Il-familja Casolani emmnet bis-sħiħ li l-familja li titlob flimkien tibqa flimkien. Kienet tgħożż b’qawwa l-kliem tal-Imgħallem: “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.” (Mt 18,20).
Il-Konċilju Vatikan II saħaq fuq il-verità li qajla kienet tissemma’: iż-żwieġ huwa għajnuna għall-qdusija. Meta tkelllem mis-sejħa universali għall-qdusija fil-Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja, Lumen Gentium, Kapitlu 6, n 11, jgħid: “il-miżżewġin insara, bis-sagrament taż-żwieġ, jgħinu lil xulxin fil-qdusija tagħhom permezz tal-ħajja miżżewġa.”
Il-Papa Ġwannni II hu magħruf sew għal kemm mexxa ’l quddiem l-għarfien mill-Knisja ta’ eluf ta’ qaddisin u beati ġodda. Xi wħud minnhom kellhom il-kawża għall-kanonizzazjoni ilha tistenna s-snin sħaħ. Oħrajn fittex li jħaffef il-proċess tagħhom minkejja li għexu fi zmienna bħall-Beata Tereża ta’ Kalkutta u Josemaria Escriva. B’mod partikulari, iżda, il-Papa għandu għal qalbu l-għarfien tal-qdusija tal-miżżewġin insara. Dan mhux qed isir b’kapriċċ. Hekk kiteb il-Papa fl-Ittra Appostolika tiegħu, Fil-Bidu tal-Millenju l-Ġdid: “l-ideal tal-perfezzjoni m’għandux jiġi mnaqqas jew milgħub fis-sens li jinħtieġ xi xorta ta’ ħajja ta’ barra minn hawn (straordinarja), b’ħila għaliha biss xi ġenji tal-qdusija. It-triqat tal-qdusija huma ta’ kemm-il xorta, u jaqblu mas-sejħa ta’ kull individwu.”
L-ewwel persuni miżżewġa li gawdew għarfien uffiċjali ta’ qdusithom kienu Maria u Luigi Quattrocchi Beltrami. Dawn ġew dikjarati beati fil-21 ta’ Ottubru 2001. Koppja oħra li l-kawża tagħha miexja ’l quddiem hija dik tal-koppja Martin, omm u missier Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.
Il-Koppja Henry u Inez Casolani
Il-koppja Henry Casolani (25-11-1917) u Inez imwielda Vassallo (11-10-1915) għexu fis-seklu li għadu kif spiċċa. Kienu nies ta’ żmienhom. Għexu ħajja ordinarja imma għażlu li jgħixu fl-imħabba u r-rispett lejn Alla. Il-preżenza ta’ Alla dejjem kienet quddiemhom; kienu jħossuh bħala parti minnhom f’dak kollu li jgħidu, jaħsbu u jagħmlu. Alla dejjem ġie l-ewwel f’ħajjithom u qiesu li jfittxuh fl-oħrajn. Ħabbew lil xulxin b’imħabba li ma titfissirx. Kellhom tifla waħda li kienet il-mimmi ta’ għajnejhom u għax ħabbewha dejjem fittxew li fiha jnisslu mħabba sinċiera lejn Alla. Ħadmu u kienu jafu jieħdu gost; taw sehemhom fil-ħajja ċivili u b’impenn kienu minn ta’ quddiem biex jgħinu fil-kommunità nisranija li għexu fiha. Ma kienx biżżejjed li kienu tajba huma. Riedu jaqsmu ma’ l-oħrajn il-ferħ li ġej mis-sema għal dawk li jfittxu lil Alla f’kull ma jagħmlu. Kienu jagħmlu flimkien koppja ta’ talenti li b’qalb kbira qegħdhom għas-servizz ta’ l-oħrajn. Kellhom karattru li jiddistinwihom sewwa izda stinkaw biex jikkumplimentaw lil xulxin.
Għexu għall-xulxin mingħajr ma kienu jiddependu f’kollox minn xulxin. L-għaqda bejniethom ma kinetx sempliċi infatwazzjoni, iżda rabta ta’ sejħa nisranija li taf l-għajxien tagħha f’Alla. Il-ħajja tagħhom kienet ħajja fejn Alla deher f’għemilhom. Hu berikhom b’tifla li ’l quddiem wieġbet għas-sejħa Tiegħu biex tidħol reliġjuża. Tajjeb jingħad mill-ewwel li għal-bidu, meta binthom għazlet li tħallihom, kienet għalihom pillola morra ħafna. Min jaf kemm ħolm kien marbut ma’ din il-bint unika tagħhom. Iżda Alla kellu pjanijiet oħra għaliha. Il-pjan Tiegħu ma qabilx ma’ dak tal-ġenituri tagħha. Kienu jħobbu din l-unika tifla tagħhom u żgur li stennew li hi jkollha l-familja tagħha u li huma jkollhom għadd ta’ neputijiet madwarhom għal meta jixjieħu. Imma…
Kienu ġejjin minn familji tajbin u bil-għaqal. Missier Inez kien Giovanni Felice Vassallo, għalliem ta’ l-arti fl-iskejjel tal-Gvern u mużiċist minn Bormla. Inez kienet għalliema għal disa’ snin, l-ewwel fl-iskola Umerto Primo u mbagħad fl-iskola sekondarja ta’ Bormla. Meta din l-iskola waqgħet fil-gwerra, hija għaddiet biex taħdem bħala segretarja ma’ l-Air Force Ingliża. Kienet ommha li insistiet biex Inez tfittex taħdem għax kien hemm il-ħtieġa li tgħin lill-familja għax il-missier fil-1937 kien laħaq miet.
Missier Henry kien jismu George mwieled Għawdex u kien joqgħod il-Belt. Kien jaħdem ma’ l-istaff editorjali tal-ġurnal Il-Berqa. Henry studja d-disinn u l-iskultura fl-Iskola ta’ l-Arti, spiċċa biex ħa scholarship biex jistudja barra iżda rrifjuta għax laħaq innamra ma’ Inez u ma riedx jinfired minnha. Fl-1934 Henry Casolani daħal bħala Civil Servant fid-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi bil-kariga ta’ diżinjatur iżda minħabba l-gwerra malajr issejjaħ bil-lieva mar-Royal Army Medical Corps. Wara l-gwerra reġa’ mar mal-Public Works sakemm spiċċa bil-pensjoni fl-1977.
It-tnejn ħadmu b’kuxjenza u dejjem gawdew l-istima u r-rispett ta’ sħabhom. Inez hekk kif iżżewġet fid-19 ta’ April 1944 irriżenjat mill-impieg tagħha biex iddur b’żewġha u ftit wara b’bintha. Iżda xorta baqgħet tinteressa ruħha f’kulma kien jiġri madwarha, dejjem lesta biex tgħin. Hi żammet djarju dettaljat ħafna u għalhekk, fost ħwejjeġ oħra, nistgħu naraw kemm kienet tgħin fil-Parroċċa. Kienet tikkontribwixxi artikli ta’ natura reliġjuża u soċjali għal bosta snin għall-fuljett tal-Parroċċa tal-Kunċizzjoni, il-Hamrun. Min-naħa tiegħu, Henry uża t-talent li kellu biex pinġa akkwarella u biż-żejt ukoll. Fost id-diżinji tiegħu hemm dik ta’ l-iljun li hemm fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja tal-Mosta. Kiteb ittri fuq gazzetti biex juri l-apprezzament tiegħu għal xi ħidma li tkun saret. Ħalla wkoll xi poeżiji ta’ ċertu valur.
Magħġuna fil-Preżenza ta’ Alla
F’kelma waħda l-koppja Casolani kienu normali ħafna. Kull min ħares lejhom ra familja komuni li qed tipprova tgħix b’mod l-aktar naturali imma li lesta dejjem biex tgħin hekk kif tiġi mitluba. Iżda min kien jafhom aktar mill-qrib seta’ jinnota l-fidi soda tagħhom. Ma kinetx biss tradizzjoni li wirtuha jew li għexuha biss meta ħassewhom komdi fiha.. Lanqas ma kienet fidi li wrewha biss meta kellhom bżonn xi ħaġa minn għand Alla. Kienet fidi li tagħmel parti minn ħajjithom bħalma n-nifs hu parti minn ħajjitna. Għalihom il-fidi kienet sejħa u għażla preċiża. L-atteġġjament tagħhom u l-imġiba ta’ bejniethom u ma’ l-oħrajn kienu jixhdu li Alla kollu mħabba kien iċ-ċentru ta’ ħajjithom. Huma bosta x-xhieda li juru dan kollu tul il-kors ta’ ħajjithom kemm fis-sabiħ kif ukoll fl-ikrah tal-ħajja. U hawn joħroġ l-eroiżmu tal-fidi tagħhom. Kemm fil-mard u fl-uġigħ kif ukoll fil-ferħ, it-tnejn urew fidi soda u baqgġu jittamaw f’Alla bħala l-Missier li jieħu ħsiebhom kif ħadd ma jista’ jieħu ħsiebhom!
Dan kien jidher mill-mod li bih kienu jġibu ruħhom. Qatt ma għamlu kompromess mal-ħażen. Il-ħsieb li mexxihom kien dak li jimxu fis-sewwa u fid-dritt għax emmnu li Alla huwa dejjem mnaqqax fil-qalb tal-bniedem bħala persuna umana u bħala nisrani. Il-fidi tagħhom f’Alla kienet don li tagħha riedu jagħtu kont. Dan kienu jagħmluh bil-ħajja kważi kontemplattiva li kienu jgħixu. F’kull ma jagħmlu u kull ma jgħaddu minnu kienu jaraw l-id ta’ Alla. Anki meta kienu jiktbu lil binthom, Alla kien jissemma’ f’dak li qed jgħidu. Ma’ ħbiebhom dejjem kienu jdaħħlu lil Alla fi kliemhom. Qattgħu s-sigħat jitolbu jew jimmeditaw fuq Alla u kienu jħajru lil ħbiebhom jagħmlu l-istess.
Il-kitbiet ta’ Inez jixhdu dan. Fost l-aħħar kitbiet tagħha, hi tiżżiħajr lil Alla talli għamilha Kattolika ferventi. Saħansitra ġisimha kien ifakkarha f’dak li Alla għamel magħha. Hi tħares lejn l-idejn tagħha u tqishom bħala opra mill-aqwa ta’ Alla għax kapaċi jagħmlu daqstant xogħol u affarijiet ta’ fejda. Jinħtieġ ma nħammġuhomx b’għemejjel ħżiena. Hi tikteb fuq il-forza li għandu t-talb għax kienet temmen li Alla dejjem jisma’ l-karba tal-bint fil-bżonn. Hi kienet impressjonat ruħha meta qrat intervista mal-Prinċipessa Grace ta’ Monaco meta din qalet li hija bniet iż-żwieġ tagħha fuq il-pedament sod tar-reliġjon li hi l-qofol ta’ ħajja kalma, sinċiera, onesta, mimlija bl-imħabba bejn ir-raġel u l-mara, imħabba għall-ulied u għal dawk ta’ madwarhom. Inez titlob li kull mara u raġel miżżewġa jibnu l-familja fuq dan l-ispirtu.
Fil-kitbiet tagħha lil bintha, allura soru, Inez qatt ma naqset li tinkludi lil Alla. Dwar is-suċċessi ta’ bintha f’dak kollu li kienet tagħmel bħala soru, Inez dejjem fakkritha li dan tafu lil Alla. Hi kienet temmen bis-sħiħ li Alla kien tant iħobbha lil bintha li Hu kien li bierek kull ma għamlet. Kemm hi u kemm żewġha kienu jaraw lil Alla fid-dinja ta’ madwarhom. Meta telgħu fuq il-muntanja Schilthorn fl-Iżvizzera baqgħu mbellha bil-ġmiel ta’ madwarhom. F’dak il-ġmiel raw l-id ta’ Alla li għamel dinja hekk sabiħa għalina.
Henry Casolani kien iqatta’ sigħat twal kuljum fl-istudju tiegħu medhi b’xogħlu imma bla ma ttraskura t-talb. Dejjem sab ħin biex saħħaħ il-fidi tiegħu billi attenda l-eżerċizzi spiritwali. Ħa sehem f’kors ta’ teoloġija għall-lajċi. Minkejja li kien miżżewweġ, hu kien imur regolarment irtir ta’ xejn inqas minn ħamest ijiem fid-Dar Manresa, Għawdex. Xejn ma qiesu ħin mitluf imma mod kif kien iħoss ruħu aktar qrib ta’ Alla. Il-Quddiesa ta’ kuljum kienet parti mportanti minn ħajtu waqt li qatt ma naqas jitlob ir-Rużarju. Ġieli rreċitah lil kongregazzjoni miġbura fil-Knisja ta’ San Duminku, Rabat. Kellu d-drawwa li meta joħroġ passiġġata fir-Rabat kien iħobb jidħol jagħmel viżta lil Ġesù Ewkaristija f’aktar minn knisja waħda b’imitazzjoni tal-Beata Maria Adeodata Pisani. Spiss kien juża l-missal tal-Quddiesa bħala ktieb tal-meditazzjoni. Kien midħla ta’ l-Iskrittura u kien iħobb jikkwota mill-Evanġelu.
Kien appostlu mhux biss fid-dar imma l-qofol ta’ l-appostolat tiegħ kien jagħmlu fuq ix-xogħol fejn kien jiltaqa’ ma’ nies f’kull stat u kundizzjoni soċjali tal-ħajja. Filgħodu kien jibda l-ġurnata bil-Quddiesa. Ħaġa li l-kollegi tiegħu kienu jafuha. Qabel jibdew il-ġurnata tax-xogħol kien iżewżaq xi ċajta kif kien jaf hu u mbagħad meta kien jidhirlu li għandu l-attenzjoni ta’ sħabu kien jistedinhom ħa jgħidu talba żgħira flimkien. F’nofsinhar kien iwaqqafhom biex miegħu jgħidu l-Anġelus… U x’uħud minna llum donnhom jistħu jgħidu li jemmnu bi Kristu. Jistħu mqar iroddu salib! Jinsew li min jistħi jistqarr lil Ġesù mal-bnedmin, Ġesù jistħi jistqarru quddiem Missieru tas-Sema!
Il-Familja magħquda fit-Talb
Il-familja Casolani qatt ma naqset li ta’ kuljum titlob flimkien qabel xejn bir-Rużarju. Kienet temmen bis-sħiħ li l-‘familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien’[1] Kienet tgħożż b’qawwa l-kliem ta’ l-Imgħallem: “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18,20). Mela Ġesù spiss kien ikun fost dawn iż-żewġ persuni twajba għax spiss kienu jitolbu flimkien. Henry u Inez emmnu bis-sħiħ fit-talb ta’ flimkien. Kull okkażjoni ta’ ferħ jew ta’ niket għall-koppja Casolani kienet bħal vista tal-Mulej fosthom. Dawn kienu l-mumenti li fihom kien isir aktar talb. Għax kemm waħda u kemm l-ieħor kienu jħossuh fosthom b’mod l-aktar intimu. Kienu mumenti li fih irringrazjawh, adurawh u talbuh jgħinhom; u Hu qatt ma naqas li jimlihom bil-kuraġġ. B’ħerqa kbira kienu jintelqu f’idejh bħalma tarbija tintelaq f’dirgħajn ommha, moħħha mistrieħ li xejn ħażin ma jista’ jiġrilha. Permezz tat-talb, il-ħajja tal-familja Casolani kienet ċelebrazzjoni ta’ tifħir lil Alla għal dak kollu li kien qiegħed jagħmel magħha.
Kulmin kien jafhom stqarr li l-preżenza fosthom tal-koppja Casolani kienet timlihom bil-ferħ. Kemm Henry kif ukoll Inez ibbażaw ħajjithom fuq il-fidi fi Kristu ħaj. Il-ħsieb biss tal-Qawmien Tiegħu kien jimlihom bil-ferħ. Din il-verità hekk kbira huma kienu jippruvaw jaqsmuha ma’ l-oħrajn, b’mod speċjali waqt xi laqgħa ta’ talb. Il-ħsieb tal-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt għenhom biex jinħelsu minnhom infushom, mid-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom u mill-inkwiet tal-ħajja li keddhom. Din il-fidi ħejjiethom għall-grazzja kbira: dik li jaraw lil Alla f’kull ma’ jiġri madwarhom.
Tama u Mħabba
Henry u Inez għarfu li bil-ħila tagħhom biss ma setgħux iwieġbu għas-sejħa ta’ Alla. Kien it-talb ta’ spiss li għenhom iżommu dik ir-rabta hekk meħtieġa bejn il-bniedem u l-Mulej. Għax għexu ħajja ta’ talb, qatt ma qatgħu qalbhom la mis-salvazzjoni, la mill-għajnuna u lanqas mill-maħfra ta’ Alla għax Alla dejjem żamm kelmtu mal-bniedem. Kienu umli quddiemu u dejjem żammu kliem Kristu quddiem għajnejhom: mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Madanakollu stqarrew li trid tgħin ruħek u tfittex lil Alla biex Huwa jgħinek.
It-tama f’Alla li kellha din il-koppja kienet mibnija fuq l-imħabba. Huma tlibbsu bit-tama meta b’għemilhom, bi kliemhom u bil-kitba tagħhom huma taw prova ta’ xi tfisser tħobb lil Alla u lill-proxxmu. L-attitudni tagħhom kienet tqanqal lill-oħrajn biex jinbidlu għall-aħjar u jinfetħu għall-grazzja ta’ Alla huma wkoll. Fil-mumenti iebsa, huma għarfu jbiddlu s-sofferenzi tagħhom f’tama u fiduċja. L-aħħar talba ta’ Ġesù minn fuq is-Salib: ‘Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23,46) kienet bħal stampata f’moħħhom. Dan il-kliem kien iqajjem fihom ċertezza qaddisa ta’ ħajja aħjar li qed tistennihom fis-sema.
Imħabba lejn Marija
L-ambjent li fih għexet il-koppja Casolani żgur li għenha fil-qima u d-devozzjoni tagħħha lejn Marija. Bħala xebba, Inez kienet tgħix ftit ’il bogħod mill-knisja ta’ l-Immakulata ġo Bormla. Fl-ewwel snin taż-żwieġ huma għexu qrib is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt, u wara marru qrib tal-knisja parrokkjali ta’ Gwardamanġja ddedikata lill-Madonna ta’ Fatima. Minn hemm marru joqogħdu fil-Parroċċa tal-Kunċiżżjoni, il-Ħamrun. Spiċċaw biex joqgħodu ftit ’il bogħod mill-knisja tal-Madonna ta’ l-Għar, ir-Rabat.
Imma din l-imħabba lejn il-Madonna kienet mimbnija prinċipalment fuq ir-rabta li huma kienu jaraw bejnha u bejn l-Iben tagħha Ġesù. Jista’ wieħed iqim daqstant lill-Iben mingħajr ma jkun devot ukoll ta’ Ommu? Huma ħabbew lil Marija għax għarfuha l-Imbierka fost in-nisa, li magħha l-Mulej għamel ħwejjeġ kbar u għax Ġesù tahielna bħala ommna.
Inez kienet membru ta’ l-għaqda Ambassadors of Mary li l-iskop tagħha kien li tixxerred id-devozzjoni lejn Marija. Kienet membru awżilljaru tal-Legion of Mary li l-iskop hu li tgħin bit-talb l-appostolat li jsir mill-membri attivi ta’ din l-għaqda. Kienu devoti tagħha f’kull ċirkostanza tal-ħajja miżżewġa tagħhom. L-aqwa xiehda ta’ dan hu li r-Rużarju ta’ kuljum qatt ma nqata’ kemm fit-tiġrib kif ukoll fil-ferħ. Mhux l-ewwel darba li Inez kienet twaqqaf lis-seftura biex flimkien jgħidu r-Rużarju. Bħala xebba Inez kienet tiġbor it-tfajliet f’Bormla biex flimkien jgħidu r-Rużarju. Għalihom ir-Rużarju kien it-talba preferita għall-familja. Tant kienet devota tal-Madonna taħt it-titli ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni li Inez waslet biex tikteb lill-Papa Gwanni Pawlu II favur il-kawża tal-beatifikazzjoni ta’ Patri Ġwanni Duns Scotus, Franġiskan Minuri, difensur tad-domma tal-Kunċizzjni Immakulata ta’ Marija. Ta’ min jgħid li x-xewqa ta’ Inez seħħet tmien xhur biss wara mewtha meta fl-20 ta’ Marzu l-istess Papa bbeatifika lil Duns Scotus.
Il-Mewt tal-Konjuġi Casolani
Meta mietet Inez, Henry ħass ħafna n-nuqqas tagħha; u dan ma setax ikun mod ieħor. Meta ċċelebraw il-45 anniversarju taż-żwieġ tagħhom, kienu qishom għadhom għarajjes friski. Għall-ewwel mat-telfa ta’ Inez, Henry ħassu nieqes minn kull interess fil-ħajja. Il-ħajja bla Inez dehret vojta. Imma ftit ftit reġa’ beda l-ħajja ta’ kuljum imfarraġ l-izjed mil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija u miż-żjarat ta’ bintu, Sr Cecilia. Ma kienx hemm anniversarju mill-mewt ta’ Inez li ma ddedikalhiex xi versetti u ppublikahom fuq xi gazzetta. Lanqas il-mewt ma setgħet tifridhom. Kienu koppja inseparabbli: hekk xehdu kulmin kien jafhom.
Meta Henry qorob lejn it-tmiem ta’ ħajtu, aktar abbanuna lilu nnifsu f’għaqda mar-Rieda ta’ Alla. Minkejja s-sofferenzi, dawn ma tellfulux is-serenità l-anqas fl-agunija tiegħu. Ra t-tama dejjiema li kellu fil-Mulej tilħaq il-milja tagħha. Hu spiss kien jgħid: Jagħmel Alla! Alla huwa ħanin! Sa l-aħħar nifs ta’ ħajtu baqa jittama li Alla jaf kollox u mhux sa jħalli lil uliedu jittamaw fih u jibqgħu waħedhom bla ma jkunu mfarrġa.
Konklużjoni
Huma bnedmin bħalna li għarfu jgħixu hekk qrib ta’ Alla! It-talb kien kebbes fihom il-fidi li l-ħajja iebsa kemm hi iebsa ma setgħet qatt ittelfilhom dak il-ferħ u paċi li Ġesù biss jista’ jagħti. L-isbaħ talb huwa li titkellem ma’ Alla. Dak li għamlu l-konjugi Casolani, nistgħu nagħmluh aħna wkoll fil-ħajja ta’ kuljum!
Vincent Cachia
Missier u Membru tal-Leġjun ta’ Marija
Bibliografija Quintano Anton: Henry u Inez Casolani – Koppja Magħġuna fi Kristu,
Media Centre Pubblication, Malta 2004
[1] Slogan magħruf ħafna ta’ Fr Pleyton, Amerikan, promotur kbir tar-Rużarju u t-talb fil-familja nisranija.