Hawn hi, Ommok


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 23 ta’ Novembru 1988

72. Hawn hi, Ommok.

  1. Il-messaġġ tas-salib jiġbor fih xi kliem suprem ta’ mħabba, li Ġesù jindirizza lil Ommu u lid-dixxiplu maħbub Ġwanni, li kienu preżenti waqt is-suplizju tiegħu fuq il-Kalvarju.

Hekk hu, San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu jgħidilna li “kien hemm qrib is-salib ta’ Ġesù Ommu” (Ġw 19, 25). Din kienet il-preżenza ta’ mara – armla għal diversi snin, kif ituna li naħsbu – li kienet waslet biex titlef ukoll lil binha. Kull fibra f’ġisimha kienet għaddiet minn trawma minħabba dak li kienet rat f’dawk il-jiem kulminanti tal-passjoni, minn dak li kienet semgħet u ħasset issa, maġemb il-patiblu. Kif tistà tipprojbilha li tbati u tibki? It-tradizzjoni nisranija fehmet l-esperjenza drammatika ta’ dik il-mara mimlija dinjità u dekor, imma b’qalbha maqsuma u waqfet tikkontemplaha b’partiċipazzjoni intima fid-dulur tagħha:

“Stabat mater dolorosa
iuxta crucem lacrimosa
dum pendebat filius”.

Din mhix biss kwistjoni “tal-laħam u d-demm”, linqas ta’ ġibda bla dubju nobilissima, imma sempliċement umana. Il-preżenza ta’ Marija qrib is-salib turi l-impenn tagħha ta’ sehem sħiħ fis-sagrifiċċju feddej ta’ Ġesù, għaliex ma warrbitx fil-ġemb ix-xabla mħabbra lilha minn Xmun (cf. Lq 2, 35), iżda aċċettat, ma’ Kristu, il-pjan misterjuż tal-Missier. Hija kienet l-ewwel waħda li ħadet sehem f’dak is-sagrifiċċju, u b’hekk baqgħet għal-dejjem il-mudell perfett ta’ dawk kollha li kellhom jaċcettaw li jassoċjaw ruħhom mingħajr ebda riservi fl-offerta feddejja.

  1. Minbarra l-ħniena materna, li fiha esprimiet ruħha dik il-preżenza, ikkontribwiet biex tirrendi iktar qawwi u iktar profond id-dramm ta’ dik il-mewt fuq is-salib, hekk viċin għad-dramm ta’ tant familji, ta’ tant ommijiet u ta’ tant ulied, mlaqqgħa mill-ġdid mill-mewt wara perijodi twal ta’ firda minħabba raġunijiet ta’ xogħol, ta’ mard, ta’ vjolenza minħabba uħud jew gruppi.

Ġesù, li jara lil ommu qrib is-salib, jaħseb fiha fid-dawl tat-tifkiriet ta’ Nażżaret, ta’ Kana, ta’ Ġerusalem; jistà jkun li jgħix mill-ġdid il-waqtiet tal-mewt ta’ Ġużeppi, imbagħad il-firda tiegħu minn magħha, u dwar is-solitudni li fiha għexet tul l-aħħar snin, solitudni li issa waslet biex titqawwa. Marija, minn naħa tagħha, tikkonsidra l-ħwejjeġ kollha li għal snin u snin “żammet f’qalbha” (cf. Lq 2, 19. 51), u issa iktar minn qatt qabel tifhimhom fl-ordni tas-salib. In-niket u l-fidi  jitħalltu f’ruħha. U hekk hu, f’salt wieħed tintebaħ li mill-għoli tas-salib Ġesù kien qed iħares lejha u jkellimha.

  1. “Allura Ġesù, meta ra lil ommu hemm u maġembha lid-dixxiplu li kien iħobb, qal lil ommu: «Mara, dan huwa ibnek»” (Ġw19, 26). Dan huwa att ta’ ħlewwa u ta’ ħniena filjali. Ġesù ma jridx li ommu tibqà weħedha. Minfloku ħallielha bħala iben lid-dixxiplu li Marija tafu bħala l-favorit. Ġesù jafda hekk lil Marija maternità ġdida, u jitlobha li titratta lil Ġwanni bħala binha. Imma dik is-sollenità tal-affidament (“Mara, dan huwa ibnek”), dik il-posizzjoni fil-qalbha stess tad-dramm tas-salib,  dik is-sempliċità u dik l-essenzjalità ta’ kliem li jitkellem propju dwar formula kważi sagramentali, jġiegħlu wieħed jaħseb li, ‘l fuq mir-relazzjoni familjari, il-fatt jiġi kkunsidrat fil-prospettiva tal-opra tal-fidwa, fejn il-mara-Marija kienet impenjata ma’ Bin il-bniedem fil-missjoni feddejja. Fil-konklużjoni ta’ dik l-opra, Ġesù jitlob lil Marija li taċċetta b’mod definittiv l-offerta li huwa jagħmel tiegħu nnifsu bħala vittma ta’ tpattija, billi minn issa tqis lil Ġwanni bħala binha. Dan bil-prezz tas-sagrifiċċju matern tagħha li hija tirċievi minn dik il-maternità ġdida.
  2. Imma dak il-ġest filjali, mimli valur messjaniku, imur ferm ‘il hemm mill-persuna tad-dixxiplu favorit, intenzjonat bħala bin Marija. Ġesù jrid jagħti lil Marija filjolanza ferm iktar numeruża, irid jistabilixxi għal Marija maternità li tħaddan kull segwaċi u dixxiplu ta’ dak iż-żmien u taż-żminijiet kollha. Il-ġest ta’ Ġesù għandu mela valur simboliku. Mhuwiex biss ġest ta’ ordni familjari, bħal ta’ iben li jieħu għal qalbu x-xorti ta’ ommu, imma l-ġest tar-Redentur tad-dinja li jippremja lil Marija bħala “mara”, bi rwol ta’ maternità ġdida ta’ xejn inqas mill-bnedmin kollha, imsejħa biex jingħaqdu fil-Knisja. F’dak il-waqt, mela, Marija hija  maħtura, u kważi wieħed jgħid “ikkonsagrata”, bħala Omm il-Knisja mill-għoli tas-salib.
  3. F’dan ir-rigal magħmul lil Ġwanni, fih lis-segwaċi ta’ Kristu u lill-bnedmin kollha, hemm bħal temma tar-rigal li Ġesù jagħmel tiegħu nnifsu lill-umanità bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Marija tikkostitwixxi miegħu bħala kollox-wieħed”, mhux biss għaliex huma omm u iben “skont il-ġisem”, imma għaliex fil-pjan etern ta’ Alla huma kkontemplati, predestinati, imqiegħda flimkien fiċ-ċentru tal-istorja tal-fidwa; għalhekk Ġesù jħoss li għandu jinvolvi lil ommu mhux biss fl-oblazzjoni propja tagħha lill-Missier, imma wkoll fid-donazzjoni tagħha lill-bnedmin; u Marija, minn naħa tagħha, hija f’sintonija perfetta ma’ Binha f’dan l-att ta’ oblazzjoni u ta’ donazzjoni, bħallikieku għal titwil tal-“fiat” tal-annunzjazzjoni.

Minn banda oħra Ġesù, fil-passjoni tiegħu ra ruħu mneżżà minn kollox. Fuq il-Kalvarju kien baqagħlu lil ommu; u b’ġest ta’ distakk suprem jirregala wkoll lilha lid-dinja kollha, qabel ma wassal fi tmiemha l-missjoni tiegħu bis-sagrifiċċju ta’ ħajtu. Ġesù kien jaf li wasal il-waqt tal-konsumazzjoni, bħal ma jgħid l-evanġelista: “Wara dan, billi kien jaf li kollox kien twettaq . . .” (Ġw 19, 28). U ried li fost il-ħwejjeġ “imwettqa” ikun hemm ukoll dan ir-rigal tal-Omm lill-Knisja u lid-dinja.

  1. Din hija bla ebda dubju maternità spiritwali, li tattwa ruħha, skont it-tradizzjoni nisranija u d-duttrina tal-Knisja, fl-ordni tal-grazzja, “Omm fl-ordni tal-grazzja”, isejħilha l-Konċilju Vatikan II (Lumen Gentium, 61). Din hija mela maternità essenzjalment “soprannaturali”, li titqiegħed fl-isfera fejn topera l-grazzja, ġenitriċi tal-ħajja divina tal-bniedm. Hija mela oġġett ta’ fidi, bħal ma hija l-istess grazzja, li magħha hija relatata, imma ma teskludix u anzi tinvolvi il-fjoritura kollha ta’ ħsibijiet, ta’  affezzjonijiet ħelwa  u ta’ mħabba, ta’ sentimenti vivissmi ta’ tama, fiduċja, imħabba li jagħmlu parti mir-rigal ta’ Kristu.

Ġesù, li kien sperimenta u apprezza l-imħabba  materna ta’ Marija f’ħajtu, ried li wkoll id-dixxipli tiegħu minn naħa tagħhom igawdu minn din l-imħabba materna bħala  element tar-rapport miegħu fl-iżvilupp kollu tal-ħajja spiritwali tagħhom. Din hija li jħossu lil Marija bħala omm u li jittrattawha bħala omm, billi jippermettulha li tiffurmahom fil-vera ħlewwa lejn Alla, lejn l-għaqda vera ma’ Kristu, lejn il-vera karità lejn il-proxxmu.

  1. Wieħed jistà jgħid li wkoll dan l-aspett tar-rapport ma’ Marija huwa nkluż fil-messaġġ tas-salib. Infatti l-evanġelista jgħid li Ġesù “imbagħad qal lid-dixxiplu: «Din hija ommok»!” (Gw19, 27). Waqt li jdur lejn id-dixxiplu, Ġesù jitolbu espressament li jġib ruħu ma’ Marija bħal iben lejn l-omm. Għall-imħabba materna ta’ Marija jrid iwieġeb b’imħabba filjali. Ġaladarba d-dixxiplu jissostitwixxi lil Ġesù ħdejn Marija, huwa mistieden biex iħobbha tassew bħall-propja ommu.

Dan huwa bħallikieku Ġesù qallu: “Ħobbha bħal ma ħabbejtha jien”. U billi, fid-dixxiplu, Ġesù jara l-bnedmin kollha, li lilhom ħalla dak it-testment ta’ mħabba, tgħodd għal kulħadd t-talba li jħobbu lil Marija bħala omm.  B’mod speċifiku Ġesù jistabilixxi b’dak il-kliem tiegħu il-kult marjan tal-Knisja, li fih, permezz ta’ Ġwanni, jgħarraf ir-rieda tiegħu li Marija tirċievi mingħand kull dixxiplu, li tiegħu hija omm bl-istituzzjoni ta’ Kristu nnifsu, imħabba filjali sinċiera. L-importanza tal-kult marjan dejjem mixtieq mill-Knisja,  jassumi ruħu mill-kliem ippronunzjat minn Ġesù fis-siegħa stess ta’ mewtu.

  1. L-evanġelista jikkonkludi billi jgħid li “minn dak il-ħin id-dixiplu ħadha għandu” (Ġw19, 27). Dan ifisser li d-dixxiplu minnufih wieġeb għar-rieda ta’ Ġesù: minn dak il-waqt, waqt li laqà lil Marija ġewwa daru, wrieha mħabbtu filjali, dawwarha b’dak kollu li kienet tinħtieġ, għamel dak kollu li setà li hi tkun tistà tgawdi mir-rakkoljiment u mill-paċi waqt li tistenna biex tmur tiltaqà ma’ Binha u twettaq ir-rwol tagħha fil-Knisja naxxenti. Kemm f’Pentekoste kif ukoll fis-snin ta’ wara.

Dak il-ġest ta’ Ġwanni kien l-esekuzzjoni tat-testment ta’ Ġesù fil-konfront ta’ Msarija; imma kellu valur simboliku għal kull dixiplu ta’ Kristu, mistieden issa biex jilqà lil Marija għandu, u jagħmlilha post f’ħajtu. Għaliex, bis-saħħa tal-kliem ta’ Kristu agonizzant, kull ħajja nisranija trid toffri “spazju” lil Marija, ma tistax ma tinkludix il-preżenza tagħha.

Allura nistgħu nikonkludu din ir-riflessjoni u katekeżi dwar il-messaġġ tas-salib, bl-istedina li nindirizza lil kull wieħed u waħda, li nitlobkom tilqgħu lil Marija ġewwa darkom, f’ħajjitkom; u b’eżortazzjoni li napprezzaw dejjem iktar ir-rigal li l-Kristu msallab għamlilna, meta ħallielna bħala omm lil Ommu stess.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb