Il-Qawwa Salvivifika tal-Qawmien ta’ Kristu mill-Mewt


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 15 ta’ Marzu 1989

82. Il-Qawwa Salvivifika tal-Qawmien ta’ Kristu mill-Mewt.

  1. Jekk il-fidi nisranija u l-predikazzjoni tal-Knisja għandhom il-fus tagħhom fil-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu għaliex huwa l-konferma definittiva u t-twettiq definittiv tar-Rivelazzjoni, bħal ma rajna fil-katekeżi ta’ qabel. Hemm bżonn li nżidu wkoll li, inkwantu għall-integrazzjoni tal-misteru paskwali, dan huwa s-sors tal-qawwa feddejja tal-Vanġelu u tal-Knisja. Infatti, Ġesù Kristu, skont San Pawl, “permezz tal-qawmien mill-imwiet” irrivela ruħu l-“Iben ta’ Alla b’qawwa . . . ikkostitwit skont l-Ispirtu ta’ Santifikazzjoni” (cf.Rm1, 4). U hu jittrażmetti lill-bnedmin din il-qdusija għaliex “kien ikkundannat għall-mewt minħabba fi dnubietna u qam mill-imwiet minħabba l-ġustifikazzjoni tagħna” (Rm 4, 25). Hemm bħal aspett doppju fil-misteru paskwali: il-mewt għall-ħelsien mid-dnub, il-qawmien mill-imwiet biex jinfetaħ l-aċċess għsll-ħajja l-ġdida.

Bla dubju l-misteru paskwali bħall-ħajja u l-opra kollha ta’ Kristu, għandha għaqda nterna profonda fil-funzjoni feddejja tagħha u fl-effett tagħha, imma dan ma jneħħix li ma jistgħux jiddistingwu ruħhom diversi aspetti fir-rapport tal-effetti li joriġinaw fil-bniedem. Min hawn l-attribuzzjoni tal-effett speċifiku tal-“ħajja l-ġdida” għall-qawmien mill-imwiet bħal ma jiddikjara San Pawl.

  1. F’din id-duttrina hemm bżonn nagħmlu xi annotazzjonijiet li, dejjem b’referenza għat-testi tat-testment il-ġdid, jippermettulna li ninnutaw il-verità u s-sbuħija kollha.

Qabel xejn, nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li l-Kristu rxoxt huwa bidu u sors ta’ ħajja ġdida għall-bnedmin kollha. Dan jidher ukoll mit-talba stupenda ta’ Ġesù lejlet il-Passjoni tiegħu, li Ġwanni jġib kelma b’kelma: “Missier, . . . igglorifika lill-Iben tiegħek, sabiex l-Iben jigglorifika lilek. Għaliex inti tajtu l-poter fuq kull esseri uman, sabiex hu jagħti l-ħajja eterna lil dawk kollha li inti tajtu” (Ġw 17, 1-2).

Fit-talba tiegħu Ġesù jara u jħaddan qabel kollox lid-dixxipli tiegħu, li huwa wissa dwar id-distakk qarib doloruż li kellu jseħħ permezz tal-Passjoni u l-mewt tiegħu,  imma lil min huwa wkoll kien wiegħed: “Jiena ngħix u intom tgħixu” (Ġw 14,19). Jiġifieri: ikollkom sehem f’ħajti li tirrivela ruħha wara l-Qawmien mill-imwiet. Imma l-ħarsa ta’ Ġesù testendi ruħha għal raġġ ta’ wisgħa universali: “Ma nitlobx biss għal dawn (Dixxipli tiegħi) – hu jgħid – imma wkoll għal dawk li għall-kelma tagħhom jemmnu fija . . .” (Ġw 17, 20): ta’ kollha jrid jagħmel ħaġa waħda biss fis-sehem għall-glorja ta’ Alla fi Kristu.

Il-ħajja l-ġdida  mogħtija lil dawk li jemmnu bis-saħħa tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, tikkonsisti fir-rebħa fuq il-mewt tad-dnub u fis-sehem il-ġdid tal-grazzja. Dan jiddikjarah b’mod lapidarju San Pawl: “Alla, għani fil-ħniena. . . .minn mejtin li konna minħabba d-dnub, għejjixna mill-ġdid ma’ Kristu” (Ef 2, 4-5). B’mod simili San Pietru: “Alla u Missier ta’ Sidna . . . fil-ħniena kbira tiegħu irriġenerana, permezz tal-qawmien mill-imwiet f’Ġesù Kristu minn mejtin għal tama ħajja” (1 Pt 1, 3).

Din il-verità tirrifletti ruħha fit-tagħlim pawlin dwar il-Magħmudija: “Permezz tal-magħmudija aħna mela indfinna flimkien miegħu (Kristu) fil-mewt, sabiex bħal ma Kristu kien irxuxtat permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nkunu nistgħu nimxu f’ħajja ġdida” (Rm 6, 4).

  1. Din il-ħajja ġdida – il-ħajja skont l-Ispirtu – timmanifesta l-addozzjoni għal ulied, kunċett ieħor pawlin ta’ mportanza fundamentali. Huwa “klassiku”, fuq dan il-punt il-pass tal-ittra lill-Galatin: “(Alla) bagħat lil Ibnu . . . biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, sabiex jirċievu l-addozzjoni ta’ wlied” (Gal4, 4-5). Din l-addozzjoni divina bl-opra tal-Ispirtu Santu tirrendi l-bniedem simili għall-Iben uniġenitu: “ . . . dawk kollha li huma mmexxija mill-Ispirtu ta’ Alla, dawk huma ulied Alla” (Rm 8, 14). Fl-ittra lill-Galatin San Pawl jappella għall-esperjenza li dawk li jemmnu jagħmlu mill-kondizzjoni li fiha jsibu ruħhom: “U li intom ulied huwa prova ta’ dan il-fatt li Alla bagħat f’qalbkom l-Ispirtu ta’ Ibnu li jgħajjat: Abba, Missier! Mela mintix iktar skjav, imma iben u jekk iben, inti wkoll werriet bir-rieda ta’ Alla” (Gal 4, 6-7). Hemm mela fil-bniedem il-ġdid l-ewwel effett tal-Fidwa: il-ħelsien minn skjav; imma l-akkwist tal-libertà jiġi ma li ssir iben addottiv, mhux tant fuq pjan ta’ aċċess legali għall-wirt, imma bid-don reali tal-ħajja divina, li t-tliet Persuni tat-Trinità  jonfħu fil-bniedem (cf. Gal 4, 6; 2 Kor 13, 13). Ta’ din il-ħajja ġdida tal-bniedem f’Alla, is-sors huwa l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

Is-sehem fil-ħajja l-ġdida jagħmel iva wkoll li l-bnedmin isiru “aħwa” ta’ Kristu, bħal ma Ġesù stess isejjaħ lid-dixxipli wara l-Qawmien mill-imwiet: “Morru biex tħabbru lil ħuti . . .” (Mt 28, 10; Ġw 20, 17). Aħwa mhux skont in-natura, imma b’don ta’ grazzja, għaliex tali filjolanza addottiva tagħti sehem reali u veru fil-ħajja tal-Iben uniġenitu, bħal ma kien irrivelat pjenament fil-Qawmien mill-imwiet tiegħu.

  1. Il-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu – u anzi, il-Kristu rxoxt – huwa fl-aħħarnett bidu u sors tal-qawmien mill-imwiet futur tagħna. Waqt li jħabbar minn qabel l-istituzzjoni tal-Ewkaristija, Ġesù nnifsu tkellem dwarha bħala sagrament tal-ħajja eterna, tal-qawmien mill-imwiet futur: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jien inqajmu fl-aħħar jum” (Ġw6, 54). U billi dawk li semgħuh “gergru”, Ġesù rrispondihom: “Dan jiskandalizzakom? U jekk taraw lil Bin il-bniedem jitlà hemm fejn kien qabel?” (Ġw6, 61-62).

B’dan il-mod huwa kien jindika b’mod indirett li taħt l-ispeċi sagramentali tal-Ewkaristija jiġi mogħti lil dawk li jirċievu u jieħdu sehem fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu gglorifikat.

Ukoll San Pawl jenfasizza l-kollegament bejn il-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu u dak tagħna speċjalment fl-ewwel ittra lill-Korintin. Huwa infatti jikteb: “Kristu qam mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li mietu: u bħal ma kulħadd imut f’Adam, hekk kulħadd jirċievi l-ħajja fi Kristu” (1 Kor 15, 20-22). “Huwa meħtieġ infatti li dan il-ġisem korruttibbli jkun imlibbes bl-inkorruttibiltà u dan il-ġisem mortali bl-immortalità, titwettaq il-kelma tal-Iskrittura: «Il-mewt ġiet miblugħa minħabba r-rebħa»” (1 Kor 15, 53-54). “Niżżu ħajr lil Alla li jagħtina r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu” (1 Kor 15, 57).

Ir-rebħa definittiva fuq il-mewt, diġa magħmula minn Kristu, tiġi minnu pparteċipatha lill-umanità fil-qies li fih din tirċievi l-frott tal-Fidwa. Dan huwa process ta’ ammissjoni għall-“ħajja l-ġdida”, għall-“ħajja eterna”, li tibqà sakemm itulu ż-żminijiet. Grazzi għal tali process tiġi ffurmatha  tul il-korsa tas-sekoli  umanità ġdida, il-poplu ta’ dawk li jemmnu, miġburin fil-Knisja, komunità tassew tal-qawmien mill-imwiet. Fil-punt konklussiv tal-istorja, ilkoll jirxuxtaw u dawk li kienu ta’ Kristu, ikollhom il-milja tal-ħajja fil-glorja, fl-attwazzjoni definittiva tal-komunità tal-mifdijin minn Kristu, “għaliex Alla jkun kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28).

  1. L-Appostlu jgħallem ukoll li l-proċess feddej, li jintemm bil-qawmien mill-imwiet tal-mejtin, iseħħ fi sfera ta’ spiritwalità ineffabbli li tissupera il-possibiltajiet kollha ta’ konċezzjoni u ta’ operazzjoni umana. Jekk, infatti, minn naħa huwa jikteb: “Il-ġisem u d-demm ma jistgħux jirtu s-saltna ta’ Alla, linqas dak li hu korruttibbli ma jistà jiret l-inkorruttibiltà” (1 Kor15, 50), – u hija l-osservazzjoni tan-nuqqas ta’ ħila naturali tagħna għall-ħajja l-ġdida min-naħa l-oħra, fl-ittra lir-Rumani jassikura b’dan il-mod lil dawk li jemmnu: “Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, dak li qajjem lil Kristu mill-imwiet jagħti l-ħajja wkoll lil ġisimkom mortali permezz tal-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom” (Rm 8, 11). Dan huwa process misterjuż ta’ spiritwalizzazzjoni li fil-waqt tal-qawmien mill-imwiet jilħaq ukoll lill-iġsma, minħabba l-qawwa ta’ dak l-istess Spirtu Santu, li opera l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

Din hija bla ebda dubju ta’ xejn ir-realtà li taħrab il-ħila ta’ fehim u ta’ dimostrazzjoni razzjonali, u għalhekk hija oġġett tal-fidi tagħna msejsha  fuq il-Kelma ta’ Alla li, permezz ta’ San Pawl, tgħinna nippenetraw fil-misteru li jissupera l-konfini kollha tal-ispazju u taż-żmien: “L-ewwel bniedem, Adam, sar esseri ħaj, imma l-aħħar Adam isir spirtu li jagħti l-ħajja” (1 Kor 15, 45). “U bħal ma ġarrejna x-xbiha tal-bniedem fuq l-art, hekk ukoll inġorru x-xbiha tal-bniedem ċelesti” (1 Kor 15, 49).

  1. Fl-istennija ta’ dik il-milja finali traxxendenti, Il-Kristu rxoxt jgħix fil-qlub tad-dixxipli u s-segwaċi tiegħu bħala sors ta’ qdusija fl-Ispirtu Santu, sors tal-ħajja divina u tal-filjolanza divina, sors tal-futur qawmien mill-imwiet.

Tali ċertezza iġġegħlna ngħidu ma’ San Pawl fl-ittra lill-Galatin: “Kont imsallab ma’ Kristu, u miniex iktar jien li ngħix, imma Kristu li jgħix fija. Din il-ħajja li ngħix fil-ġisem jien ngħixha fil-fidi tal-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2, 20). Ukoll kull nisani, bħall-Appostlu, minkejja li għadu jgħix fil-ġisem (cf. Rm 7, 5), jgħix ħajja diġa spiritwalizzatha bil-fidi (cf. 2 Kor 10, 3), għaliex il-Kristu ħaj, il-Kristu rxoxt sar bħas-suġġett tal-azzjonijiet kollha tiegħu: Kristu jgħix fija (cfr.Rm 8, 2. 10-11; Fil 1, 21; Kol 3, 3). U huwa l-ħajja fl-Ispirtu Santu.

Din iċ-ċertezza jsostni l-Appostlu, kif jistà u għandu jsostni kull nisrani fost ix-xogħlijiet u t-tbatijiet tal-ħajja preżenti, bħal ma kien irrakkomanda Pawlu lid-dixxiplu Timoteju fis-silta ta’ ittra tiegħu li biha rridu nissiġillaw – għall-istruzzjoni u fil-konfront tagħna – il-katekeżi dwar il-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu: “Ftakar – huwa jikteb – li Ġesù Kristu, mid-dixxendenza ta David, qam mill-imwiet, skont il-vanġelu tiegħi . . .Għalhekk nissaporti kull ħaġa għall-magħżulin, sabiex huma wkoll jaslu għall-fidwa li hija fi Kristu Ġesù, flimkien mal-glorja eterna. Sikura hija din il-kelma (jistà jkun biċċa minn innu tal-ewwel insara): Jekk inmutu miegħu, se ngħixu wkoll miegħu: jekk miegħu nipperseveraw , miegħu ukoll se nsaltnu, jekk niċħduh, huwa wkoll se jiċħadna: jekk aħna nonqsu mill-fidi, huwa però  jibqà fidil, għaliex ma jistax jiċħad lilu nnifsu . . .” (2 Tm 2, 8-13).

“Ftakar li Ġesù Kristu qam mill-imwiet”: din il-kelma tal-Appostlu tagħtina l-muftieħ tat-tama għall-ħajja vera fiż-żmien u fl-eternità.

 

Miġjub għal-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb