Ġesù huwa l-mudell tat-talb


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – Castel Gandolfo – L-Erbgħa, 24 ta’ Awissu 1988

63. Ġesù huwa l-mudell tat-talb

  1. Ġesù Kristu huwa l-Feddej. Dak li jikkostitwixxi ċ-ċentru u l-quċċata tal-missjoni tiegħu, jiġifieri l-opra tal-fidwa, tinkludi wkoll dan l-aspett: huwa sar il-mudell perfett tal-bidla feddejja tal-bniedem. Biex ngħidu s-sewwa diġa l-katekeżi kollha preċedenti ta’ dan iċ-ċiklu żvolġew ruħhom fil-prospettiva tal-fidwa. Rajna li Ġesù jħabbar il-Vanġelu tas-saltna ta’ Alla, imma  tgħallimna minn għandu li fil-fidwa permezz taas-salib u tal-qawmien mill-imwiet biss is-saltna tidħol b’mod definittiv fl-istorja tal-bniedem. Allura hu “jgħaddi” din is-saltna lill-appostli, sabiex din  tippersisti u tiżviluppa fl-istorja tad-dinja permezz tal-Knisja. Infatti, hija l-fidwa li ġġib fiha l-“ħelsien” messjaniku tal-bniedem, li mill-jasar tad-dnub jgħaddi għall-ħajja fil-libertà ta’ wlied Alla. libertà.
  2. Ġesù Kristu huwa l-mudell perfett ta’ tali ħajja, bħal ma tgħallimna mill-kitbiet apostoliċi kkwotati fil-katekeżi preċedenti .

Dak li huwa l-Iben konsustanzjali  għall-Missier, magħqud miegħu fid-divinità “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”(Ġw 10, 30), permezz ta’ dak kollu li “jagħmel u jgħallem”  (cf. At 1, 1) jikkostitwixxi l-uniku mudell, fil-ġeneru tiegħu, ta’ ħajja filjali ndirizzata u magħquda mal-Missier. Waqt li nirreferu għal dan il-mudell, waqt li nirriflettuh fil-koxjenza tagħna u fl-imġieba tagħna, nistgħu niżviluppaw fina tali forma u direzzjoni ta’ ħajja “Kristu-somiljanti”, li fiha tesprimi u twettaq lilha nfisha l-vera libertà ta’ wlied Alla” (cf. Rm 8, 21).

  1. Infatti l-ħajja kollha ta’ Ġesù ta’ Nażżaret kienet, bħal ma bosta drabi ndikajna, indirrizzata lill-Missier. Dan jidher diġa fit-tweġiba mogħtija lill-ġenituri minn Ġesù ta’ tnax-il sena fl-okkażjoni tas-“sejbien fit-tempju”: “Ma tafux li jien irrid nieħu ħsieb tal-ħwejjeġ ta’ Missieri” (Lq2, 49). Lejn tmiem ħajtu, il-jum ta’ qabel il-passjoni, “billi kien jaf li sigħetu kienet waslet biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier” (Ġw13, 1), dak l-istess Ġesù jgħid lill-appostli: “Jiena sejjer biex inħejjilkom post; meta nkun mort u nkun ħejjejtilkom post nerġà niġi u neħodkom miegħi, sabiex ukoll intom tkunu fejn inkun jien . . . Fid-dar ta’ Missieri hemm bosta postijiet” (Ġw 14, 2-3).
  2. Mill bidu sat-tmiem din id-direzzjoni tejoċentrika tal-ħajja u tal-azzjoni ta’ Ġesù hija ċara u unika. Huwa jmexxi lil tiegħu “lejn il-Missier”, billi joħloq mudell ta’ ħajja ċar orjentat lejn il-Missier. “Jien osservajt il-kmandamenti ta’ Missieri u nibqà fi mħabbtu”. U Ġesù jikkonsidra bħala “iklu” dan li “jibqà fl-imħabba” tal-Missier, jiġifieri t-twettiq tar-rieda tiegħu. “Ikli huwa li nagħmel ir-rieda ta’ dak li bagħatni u nwettaq l-opra tiegħu” (Ġw4, 34). Hekk huwa jgħid lid-dixxipli tiegħu maġemb il-bir ta’ Ġakobb ġewwa Sikar. U diġa qabel, waqt id-djalogu mas-Sammaritana huwa ndika li l-istess “ikel” jeħtieġ li jsir  il-wirt spiritwali tad-dixxipli u s-segwaċi  tiegħu: “Imma wasal il-waqt, u huwa issa, li l-adoraturi veri jaduraw il-Missier fi spirtu u verità; għaliex il-Missier ifittex tali adorazzjoni” (Ġw 4, 23).
  3. L-“adoraturi veri” huma qabel xejn dawk li jimitaw lil Kristu f’dak li jagħmel. U hu jagħmel kull ħaġa billi jimita l-Missier: “L-opri li l-Missier tani biex inwettaq, dawk l-istess opri li jien qed nagħmel, jixhdu fija li l-Missier bagħatni” (Ġw5, 36). Anzi: “L-Iben waħdu ma jistà jagħmel xejn jekk mhux dak li jara l-Missier jagħmel; dak li jagħmel hu,  jagħmlu l-Iben ukoll” (Ġw 5, 19).

B’dan il-mod insibu sies perfett għall-kliem tal-Appostlu, skont liema aħna msejħin biex nimitaw lil Kristu (cf. 1 Kor 11, 1; 1 Ts 1, 6), u. konsegwemtement, ‘l Alla nnifsu: “Kunu, mela, tixbħu lil Alla, bħala wlied maħbuba” (Ef 5, 1). Il-ħajja “Kristu-somiljanti” hija fl-istess ħin ħajja simili għal dik ta’ Alla, fis-sens sħiħ tal-kelma.

  1. Il-kunċett tal-“ikel” ta’ Kristu, li matul ħajtu kien it-twettiq tar-rieda tal-Missier, jintroduċina fil-misteru tal-ubbidjenza tiegħu, li tasal sal-mewt fuq is-salib. Kien allura ikel morr, bħal ma jidher b’mod speċjali waqt it-talb fil-Ġetsemani, u mbagħad fil-korsa tal passjoni u l-agunija fuq is-salib: “Abba, Missier! Kollox hu possibbli għalik, biegħed minni dan il-kalċi. Biss mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int” (Mk14, 36). Biex nifhmu din l-ubidjenza, biex nifhmu wkoll għaliex dan l-“ikel” kellu jkun daqstant morr, hemm bżonn inħarsu lejn l-istorja kollha tal-bniedem fuq l-art,  immarkata bid-dnub, jew aħjar bid-diżubbidjenza fir-rigward ta’ Alla, Ħallieq u Missier. “L-Iben li jeħles” (cf. Ġw 8, 36),jeħles mela permezz tal-ubbidjenza tiegħu sal-mewt. U dan jagħmlu, billi jirrivela sal-aħħar id-devozzjoni tiegħu mimlija mħabba: “Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi” (Lq 23, 46). F’dan l-għoti tiegħu nnifsu, f’dan l-“abbandun tiegħu nnifsu” sħiħ lill-Missier tiddikjara ruħha b’mod speċjali fuq l-istorja kollha tad-diżubbidjenza umana l-għaqda kontemporanja divina tal-Iben mal-Missier: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10, 30). U hawn jesprimi ruħu dak li nistgħu niddefenuh bħala il-profil ċentrali tal-imitazzjoni, li għaliha il-bniedem huwa msejjaħ fi Kristu: “Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li jinsab fis-smewwiet, dawn għalija huma ħuti u ommi” (Mt 12, 50; Mk 3, 35).
  2. Fil-ħajja orjentata kompletament “lejn il-Missier”, u miegħu magħquda b’mod profond, Ġesù Kristu huwa wkoll mudell tat-talb tagħna, ta’ ħajjitna ta’ talb mentali u vokali. Huwa mhux biss għallimna nitolbu, prinċipalment lil Missierna (cf.Mt6, 9 ss), imma l-eżempju tat-talb tiegħu joffrilna bħala waqt essenzjali tar-rivelazzjoni tar-rabta tiegħu u tal-għaqda tiegħu mal-Missier. Nistgħu ngħidu li f’talbu jiġi mwettaq b’mod għal kollox partikolari l-fatt li “il-Missier biss jaf lill-Iben” – “u l-Iben biss jaf lill-Missier” (cf. Mt 11, 27; Lq 10, 22).

Niftakru l-waqtiet l-iktar sinifikattivi ta’ ħajtu ta’ talb. Ġesù jgħaddi bosta ħin jitlob (per eżempju Lq6, 12; 11, 1), speċjalment is-sigħat tal-lejl, waqt li jfittex il-postijiet addattati għal dan  (per eżempju Mk 1, 35; Mt 14, 23; Lq 6, 12). Bit-talb iħejji ruħu għall-Magħmudija fil-Ġordan (Lc 3, 21) u għall-għażla tat-tnax-il appostlu (cf. Lq 6, 12-13). Permezz tat-talb fil-Ġetsemani  iħejji ruħu biex jiffaċċja l-passjoni u l-mewt fuq is-salib (cf. Lc 22, 42). L-agunija fuq il-Kalvarju hija rtukata bit-talb: mis-salm 22, 1: “Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Lill-Missier, “Missier, aħfrilhom għaliex ma jafux x’inhuma jagħmlu”, (Lq 23, 34), għall-abbandun finali: “Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi” (Lq 23, 46). Iva, fil-ħajja u fil-mewt Ġesù huwa mudell tat-talb.

  1. Dwar it-talb ta’ Kristu naqraw fl-ittra lil-Lhud li “Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li setà jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza” (Eb5, 7-8). Din l-istqarrija li Gesù Kristu wettaq b’mod perfetti r-rieda tal-Missier, il-pjan etern ta’ Alla dwar il-fidwa tad-dinja bi prezz tas-sagrifiċċju suprem bi imħabba. Skont il-Vanġelu ta’ Ġwanni dan is-sagrifiċċju kien mhux biss glorifikazzjoni tal-Iben, b’mod konformi mal-kliem tat-talba “saċerdotali” fiċ-ċenaklu: “Missier, waslet is-siegħa, igglorifika ‘l Ibnek, sabiex l-Iben jigglorifika lilek. Għaliex int tajtu qawwa fuq kull esseri uman, sabiex hu jagħti ħajja eterna lil dawk kollha li inti tajtu” (Ġw 17, 1-2). Dan hu dak li twettaq fuq is-salib. Il-qawmien mill-imwiet wara tlett ijiem kien il-konferma u kważi l-esternament tal-glorja li biha “il-Missier igglorifia lill-Iben” (cf. Ġw 17,1). Il-ħajja kollha ta’ ubbidjenza u ta’ “ħmiena” filjali ta’ Kristu  sabet is-sisien tagħha bit-talb tiegħu, li allura kisiblu l-glorifikazzjoni definittiva.
  2. Dan l-ispirtu ta’ filjolanza maħbuba, ubbidjenti u devota, jispikka wkoll fl-episodju diġa mfakkar, meta d-dixxipli talbu lil Ġesù biex “jgħallimhom jitolbu” (cf.Lq11, 1-2), huwa ttrasmetta lilhom, u lill-ġenerazzjonijiet kollha tas-segwaċi tiegħu, talba li tibda b’dik is-sintesi verbali u konċettwali hekk espressiva: “Missierna”. F’dan il-kliem hemm il-manifestazzjoni tal-ispirtu ta’ Kristu dirett b’mod filjali lill-Missier, u meħud sal-qiegħ mill-“ħwejjeġ tal-Missier” (cf. Lq 2, 49). Waqt li tana għaż-żmenijiet kollha dik it-talba, Ġesù għaddielna fiha u biha mudell ta’ ħajja magħquda b’mod filjali mal-Missier, Jekk irridu nagħmlu tagħna għal din ħajjitna dan il-mudell, jekk irridu, b’mod partikolari, nieħdu sehem fil-misteru tal-fidwa billi nimitaw lil Kristu, neħtieġu li ma naqtgħux nitolbu lill-Missier kif hu għallimna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb