Is-Sagrifiċċju ta’ Kristu jwettaq il-pjan tal-Imħabba ta’ Alla


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 7 ta’ Settembru 1988

65. Is-Sagrifiċċju ta’ Kristu jwettaq il-pjan tal-Imħabba ta’ Alla

  1. Fil-missjoni messjnika ta’ Ġesù hemm punt kulminanti u ċentrali, li għalih bilmod il-mod ersaqna fil-katekeżi preċedenti: Kristu ntbagħat minn Alla fid-dinja biex iwettaq il-fidwa tal-bniedem permezz tas-sagrifiċċju tal-istess ħajtu. Dan is-sagrifiċċju kellu jieħu forma ta’ “tneżżih” tiegħu fl-ubbidjenza sal-mewt tas-salib: mewt li, fl-opinjoni tan-nies ta’ żmienu, kienet tippreżenta tebgħa partikolari ta’ mistħija.

Fil-predikazzjoni kollha tiegħu, fl-imġieba kollha tiegħu Ġesù huwa mmexxi mill-għarfien profond li għandu xi pjanijiet ta’ Alla dwar ħajtu u mewtu fl-ekonomija tal-missjoni messjanika, biċ-ċertezza li huma jisiltu mill-imħabba eterna tal-Missier lejn id-dinja u b’mod partikolari lejn il-bniedem.

  1. Jekk nikkonsidraw is-snin tal-adoloxxenza tiegħu, iġegħlna naħsbu ħafna dak il-kliem ta’ Ġesù ta’ tnax-il sena, ndirizzat lil Marija u lil Ġużeppi fil-waqt tas-“sejbien” tiegħu fit-tempju ta’ Ġerusalem: “Ma kontux tafu li jien irrid nieħu ħsieb l-affarijiet a’ Missieri?” (Lq2, 49). Liema ħwejjeġ kellu f’moħħu u f’qalbu? Dan nistgħu nassumuh minn bosta espressjonijiet  ta’ ħsiebu tul l-ark tal-ħajja pubblika tiegħu. Sa mill-bidu tal-attività messjanika tiegħu, Ġesù jinsisti fli jwaħħal f’ras id-dixxipli il-kunċett li “Bin il-bniedem” . . . għandu jbati ħafna” (Lq 9, 22), jiġifieri li għandu jkun “ippruvat mill-ġdid mix-xjuħ, mill-qassisin il-kbar u mill-iskribi, biex imbagħad jiġi maqtul, (u, wara tlett ijiem imqajjem mill-imwiet)” (Mk 8, 31). Imma dan kollu ma kellux jiġi biss mill-bnedmin, mill-ostilità tagħhom fir-rigward tal-persuna tiegħu u tat-tagħlim tiegħu, imma jikkostitwixxi t-twettiq tal-pjani ta’ Alla, bħal ma kien imħabbar fl-Iskritturi li fihom hemm miġbura r-rivelazzjoni divina: “X’kien miktub dwar Bin il-bniedem? Li għandu jbati ħafna u jkun  iddisprezzat” (Mk 9, 12).
  2. Meta Pietru pprova jinnega din l-eventwalità (“. . . dan lilek ma jiġrilek qatt”) (Mt16, 22), Ġesù jċanfru bi kliem b’mod partikolari sever: “Tbiegħed minni, satana! Għaliex int ma taħsibx skont Alla, imma skont il-bnedmin” (Mk8, 33). Hija mpresjonanti l-elokwenza ta’ dan il-kliem, li bih Ġesù jrid ifiehem lil Pietru li li topponi għat-triq tas-salib ifisser li trid tfixkel il-pjani ta’ Alla nnifsu. “Satana” huwa propju dak li “sa mill-bidu” kien f’kuntrast ma’ dak “li huwa ta’ Alla”.
  3. Ġesù mela jaf, kemm bir-responsabiltà tal-bnedmin għall-mewt tiegħu fuq is-salib, li huwa kellu jiffaċċja minħabba kundanna ppronunzjata minn tribunal terren: kif ukoll bil-fatt li permezz ta’ din il-kundanna umana huwa jwettaq il-pjan divin etern: dak “li huwa ta’ Alla ”, jiġifieri s-sagrifiċċju offrut fuq is-salib għall-fidwa tad-dinja. U wkoll jekk Ġesù (bħal Alla nnifsu ) ma jridx id-deni tad-“dejiċidju” imwettaq mill-bnedmin, madankollu jaċċetta dan id-deni, biex minnu jislet il-ġid tal-fidwa tad-dinja.
  4. Wara l-qawmien mill-imwiet, waqt li jimxi mingħajr ma jiġi magħruf ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu lejn Emmaws, jispjegalhom l-“Iskritturi” tat-Testment il-Qadim f’dawn it-termini: “Ma kienx hemm bżonn li l-Kristu jġarrab dawn it-tbatijiet biex jidħol fil-glorja tiegħu?” (Lq24, 26). U fl-okkażjoni tal-aħħar laqgħa tiegħu mal-appostli jiddikjara: “Dan huwa l-kliem li kont ngħidilkom meta kont għadni magħkom: hemm bżonn li jitwettqu l-ħwejjeġ kollha miktubin fuqi fil-liġi ta’ Mosè, fil-profeti u fis-salmi” (Lq24, 44).
  5. Fid-dawl tal-ġrajjiet paskwali l-appostli jifhmu dak li Ġesù kien qalilhom bil-quddiem. Pietru, li b’imħabba lejn l-Imgħallem, imma wkoll minħabba nuqqas ta’ fehim, donnu kien oppona b’mod partikulari d-destin krudil tiegħu, jgħid lis-semmiegħa tiegħu f’Ġerusalem, fil-jum tal-Pentekoste, waqt li kien jitkellem dwar Kristu: “Il-bniedem . . . li, skont il-għerf u l-pjan imħejji minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena . . .” (At2, 22-23). U darb’oħra jżid: “Hekk Alla wettaq dak kollu li kien ħabbar minn qabel b’fomm il-profeti kollha, li jiġifieri li l-Kristu tiegħu kellu jmut” (At3, 18).
  6. Il-passjoni u l-mewt ta’ Kristu kienu mħabbra fit-testment il-qadim mhux bħala t-terminu tal-passjoni tiegħu, imma bħala l-“passaġġ” indispensabbli mitlub biex ikun eżaltat minn Alla. Dan jgħidulna b’mod speċjali l-kantiku ta’ Iżaija meta jitkellem dwar il-qaddej ta’ Jaħwè bħala l-bniedem tat-tbatija: “Hekk hu, il-qaddej tiegħi ikollu success, ikun mgħolli, onorat, eżaltat b’mod grandjuż” (52, 13). U Ġesù stess meta jwissi lill-appostli li “Bin il-bniedem . . . jiġi maqtul”, iżid ukoll li “wara tlett ijiem jerġà jqum” cf.Mc 8, 31).
  7. Ninsabu mela quddiem pjan divin li, ukoll jekk jidher hekk evidenti, meqjus tul il-korsa tal-ġrajjiet deskritt mill-Vanġeli , jibqà saħansitra dejjem misteru li ma jistax ikun spjegat b’mod eżawrjenti mir-raġuni umana. F’dan l-ispirtu l-appostlu Pawlu jesprimi ruħu b’dak il-paradoss tal-għaġeb: “Dik li hija bluha ta’ Alla hija iktar għarfa mill-bnedmin, u dik li hija dgħufija ta’ Alla hija iktar qawwija mill-bnedmin” (1 Kor1, 25). Dan il-kliem ta’ Pawlu rigward is-salib ta’ Kristu huwa insostitwibbli. Imma huwa wkoll veru li jekk huwa diffiċli għall-bniedem li jsib tweġiba razzjonalment sodisfaċenti għall-mistoqsija “għaliex is-salib ta’ Kristu?” madankollu t-tweġiba għal din il-mistoqsija tiġi għal darb’oħra mill-Kelma ta’ Alla.
  8. Ġesù stess jagħmel tali tweġiba: “Infatti Alla tant ħabb id-dinja li wasal jagħti lil Ibnu waħdieni sabiex kull min jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw3, 16). Meta Ġesù ppronunzja dan il-kliem fid-djalogu billejl ma Nikodemu, probabilment l-interlokotur tiegħu kien għadu ma jistax jissopponi li s-sentenza “jagħti lil Ibnu” kienet tfisser “jagħtih għall-mewt fuq is-salib”. Imma Ġwanni, li jirrakkontaha fil-Vanġelu tiegħu, kien jaf sewwa s-sinifikat. L-iżvilupp tal-ġrajjiet kien wera li kien propju dak is-sens tat-tweġiba lil Nikodemu: Alla “ta” lil Ibnu l-waħdieni għall-fidwa tad-dinja, tah għall-mewt tas-salib għad-dnubiet tad-dinja, tah b’imħabba: “Alla . . . tant ħabb lid-dinja”, il-ħolqien tal-bniedem! L-imħabba tibqà l-ispjega definittiva tal-fidwa permezz tas-salib. Din hija l-unika tweġiba għall-mistoqsija “għaliex?” fir-rigward tal-mewt ta’ Kristu inkluża fil-pjan etern ta’ Alla.

L-awtur tar-rabà Vanġelu li fih insibu t-test tat-tweġiba ta’ Kristu lil Nikodemu, jerġà lura mill-ġdid fuq l-istess kunċett f’waħda mill-ittri tiegħu: “F’dan tinsab l-imħabba: ma konniex aħna li ħabbejna lil Alla, imma kien hu li ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala vittma tas-sagrifiċċju għal dnubietna” (1 Ġw 4, 10).

  1. Din hija mħabba li tissupera l-istess ġustizzja. Il-ġustizzja tistà tirrigwarda u tilħaq dak li wettaq il-ħtija. Jekk dak li jbati huwa nnoċenti, allura hawn m’aħniex nitkellmu dwar ġustizzja. Jekk innoċenti li huwa qaddis, bħal Kristu, jagħti ruħu minn jeddu għat-tbatija u għall-mewt tas-salib biex iwettaq il-pjan etern tal-Missier, dan ifisser li Alla fis-sagrifiċċju ta’ Ibnu jgħaddi f’ċertu sens ‘il hemm mill-ordni tal-ġustizzja biex jirrivela lilu nnifsu f’dan l-Iben u permezz tiegħu fl-għana kollha tal-ħniena tiegħu – Dives in Misericordia(Ef2, 4), – kważi biex jintroduċi, flimkien ma’ dan l-Iben imsallab u rxuxtat, il-ħniena tiegħu, l-imħabba tiegħu, fl-istorja tar-rapporti bejn il-bniedem u Alla.

Propju permezz ta’ din l-imħabba ħanina l-bniedem jiġi msejjaħ biex jegħleb il-ħażin u d-dnub fih u fir-rigward tal-oħrajn: “Imberkin dawk li jħennu għaliex huma jsibu ħniena” (Mt 5, 7). “Alla juri mħabbtu lejna għaliex, waqt li aħna kien għadna midimbin, Kristu miet għalina”, jikteb San Pawl (Rm 5, 8).

  1. L-Appostlu jerġà lura għal din it-tema f’diversi punti tal-itti tiegħu, li fihom spiss jirrikorri it-trinomju: fidwa – ġustizzja – imħabba.

“Ilkoll dnibna u aħna nieqsa mill-glorja ta’ Alla, imma aħna ġġustifikat b’xejn bil-grazzja tiegħu, bis-saħħa tal-fidwa mwettqa minn Kristu Ġesù . . . f’demmu . . .” (Rm 3, 23-25). B’dan il-mod Alla juri li ma jridx jikkuntenta ruħu bis-severità tal-ġustizzja, li meta tara l-ħażin tikkastigah, imma li ried jittrijonfa b’mod ieħor fuq id-dnub, billi jagħti jiġifieri l-possibiltà li wieħed joħroġ. Alla ried juri ruħu ġust  b’mod pożittiv billi jagħti lill-midimbin l-possibiltà li jsiru ġusti permezz tal-aċċettazzjoni tagħhom ta’ fidi fi Kristu feddej. Hekk Alla “huwa ġust u jagħmel ġusti” (Rm 3, 26). Dan iseħħ b’mod li jgħaġġibna  ġaladarba “Dak li ma għaraf qatt id-dnub, Alla ttrattah ta’ dnub favur tagħna, sabiex aħna nkunu nistgħu nsiru permezz tiegħu ġustizzja ta’ Alla” (2 Kor 5, 21).

  1. Dak li “ma kienx għaraf id-dnub” – l-Iben konsustanzjali mal-Missier – ġarr fuqu l-madmad terribbli tad-dnub tal-umanità kollha biex jikseb il-ġusifikazzjoni u l-qdusija tagħna. Din hija l-imħabba ta’ Alla rivelata fl-Iben. Permezz tal-Iben immanifestat ruħha l-imħabba tal-Missier “li ma ħafirhiex lill-istess Ibnu, imma tah għalina lkoll” (Rm8, 32). Biex nifhmu l-firxa ta’ dan il-kliem: “ma ħafirhiex”, tistà taqdina t-tifkira tas-sagrifiċċju ta’ Abraham, li wera ruħu lest li “ma jaħfirhiex lill- ibnu l-għażiż” (Gen 22, 16); Alla, però, kien ħafirhielu (Ġen 22, 12). Għall-kuntrarju, lill-propju Ibnu l-waħdieni, “Alla, ma ħafirhielux, imma tah” għall-mewt għall-fidwa tagħna.
  2. Minn hawn titqanqal iċ-ċertezza tal-Appostlu li ħadd u xejn, “la mewt, la ħajja, la anġli . . . linqas ebda krejatura oħra ma tistà tifridna mill-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù Sidna” (Rm8, 38-39). Flimkien ma’ Pawlu l-Knisja kollha hija ċerta minn din l-imħabba ta’ Alla “li tissupera kwalunkwè ħaġa”, l-aħħar kelma dwar l-awtorivelazzjoni ta’ Alla fl-istorja tal-bniedem u tad-dinja, awtokomunikazzjoni suprema li sseħħ permezz tas-salib, fiċ-ċentru tal-misteru paskwali ta’ Ġesù Kristu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb.