Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 30 ta’ Novembru 1988

73. Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

  1. Skond is-sinottiċi, Ġesù fuq is-Salib għajjat darbtejn (cf.Mt27, 46-50; Mk 15, 34-37); dwar it-tieni għajta Luqa biss  (Lq 23, 46) jesprimi l-kontenut. Fl-ewwel għajta jesprimu ruħhom il-profondità u l-intensità tat-tbatija ta’ Ġesù, is-sehem intern tiegħu, l-ispirtu ta’ oblazzjoni tiegħu, u forsi wkoll il-qari profetiku-messjaniku li huwa jagħmel fuq id-dramm tiegħu fuq it-traċċi ta’ salm bibbliku. Bla dubju l-ewwel għajta timmanifesta s-sentimenti ta’ deżolazzjoni u ta’ abbandun maħsusa minn Ġesù bl-ewwel kliem tas-salm 22 [21[: “Fit-tlieta Ġesù għajjat b’leħen għoli: «Eloì, Eloì, lemà sabactàni?», li jfisser: «Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?»” (Mk 15, 34; cf. Mt 27, 46).

Marku jerġà jġib il-kliem bl-aramajk. Wieħed irid jissopponi li dik l-għajta dehret talment karatteristika li x-xhieda li semgħu b’widnejhom il-fatt, meta jirrakkontaw id-dramm tal-Kalvarju, sabuha opportuna li jirrepetu l-kliem stess ta’ Ġesù bl-aramajk, il-lingwa mitkellma minnu u mill-biċċa l-kbira tal-Iżraeliti ta’ żmienu. Lil Marku, dan il-kliem jistà jkun li rriferihulu Pietru, bħal ma seħħ bil-kelma “Abba” = Missier (cf. Mk 14, 36) fit-talb tal-Ġetsemani.

  1. Li fl-ewwel għajta tiegħu Ġesù uża l-kliem inizjali tas-salm 22[21] huwa sinifikattiv għal diversi raġunijiet. Fl-ispirtu ta’ Ġesù li kien soltu jitlob waqt li jsegwi t-testi sagri tal-poplu tiegħu, kellu jkun depożitat bosta minn dak il-kliem u sentenzi li b’mod partikolari kien jimpressjonah, għaliex kien jesprimi aħjar il-bżonn u l-inkwiet tal-bniedem quddiem Alla u b’xi mod kien jirreferi għall-kondizzjoni ta’ dak li kellu jitgħabba bl-inikwitajiet kollha tagħna (cf.53, 11).

Għalhekk fis-siegħa tal-Kalvarju kienet ħaġa spontanja għal Ġesù li jagħmel użu minn dik il-mistoqsija li s-salmista jagħmel lil Alla meta jħossu  mgħaffeġ mit-tbatijiet. Imma fuq fommu l-“għaliex” indirizzata lil Alla kienet ukoll iktar effikaċi fl-espressjoni ta’ stagħġib muġugħ għal dik it-tbatija li ma kellhiex spjega sempliċement umana, imma kienet tikkostitwixxi misteru li tiegħu l-Missier biss kellu ċ-ċavetta. Minħabba dan, minkejja t-twelid mit-tifkira tas-salm moqri jew irreċitat fis-sinagoga, il-mistoqsija kienet tiġbor fiha sinifikat tejoloġiku fir-rigward tas-sagrifiċċju, permezz ta’ liema Kristu kellu, b’solidarjetà sħiħa mal-bniedem midneb, jisperimenta fih l-abbandun ta’ Alla. Taħt l-influss ta’ din l-esperjenza interna tremenda, Ġesù agonizzant isib il-qawwa biex jesplodi f’dik il-għajta!

U f’dik l-esperjenza, f’dik il-għajta, f’dik il-“għaliex” indirizzata lis-sema, Ġesù jistabilixxi wkoll mod ġdid ta’ solidarjetà magħna, li wasalna hekk spiss biex ngħollu għajnejna u fommna lejn is-sema, biex nesprimu l-karba tagħna u xi wħud saħansitra d-disperazzjoni tagħhom.

