L-aħħar kliem ta’ Kristu fuq is-Salib


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 7 ta’ Diċembru 1988

74. L-aħħar kliem ta’ Kristu fuq is-Salib

  1. “Kollox mitmum” (Ġw19, 30). Skont il-Vanġelu ta’ Ġwanni, Ġesù ippronunzja dan il-kliem ftit qabel ma miet. Kien tal-aħħar. Dan juri il-koxjenza tiegħu li esegwa sal-aħħar l-opra li għaliha kien mibgħut f’din id-dinja (cf.Ġw 17, 4). Attenti: mhix tant il-koxjenza li wettaq il-proġetti tiegħu, daqs kemm li wettaq ir-rieda tal-Missier fl-ubbidjenza spinta sas-sagrifiċċju sħiħ tiegħu nnifsu fuq is-salib. Diġa għal dan biss Ġesù agonizzant jidher quddiemna bħala l-mudell ta’ dak li għandha tkun il-mewt ta’ kull bniedem: il-konklużjoni tal-opra mogħtija lil kull wieħed u waħda għat-twettiq tal-pjani divini. Skont il-kunċett nisrani tal-ħajja u tal-mewt, il-bnedmin sal-waqt tal-mewt huma msejħin biex iwettqu r-rieda tal-Missier, u l-mewt hija l-aħħar att, dak definittiv u deċiżiv, tat-twettiq ta’ din ir-rieda . Ġesù jgħallem dan minn fuq is-salib.
  2. “Missier, f’idek nerħi ruħi” (Lq23, 46). B’dan il-kliem Luqa jfisser il-kontenut tat-tieni għajta li Ġesù għajjat ftit qabel ma miet (cf.Mk 13, 37; Mt 27, 50). Fl-ewwel għajta huwa kien lissen: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mk 15, 34; Mt 27, 46). Dan il-kliem huwa komplut b’dak l-ieħor, li jikkostitwixxi l-frott ta’ riflessjoni interna immaturata fit-talb. Jekk għal waqt Ġesù bata s-sensazzjoni tremenda li kien abbandunat mill-Missier, issa ruħu tirrejaġixxi bl-uniku mod li, kif hu jaf tajjeb, jixraq lil bniedem, li fl-istess ħin huwa wkoll l- “Iben għażiż” ta’ Alla: l-abbandun totali f’idejh..

Ġesù jesprimi dan is-sentiment bi kliem li jappartjeni lis-salm 31 – 30: is-salm tal-bniedem imġarrab li jipprevedi l-liberazzjoni tiegħu u jiżżi ħajr lil Alla li wasal biex iwettaqha: “Nerħi ruħi f’idejk: inti  tifdina” (Sal 31 [30], 6). Ġesù fl-agunija ċara tiegħu qiegħed jiftakar  jlaqlaq ukoll xi versett ta’ dak is-salm, spiss reċitat tul ħajtu. Imma, skont ir-rakkont tal-evanġelista, dak il-kliem fuq fomm Ġesù jieħu valur ġdid.

  1. Bl-invokazzjoni “Missier” (“Abba”), Ġesù jagħti lill-abbandun tiegħu f’idejn il-Missier aċċenn ta’ fiduċja filjali. Ġesù jmut bħal iben. Imut f’konformità perfetta max-xewqa tal-Missier, għall-iskop tal-imħabba li l-Missier afdalu u li l-Iben jaf sewwa.

Fil-prospettiva tas-salmista l-bniedem, milqut mill-isventura u  mġarrab min-niket, jerħi mill-ġdid l-ispirtu tiegħu f’idejn Alla biex jaħrab mill-mewt li qiegħda theddu. Ġesù, iżda, jaċċetta l-mewt u jerħi l-ispirtu tiegħu f’idejn il-Missier biex  jiċċertifikalu l-ubbidjenza tiegħu u jurih il-fiduċja tiegħu għal ħajja ġdida. L-abbandun tiegħu huwa mela iktar mimli u iktar radikali, iktar awdaċi, iktar definittiv, iktar mimli bir-rieda sagrifikali.

  1. Barra minn dan din l-aħħar għajta hija tkomplija tal-ewwel, bħalma nnotajna sa mill-bidu. Nerġgħu naqbdu ż-żewġ testi u naraw x’jirriżulta mit-taqbil tagħhom. L-ewwelnett taħt l-aspett sempliċement lingwistiku u kważi semantiku.

It-terminu “Alla” tas-salm 22-21 huwa mifhum, fl-ewwel għajta, bħala invokazzjoni li tistà tfisser telfien tal-bniedem fix-xejn tiegħu quddiem l-esperjenza tal-abbandun min-naħa ta’ Alla, ikkunsidrat fit-traxendenza tiegħu u kważi sperimentat fi stat ta’ “separazzjoni” (il-“Qaddis”, l-Etern, l-Immutabbli). Fil-għajta suċċessiva Ġesù jirrikorri għas-salm 31 – 30, billi jinqeda bl-invokazzjoni lil Alla bħala Missier (“Abba”), appellattiv li huwa abitwali għalih u li fih jesprimi sewwa l-familjarità ta’ bidla ta’ mħabba paterna u ta’ atteġġjament filjali.

U barra minn hekk: fl-ewwel għajta ukoll Ġesù jimponi “għaliex” lil Alla, bla dubju b’ċertu rispett rofond għar-rieda tiegħu, għall-qawwa tiegħu, għall-kobor infinit tiegħu, imma mingħajr ma jesprimi s-sens ta’ dwejjaq umani li ma tistax ma tqanqalx mewt ta’ dik ix-xorta. Issa iżda, fit-tieni għajta, hemm l-espressjoni  tal-abbandun fiduċjuż f’dirgħajn il-Missier għaref u twajjeb, li jiddisponi kollox u jmexxi b’imħabba.  Kien hemm waqt ta’ deżolazzjoni, li fih Ġesù ħassu mingħajr appoġġ u difiża min-naħa ta’ kulħadd, saħansitra ta’ Alla: waqt tremend; imma dlonk kien megħlub grazzi għall-affidament tiegħu nnifsu f’idejn il-Midssier, li l-preżenza amoruża u immedjata Ġesù jħoss fl-istruttura l-iktar profonda tal-jien propju, ġaladarba hu huwa fil-Midssier bħal ma l-Missier huwa fih (cf. Ġw10, 38;14, 10 s), ukoll fuq is-salib!

  1. Il-kliem u l-għajjat ta’ Ġesù fuq is-salib, biex ikunu mifhuma, hemm bżonn li jiġu kkunsidrati f’rapport ma’ dak li huwa nnifsu kien ħabbar minn qabel, fit-tħabbir tal-mewt tiegħu u fit-tagħlim dwar id-destin tal-bniedem f’ħajja ġdida. Għal kulħadd il-mewt hija passaġġ mill-eżistenza għal dinja oħra; għal Ġesù hija, anzi, il-premessa tal-qawmien mill-imwiet li kellha sseħħ fit-tielet jum. Il-mewt, mela, għandha dejjem karattru ta’ dissoluzzjoni tal-ġisem uman, li tqanqal ċaħda: imma wara l-ewwel għajta, Ġesù b’kalma kbira jerħi ruħu f’idejn il-Missier, minħabba l-ħajja l-ġdida u anzi tal-qawmien mill-imwiet, li jindika l-inkurunazzjoni tal-misteru paskwali. Hekk, wara t-torturi kollha tat-tbatijiet fiżiċi u morali mġarrba, il-mewt hija mħaddna minn Ġesù bħala dħul fil-paċi li ma titbiddilx ta’ dak il-“ħdan tal-Missier”, li lejh kienet dejjem indirizzatha ħajtu.
  2. Bil-mewt tiegħu Ġesù jirrivela li fi tmiem il-ħajja l-bniedem mhux ivvutat għall-għarqa fl-oskurità, fil-vojt eżistenzjali, fl-abbiss tax-xejn, imma huwa mistieden għal-laqgħa mal-Missier, li lejh huwa ċċaqlaq fil-mixja tal-fidi u tal-imħabba fil-ħajja, u li f’dirgħajh intelaq b’abbandun qaddis fis-siegħa tal-mewt. Abbandun li, bħal dak ta’ Ġesù jinvolvi r-rigal totali tagħha nfisha min-naħa ta’ ruħ li taċċetta li titneżżà minn ġisimha u minn ħajjitha mondana, imma li taf li li se ssib fid-dirgħajn, fil-qalb tal-Missier il-ħajja l-ġdida, sehem fl-istess ħajja ta’ Alla fil-misteru trinitarju.
  3. Permezz tal-misteru ineffabbli tal-mewt ir-ruħ tal-Iben tasal biex tgawdi mill-glorja tal-Missier fil-komunjoni tal-Ispirtu Santu (imħabba tal-Missier u tal-Iben). U din hija l-“ħajja eterna”, magħmula minn għarfien, minn imħabba, minn ferħ, minn paċi nfinita.

Dwar Ġesù, l-evanġelista Ġwanni jgħid li “ta lura ruħu” (Ġw 19, 30) Mattew li “reħa ruħu” (Mt 27, 50), Marku u Luqa li “miet” (Mk 15, 37; Lq 23, 46). Hija r-ruħ ta’ Ġesù li tidħol fil-milja tal-viżjoni bejatifika fi ħdan it-Trinità. F’dan id-dawl ta’ eternità wieħed jistà jaqbad xi ħaġa mir-rapport misterjuż bejn l-umanità ta’ Kristu u t-Trinità, mimsus mill-ittra lil-Lhud meta, waqt li titkellem dwar l-affettività feddejja tad-demm ta’ Kristu, ferm iktar superjuri mid-demm tal-annimali offruti fis-sagrifiċċji tal-patt il-qadim, tikteb li fil-mewt tiegħu Kristu “permezz ta spirtu etern offra lilu nnifsu bla tebgħa lil Alla” (Eb9, 14).

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb