesù meta jippreżenta lill-Missier bħala dak li jikkoltiva l-għalqa tad-dwieli: “Kull żarġun li fija ma jagħmilx frott jiżbru sabiex jagħmel iktar frott” (Ġw15, 2). Dak il-frott infatti, jiddependi milli jibqà (bħaż-żraġen) fi Kristu, id-dielja, fis-sagrifiċċju feddej tiegħu, ġaladarba “mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn” (cf. Ġw 15, 5). Mill-banda l-oħra, bħal ma  jiddikjara l-appostlu Pawlu: “Kollox nistà f’dak li jagħtini l-qawwa” (Fil 4, 13). U Ġesù stess jgħid: “Min jemmen fija, iwettaq l-opri li nwettaq jien” (Ġw 14, 12).
  2. Il-fidi f’din il-qawwa trasformatriċi ta’ Kristu fir-rigward tal-bniedem għandha l-għeruq profondi tagħha fl-pjan etern ta’ Alla dwar l-fidwa umana: “Dawk li hu (Alla) minn dejjem għaraf huwa wkoll ippredestinahom biex ikunu konformi max-xbiha ta’ Ibnu, għaliex hu l-primoġenitu fost ħafna aħwa” (Rm8, 29). F’din id-direzzjoni il-Missier “jiżbor” kull żarġun, bħal ma naqraw fil-parabbola (Ġw15, 2). U għal din it-triq iwettaq it-trasformazzjoni gradwali tan-nisrani skont il-mudell ta’ Kristu, sal-punt li fih, “waqt li nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, niġu mibdula f’dik l-istess xbiha, ta’ ġlorja fi ġlorja, skont l-azzjoni tal-Ispirtu tal-Mulej”. Hekk jgħid l-Appostlu fit-tieni ittra lill-Korintin, (2 Cor 3, 18).
  3. Dan huwa process spiritwali, li minnu toħroġ il-ħajja; u, f’tali process, hija l-mewt ġeneruża ta’ Kristu li ġġib il-frott, waqt li tintroduċina fid-dimensjoni paskwali tal-qawmien mill-imwiet tiegħu. Dan jiġi mibdi f’kull wieħed minna mill-Magħmudija, sagrament tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, bħal ma naqraw fl-ittra lir-Rumani: “Permezz tal-Magħmudija ġejna mela midfuna flimkien miegħu fil-mewt, sabiex bħal ma Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nistgħu nimxu f’ħajja ġdida” (Rm6, 4). Minn dak il-waqt il-proċess ta’ din il-bidla feddejja fi Kristu tiżviluppa lilha nfisha fina “sakemm ilkoll naslu . . . għall-istat ta’ bniedem perfett, fil-qies li jixraq lill-maturità sħiħa ta’ Kristu” (Ef 4, 13).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb