ITTRA PASTORALI MILL-E.T. MONS. ĠUŻEPPI MERCIECA, Arċisqof ta’ Malta u MILL-E.T. MONS. NIKOL Ġ. CAUCHI, Isqof ta’ Għawdex fi-Okkażjoni tal-Festa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema 2002.
Maħbubin Uliedna,
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema hija appuntament annwali importanti ħafna fil-ħajja tal -poplu tagħna. Hija Festa li, minnha nnifisha tfakkarna fil-qawwa ta1-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Feddej. Marija qatt ma tfalli fl-interċessjoni tagħha għalina quddiem il-Mulej. Il-ġrajja tat-tieġ ta’ Kana turina kemm il-medjazzjoni ta’ Marija taf tkun immedjata, konkreta u li tħalli frott.
Għalhekk, ikun f’waqtu ħafna li f’okkażjoni speċjali bħalma hija l-Festa ta’ Santa Marija, aħna nersqu quddiem din l-Omm tagħna lkoll biex waqt li rroddulha ħajr għal dak kollu li hija tagħmel għalina quddiem il-Mulej, nitolbuha tgħinna nagħrfu u nwettqu dak li hu tassew ta’ ġid għalina u għal ta’ warajna.
Meta nersqu quddiem Marija bit-talbiet tagħna, fuq nett irridu nqiegħdu dak li jagħmilna segwaċi veri ta’ Binha u wlied denji tagħha. Il-medjazzjoni ta’ Marija għandna bżonnha fuq kollox biex, waqt li aħna nkunu niedma u sogħbiena, hi tgħinna niġġeddu u nikbru fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.
L-imħabba għall-ħolqien
Fid-dinja li qed ngħixu fiha, il-lum iżjed mill-bieraħ , din l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu rridu nuruha wkoll fil-mod ta’ kemm u kif aħna napprezzaw u nieħdu ħsieb il-ħolqien.
Dan hu importanti iktar u iktar għaliex fl-impenn tiegħu li jsaħħaħ u jkattar l-iżvilupp, il-bniedem mhux dejjem jagħti attenzjoni xierqa jew biżżejjed lill-wirt u lill-ambjent naturali.
Naturalment, il-qofol ta’ kollox qiegħed f’ kemm dawk li għandhom f’idejhom it-tmun internazzjonali u tal-gvernijiet jirnexxilhom jimxu fuq il-prinċipji tad-dinjità unika tal-bniedem u d-drittijiet inaljenabbli, jiġifieri li jridu jinżammu dejjem sħaħ, ta’ kull persuna umana.
F’dan id-dawl, il-Knisja ma tistax ma tiħux gost tara lill-komunià internazzjonali tingħaqad dejjem iżjed fl-impenn li l-ideal ta’ żvilupp totali għaqli, tajjeb u sod jitqies bħala kwistjoni ta’ ħajja jew mewt għall-umanità .
Il-Knisja tawgura wkoll li l-Laqgħa li 1-Ġnus Magħquda qed torganizza dwar dan il-qasam f’ Johannesburg, l-Afrika t’Isfel, mis-26 ta’ Awwissu sa1-4 ta’ Settembru ta’ din is-sena (2002), tgħin lill-komunità internazzjonali tagħmel passi konkreti ‘l quddiem f’dan ir-rigward. Madankollu, dak li qed tagħmel jew li tista’ tagħmel il-komunità internazzjonali mhux kollox.
Hemm ukoll is-sehem li kull wieħed u waħda minna rridu nagħtu fil-familja tal-bnedmin, li hija familja waħda, skont ir-responsabbilta’ tagħna lejn l-oħrajn u s-solidarjeta’ tagħna mal-proxxmu.
Ħarsa madwarna
Pajjiżna hu gżira żgħira f’nofs ta’ baħar. Is-saħħa tiegħu internazzjonali fil-ħarsien tal-ħolqien tinsab, primarjament, fil-leħen sod li huwa jista’ jsemma’ fil-laqgħat internazzjonali li jkun ra ppreżentat fihom.
Jagħmel sew pajjiżna meta f’dawn il-laqgħat jitkellem favur għarfien li l-ħolqien qiegħed hemm għall-bnedmin kollha u biex jitħares tajjeb ħalli jkun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
Iżda fejn jidħol pajjiżna stess, ir-responsabbiltà taqa’ kollha u għal kollox fuq spallejna. Aħna rridu nieħdu ħsieb biex ma jkollniex tinġis perikoluż. Irridu wkoll inħarsu l-arja li nirrespiraw l-art li nikkultivaw u l-baħar li jdawwarna minn kull naħa.
Xi jfisser dan għan-nisrani?
Ifisser li waqt li nżommu f’moħħna r-realtà tal-ħolqien kollu kemm hu, irridu nħossuna responsabbli u nagħtu sehemna biex il-ħolqien ma jinqeridx minħabba d-deni li jġibu sitwazzjonijiet bħal użu addoċċ tal-art, applikazzjoni mhux maħsuba sew tal-progress, ir-regħba u 1-egoiżmu.
Kien eżattament għalhekk li, meta fl-1993 il-Knisja f’Malta għaddiet il-proprjeta’ tagħha lill-Istat, il-Knisja ħadet ħsieb li tagħmel il-kundizzjoni li l-istess proprjetà tintuża biex jinġieb ‘il quddiem il-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp ekonomiku imma wkoll lejn l-iżvilupp soċjali tal-komunita’, li jinkludi dejjem il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja kif ukoll il-ħarsien u r-rispett ta’ l-ambjent naturali.
Fl-istess ħin, fil-qadi ta’ din ir-responsabbilta’ tagħhom, l-awtoritajiet pubbliċi jrid ikollhom 1-inkurraġġiment, il-kooperazzjoni u l-appoġġ ta’ kull wieħed u waħda minna. Inkella nissugraw li, flok niġbu ħabel wieħed, nispiċċaw li min jibni u min iħott. Qatt m’għandu jkun li, minkejja l-liġijiet, ikun hemm min b’xi mod jew ieħor ikasbar jew jikkaġuna ħsara rresponsabbli lill-ħolqien, lin-natura jew lill-ambjent.
Aħna rridu nħossuna responsabbli wkoll lejn il-ġenerazzjonijiet futuri, li għad iħarsu lejna u jirringrazzjawna jekk jikkundannawna għal dak li nkunu ħallejnielhom.
Ir-rwol tal-familja
Fuq quddiem, f’din il-ħidma, għandu jkun hemm il-familji. Il-familji għandhom ikunu quddiemnett fit-tħabrik biex il-liġijiet u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż isostnu u jiddefendu bil-qawwa kollha l-ħolqien u l-ambjent naturali.
Il-familji jridu jħabirku biex ibiddlu s-soċjeta’ għat-tajjeb. Inkella l-familji jkunu huma l-ewwel vittmi ta’ dik il-ħsara li dwarha forsi jkunu għamlu ftit li xejn ħlief qagħdu jħarsu lejha bħallikieku ma tolqothomx.
Il-familji jridu jieħdu ħsieb ukoll li jagħtu formazzjoni tajba lil uliedhom billi, bil-kelma u bl-eżempju, jgħallmuhom iħobbu, jgħożżu u jħarsu l-ħolqien, in-natura u l-ambjent.
L-ulied għandhom jiġu edukati wkoll fis-sens ċiviku. Huma għandhom jiġu mħeġġa biex jieħdu ħsieb ħalli f’pajjiżna jkollna wkoll 1-indafa kull fejn inkunu. L-indafa għandna bżonnha mhux biss fid-dar privata tagħna, imma wkoll fid-dar nazzjonali tagħna li hi art twelidna: bħal fit-toroq, fil-pjazez, fil-kampanja u fix-xtut. Formazzjoni ta’ din 1-għamla hija parti integrali mill-edukazzjoni li jeħtieġ li jkollhom in-nies ta’ kull pajjiż ċivilizzat.
Soċjetà li f’uliedha tnissel u tkabbar imħabba u rispett lejn il-ħolqien u lejn dak kollu li jagħmel l-ambjent ta’ madwarna isbaħ u aħjar, tkun qed tinvesti f”ċittadini ta’ karattru akbar li fihom ikun hemm minqux ukoll sens qawwi ta’ solidarjetà umana.
L-akbar ilqugħ tas-soċjetà kontra t-tkasbir tal-ħolqien u l-ambjent – bħalma jiġri bil-qtil u 1-moħqrija rresponsabbli ta’ tjur u annimali, il-qerda egoistika jew kappriċċuża ta’ pjanti u siġar, it-tħarbit ta’ wirt naturali komuni minħabba 1-kilba għall-flus, u t-tinġis bla rażan – irridu nfittxuh l-ewwelnett f’ċittadini dixxiplinati u ta’ karattru.
Aħna l-Isqfijiet, jiddispjaċina ħafna meta nisimgħu b’każi ta’ nuqqas ta’ rispett, moħqrija qawwija jew qtil kiefer ta’ annimali, bħalma ġieli ġara anke dan l-aħħar.
L-għajnuna ta’ Marija
Nistiednu lil kulħadd biex fl-impenn tagħna favur il-ħolqien u l-ambjent infittxu lkoll l-għajnuna ta’ Marija. Marija żgur li għandha għal qalbha s-sbuħija ta’ dak li 1-Mulej ħalaq biex jitgawda mill-bniedem, li tant hu għażiż għalih li bagħat lil Ibnu 1-Waħdieni f’din id-dinja biex jifdih mill-jasar tad-dnub.
Omm is-Sid tal-Ħolqien, tgħinna żgur.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna b’rahan ta’ kull ġid mis-sema.
Illum, 7 ta’ Awissu 2002, Festa ta’ San Gejtanu.
+ Ġużeppi Mercieca, Arċisqof ta’ Malta
+ Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex
Joe Magro, Segretarju