  1. Imma waqt li nisimgħu lil Ġesù jippronunzja l-“għaliex” tiegħu, nitgħallmu li, iva, ukoll il-bnedmin li jbatu jistgħu jippronunzjawha, imma f’dawk l-istess dispożizzjonijiet ta’ fiduċja u ta’ abbandun filjali, li tagħhom Ġesù huwa għalina surmast u mudell. Fil-“għaliex” ta’ Ġesù, mhemm ebda sentiment jew risentiment li jwassal għal rewwixta, jew li jwassal għad-disperazzjoni: mhemmx id-dell ta’ ċanfira ndirizzatha lill-Missier, imma l-espressjoni ta’ fraġilità, ta’ solitudni, ta’ abbandun tiegħu nnifsu, mwettaq minn Ġesù minflokna: minnu li hekk isir l-ewwel fost l-“umiljati u l-offiżi”, l-ewwel fost l-abbandunati, l-ewwel fost id-“desemparados” (kif isejħulhom l-Ispanjoli), iżda li fl-istess ħin jgħidilna li fost dawn l-ulied fqajrin ta’ Eva tgħasses l-għajn ħanina tal-Providenza sokkorratriċi.
  2. Fir-realtà, Jekk Ġesù jħoss is-sentiment li kien abbandunat mill-Missier, huwa iżda jaf li minn dan ma kien xejn. Huwa stess kien qal:: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw10, 30), u waqt li jitkellem dwar il-passjoni futura tiegħu: “Jien miniex waħdi għaliex il-Missier huwa miegħi” (Ġw16, 32). Fuq il-quċcata tal-ispirtu tiegħu Ġesù għandu ċara l-viżjoni ta’ Alla u ċ-ċertezza tal-għaqda mal-Missier. Imma fiż-żoni li jmissu mas-sensibiltà u allura iktar suġgetti għall-impressjonijiet, emozzjonijiet u riperkussjonijiet tal-esperjenzi dolorużi interni u esterni, r-ruħ umana ta’ Ġesù hija ridotta għal deżert, u hu ma jħossx iktar il-“preżenza” tal-Missier, imma jġarrab l-esperjenza traġika tal-iktar deżolazzjoni sħiħa.
  3. Hawn wieħed jistà jpinġi kwadru sommarju ta’ dik is-sitwazzjoni psikoloġika ta’ Ġesù fir-rapport ta’ Alla.

Il-ġrajjiet esterni donnhom juru n-nuqqas tal-Missier, li jħalli jissallab lil Ibnu, minkejja li jiddisponi minn “leġġjuni ta’ anġli” (cf. Mt 26, 53), mingħajr ma jinterveni biex jimpedixxi l-kundanna u l-mewt tiegħu u t-tortura tiegħu. Fl-Ort taż-Żebbuġ Xmun Pietru kien silet xabla biex jiddefendih, dlonk safa mwaqqaf minn Ġesù nnifsu (cf. Ġw 18, 10 s); fil-pretorju, Pilatu ripetutament kien ipprova manuvri diversivi biex isalvah (cf. Ġw 18, 31-38 s;19, 4-6, 12-15); imma il-Missier, issa, jiskot. Dak is-skiet ta’ Alla jimponi fuq l-agonizzant bħall-itqal piena, tant li l-avversarji ta’ Ġesù jqisu dak is-skiet bħala diżapprovazzjoni tiegħu: “Fada f’Alla; jeħilsu hu issa, jekk iridlu l-ġid, ġaladarba qal: jiena Bin Alla!” (Mt 27, 43).

Fl-isfera tas-sentimenti u tal-affezzjoni, dan is-sens tan-nuqqas u tal-abbandun ta’ Alla kien piena itqal għar-ruħ ta’ Ġesù, li jikseb il-qawwa u l-ferħ tiegħu mill-għaqda mal-Missier. Din il-piena webbset t-tbatijiet l-oħra kollha. Dak in-nuqqas ta’ konfort intern kien l-ikbar tortura tiegħu.

  1. Imma Ġesù kien jaf li b’din il-fażi esterna tas-sagrifiċċju tiegħu, li laħqet il-fibri intimi tal-qalb, huwa kien qed itemm l-opra ta’ riparazzjoni li kienet l-iskop tas-sagrifiċċju tiegħu għar-riparazzjoni tad-dnubiet. Jekk id-dnub huwa separazzjoni minn Alla, Ġesù kellu jħoss fil-kriżi tal-għaqda tiegħu mal-Missier, tbatija proporzjonata għal dik is-separazzjoni.

Minn band’oħra waqt li kkwota l-bidu tas-salm 22[21], li forsi kompla jgħid mentalment tul il-passjoni, Ġesù ma injorax il-konklużjoni, li tinbidel f’innu ta’ liberazzjoni u fi tħabbira ta’ fidwa moghtija minn Alla lil kulħadd. L-esperjenza tal-abbandun hija mela piena li tgħaddi, li ċċedi postha għall-liberazzjoni personali u għall-fidwa universali. Fir-ruħ muġugħa ta’ Ġesù tali prospettiva żgur li żiedet it-tama, tant li hu dejjem ippreżenta mewtu bħala passaġġ għall-qawmien mill-imwiet, bħala l-vera glorifikazzjoni tiegħu. U għal dan il-ħsieb ruħu tergà tieħu r-ruħ u l-ferħ billi tħoss li hi fil-qrib, propju fil-quċċata tad-dramm tas-salib, is-siegħa tar-rebħa.

  1. Madankollu ftit wara, forsi minħabba l-influss tas-salm 22[21], li jerġà jiffjorixxi fil-memorja tiegħu, Ġesù joħroġ b’dan il-kliem: “Għandi l-għatx” (Ġw19, 28).

Wieħed jistà jifhem sewwa li b’dan il-kliem Ġesù ried ifisser l-għatx fiżiku, minħabba t-tbatija li kienet parti mill-piena tal-kruċifissjoni, bħal ma jispjegaw l-istudjużi ta’ dawn il-meterji.

Wieħed jistà jżid ukoll li fil-wiri tal-għatx tiegħu Ġesù ta’ prova ta’ umiltà, billi esprima bżonn fiżiku elementari, bħal ma kien jagħmel kulħadd. Ukoll f’dan Ġesù jagħmel u juri ruħu solidali ma’ dawk kollha li, ħajjin jew qed imutu, b’saħħithom jew morda, żgħar jew kbar, għandhom bżonn u jitolbu almenu ftit ilma . . . (cf. Mt 10, 42). Għalina huwa sabiħ naħsbu li kull għajnuna mogħtija lil wieħed qed imut, hija mogħtija lil Ġesù msallab!

  1. Imma ma nistgħux ninjoraw in-nota tal-evanġelista, li jikteb li Ġesù ħareġ b’tali espressjoni – “Għandi l-għatx” – “biex iwettaq l-Iskrittura” (Ġw19, 28). Ukoll f’tali kliem ta’ Ġesù hemm dimensjoni oħra, barra minn dik fiżiko-psikoloġika. Ir-referenza hija mill-ġdid għas-salm 22 [21]: “Huwa niexef bħall-fuħħar is-saqaf ta’ ħalqi, ilsieni mwaħħal ma’ gerżumti, fuq trab il-mewt iddepożitajtni” (Sal 22 [21], 16). Ukoll fis-salm 69 (68), 22 naqraw: “Meta kelli l-għatx tawni l-ħall”.

Fil-kliem tas-salmista dan ifisser l-għatx fiżiku, imma fuq xuftejn Ġesù din terġà tidħol fil-prospettiva messjanika tat-tbatija tas-salib. Fil-għatx tiegħu il-Kristu agonizzant ifittex sewwa xarba oħra minn l-ilma u l-ħall: bħal meta fuq il-bir ta’ Sikar kien talab lis-Sammaritana: “Tini nixrob” (Gv 4, 7). Il-għatx fiżiku, dakinhar, kien simbolu u mezz ta’ għatx ieħor: dak tal-konverżjoni ta’ dik il-mara. Issa, fuq is-salib, Ġesù għandu l-għatx ta’ umanità ġdida, li għandha toħroġ mis-sagrifiċċju tiegħu, fit-twettiq tal-Iskritturi. Minħabba dan l-evanġelista jorbot l-“għajta għall-għatx” ta’ Ġesù mal-Iskritturi. Il-għatx tas-salib, fuq fomm il-Kristu agonizzant, huwa l-aħħar espressjoni ta’ dik ix-xewqa tal-magħmudija li nirċievu u tan-nar li jħeġġeġ fuq l-art, li kien intwera minnu f’ħajtu. “Jien ġejt biex inġib in-nar fuq l-art; u kemm nixtieq li kien diġa qabad! Hemm magħmudija li rrid nirċievi, u kemm jien inkwetat, sakemm ma tkunx seħħet!” (Lq 12, 49-50). Issa di ix-xewqa waslet biex isseħħ, u b’dak il-kliem Ġesù jwettaq l-imħabba tħeġġeġ  li biha ried jirċievi dik il-“magħmudija” suprema biex jiftaħ għalina lkoll is-sors tal-ilma li tassew jaqtà l-għatx u jsalva (cf. Ġw 4, 13-14).

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb